Skip to content

San Pietru: Profil ta’ Bniedem Bħalna li Għex il-Vanġelu

 

San Pietru: Profil ta’ Bniedem Bħalna li Għex il-Vanġelu
kitba ta’ Maro Sant
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2004.

 

stampa

caption

 

Betsajda, li tfisser raħal jew belt ċkejkna tas-sajjieda, tinsab max-xtajta ta’ fuq u lejn il-Lvant ta’ l-Għadira ta’ Tiberija fil-Galilija. Ħafna jgħidu li n-natural tan-nies tal-Galilija minn dejjem kien wieħed tajjeb ħafna, nies ta’ qalbhom f’idhom iżda kienu wkoll nies ta’ żaqqhom f’fommhom, goffi fi kliemhom u għemilhom.  Nimmaġina kien għalhekk allura li San Pietru, Galilew ukoll ġej minn Betsajda, kellu ħafna minn dan kollu.  F’San Pietru, li dejjem kont issibu lest biex jisma’ tagħlim ġdid, speċjalment mingħand l-Imgħallem, l-istess Ġesu ra fih raġel bħall-oħrajn kollha, imma fuq kollox bniedem ta’ rieda tajba u ta’ qalb kbira. U għalhekk ħabb u ħatru biex ikun il-mexxej tal-bnedmin ħutu.

Mill-Evanġelji nafu li Pietru kien iben Ġona, kif ukoll li wieħed minn ħutu kien jismu Indri, li bħal Pietru mhux biss kien sajjied imma anke wieħed mill-appostli u għalhekk bħalu viċin ħafna ta’ l-Imgħallem. Kien l-istess Indri li ħa lil Pietru l-ewwel darba għand Ġesu. Dakinhar Ġesu kif ra lil dan Pietru minnufih qallu: “Int Xmuni, bin Ġwanni, u jien insejjaħlek Kefas (li jfisser Pietru).

Qabel iltaqa’ ma’ Ġesu, skond kif jingħad, il-familja ta’ Pietru kienu telqu minn Betsajda u marru joqogħdu f’belt oħra tal-Galilija – Kafernahum, belt imdaqqsa sew fuq in-naħa l-oħra ta’ l-Għadira ta’ Tiberija. Minħabba li hawnhekk kont issib nies aktar għonja, Pietru sab ruħu aħjar f Kafernahum dan għaliex f’din il-belt ma kienx ibati wisq biex isib il-bejgħ tal-ħut li kien jaqbad. Kien maġenb din l-Għadira li darba fost l-oħrajn Pietru lemaħ f’Ġesu qawwa li mhix ta’ din id-dinja. Darba minnhom Ġesu kien qed jgħallem ma’ din l-istess xtajta fejn kien hemm id-dgħajsa ta’ Pietru. Imma dakinhar ma kienet xejn ġurnata feliċi għal Pietru. Kien għadu kif għadda lejl sħiħ fuq il-baħar jistad bla ma kien irnexxielu jaqbad xejn.

Ġesu resaq lejn id-dgħajsa ta’ Pietru, tela’ fuqha u qallu biex jaqdef ‘il barra u jixħet ix-xbiek. M’għandniex xi ngħidu l-ewwel ħaġa li għamel Pietru kienet li qal lill-Imgħallem b’dak li kien ġralu matul il-lejl. Imma wara li ħaseb sew fuq dak li kien ordnalu jagħmel Ġesu, Pietru xeħet ix-xbiek. U dakinhar qabad għadd kbir ta’ ħut li mhux biss stagħġeb iżda beża’. Fehem tassew min kien l-Imgħallem tiegħu, tant li talbu biex jitbiegħed minnu għax hu kien raġel midneb.   Ġesu mhux talli ma tbiegħedx iżda sejjaħlu għal warajh biex għamlu sajjied ta’ l-erwieħ.

Għaliex Ġesu għażel lil Pietru bħala s-suċċessur tiegħu u għalfejn ried jagħmlu l-pedament tal-Knisja?  Pietru ma kienx jogħla fuq sħabu l-appostli, kien sinċier f’kollox u din il-ħaġa kienet tagħżlu minn kulħadd. Huwa kien miġbud lejn l-Imgħallem tiegħu u għalkemm kien hu stess li ċaħdu iżda nafu kif beka l-iżball tiegħu u sar iħobbu aktar minn qatt qabel. Wara li Ġesu qam mill-imwiet u qabel ma tela’ s-sema ġiegħel lil Pietru jagħmel stqarrija għal tliet darbiet li kien tabilħaqq iħobbu.  Ġieghlu jagħmilha tliet darbiet biex ipatti għal dak li kien għamel meta kien ċaħdu tliet darbiet u wkoll biex juri l-kobor ta’ l-imhabba lejn l-Imgħallem, il-fundatur tal-Knisja. Wara din l-istqarrija, kull darba li Pietru stqarr imħabbtu, Ġesu tah il-missjoni li jirgħa n-nagħaġ Tiegħu, jiġifieri jieħu ħsieb il-Knisja.

Nhar l-ewwel Għid il-Ħamsin Nisrani, Pietru mtela’ bl-Ispirtu s-Santu u sar bniedem wisq differenti milli kien qabel. Imtela’ bil-kuraġġ, l-għerf u l-għaqal meħtieġ f’kull mexxej, speċjalment fil-mexxej tal-Knisja. U meta l-Lhud bdew jiddieħku b’dawk li fuqhom niżel l-Ispirtu s-Santu u qalu li kienu fis-sakra, kien hu li ma sabhiex bi kbira jitkellem quddiem kulħadd biex ifiehem dak li kien għadu kemm ġara. Ma kien jibża’ minn xejn u kien jgħid li hu ma kienx lest li jagħlaq dak il-ħalq li fetaħulu Alla.

L-ewwel żminijiet tal-Knisja mmexxija minn Pietru kienu diffiċli ħafna u mimlija inkwiet, iżda ta’ faraġ kbir għalih kien meta sema’ bl-aħbar sabiħa tal-konverżjoni ta’ wieħed jismu Sawlu (Pawlu) li minn Duttur tal-Ligi u persekutur ta’ l-insara dar b’ruħu u ġismu lejn dawk li kien qed jaħqar. Fis-sena 39 dan Sawlu mar iżur lil Pietru Ġerusalemm.   Din kienet żjara ta’ qima, imma ma’ setgħetx ħlief timla l-qalb ta’ Pietru b’tamiet l-aktar sbieħ, għall-ġejjieni tal-Knisja.

Wara ftit taż-żmien Pietru ħalla Ġerusalemm, għadda mill-belt ta’ Lidda u baqa’ sejjer lejn il-Punent u daħal f’Ġaffa, belt sabiħa ħdejn il-baħar Mediterran. Kien f’dan il-post li Pietru qajjem mara mill-mewt, ċerta Tabita. Ma kinitx ilha wisq li mietet u fuq il-belt kien qed jirrenja silenzju kbir ta’ dieqa. Pietru malajr sar jaf b’dak li ġara u daħal fejn din il-mara, talab fuqha u mill-ġdid Tabita reġgħet ingħatat il-ħajja.  Ferħu l-ħafna foqra li kienu jafuha, għax din Tabita kienet mara qalbha tajba u mhux darba jew tnejn kienet tat l-għajnuna tagħha lil kull min irrikorra għandha fil-bżonnijiet tiegħu. Ma’ dawk il-foqra feraħ ukoll Pietru u bil-ħila ta’ din l-istess Tabita u l-qawmien mill-imwiet tagħha ħafna emmnu f’Ġesu u saru nsara.

Wara din il-ġrajja Pietru mar joqgħod għand wieħed ħabib tieghu Xmun. Darba minnhom hemmhekk Pietru ħolom li kien ra u sema’ lil Ġesu jgħidlu biex idaħħal il-pagani wkoll fil-Knisja tieghu. Kif Pietru kien qed jaħseb x’kienet tfisser dik il-ħolma ġew xi nies għandu mill-belt ta’ Ċesarija li qalulu li sidhom, iċ-ċenturjun Kornelju, ta’ nisel pagan kien qed jitlob biex jiltaqa’ miegħu u dan biex ifissirlu aħjar it-tagħlim ta’ Ġesu Kristu.  Pietru ma tilifx wisq żmien u mar għand Kornelju, li sema’ kemm kien raġel twajjeb u benefattur kbir tal-Lhud. Hemmhekk f’Ċesarija kellha għalhekk titwettaq l-ewwel konverżjoni ta’ pagan li daħal fil-Knisja nisranija, dan għaliex Pietru ma damx ma għammed mhux biss liċ-ċenturjun Kornelju iżda wkoll lill-familja kollha tiegħu.

Wara dan Pietru mar Ġerusalemm u rrakkonta lill-kbarat tal-Knisja b’dak kollu li kien ġara matul il-missjoni tiegħu. Kif kien hemm fil-Belt Imqaddsa, is-Sultan Agrippa I, in-neputi ta’ Erodi l-Kbir, beda jaħqar l-insara u qatel lil Ġakbu l-Kbir, li kien appostlu u ħu Ġwanni l-Evanġelista.

U meta Agrippa ra li l-Lhud ferħu bil-martirju ta’ Ġakbu, qabad lil Pietru u xeħtu fil-ħabs biex joqtlu. Imma l-anġlu ta’ Alla ħeles lil Pietru mill-ktajjen b’miraklu kbir, u Pietru wara li sellem lill-insara ta’ Ġerusalemm ħarab mill-belt u mar iżur xi knejjes. Dan ġara għall-ħabta tas-sena 44. Ħames snin wara Pietru reġa’ kien fil-Belt Imqaddsa għall-ewwel Konċilju tal-Knisja taħt it-tmexxija tiegħu.

Is-snin ta’ wara għaddiehom jiġri minn post għall-ieħor, jgħallem u jfiehem it-tagħlim ta’ Ġesu Kristu, kif ukoll nafu li ħalla warajh żewġ ittri, li nsibuhom fl-Iskrittura Mqaddsa.  San Pietru kiteb l-ewwel ittra tiegħu meta kien Ruma għall-ħabta tas-sena 64. Din l-ittra indirizzaha lill-insara ta’ l-Asja Minuri biex isaħħaħhom fil-fidi u jurihom kif għandhom jgħixu f’Soċjetà fil-maġġoranza tagħha pagana. Pietru jisħaq f’din l-ittra fuq id-dmir tan-nisrani li jagħti eżempju tajjeb biex jiġbed lill-pagani għall-konverżjoni.

It-tieni ittra tiegħu indirizzaha lill-insara kollha bl-ebda ħjiel ta’ xi post partikolari. Ħsiebu kien li jsaħħaħ il-fidi ta’ l-insara, l-aktar dwar it-tieni miġja ta’ Ġesu Kristu, iwiddibhom dwar it-tagħlim ħażin, u jfakkarhom fil-periklu li jifhmu ħażin l-Iskrittura, l-aktar il-kitba ta’ Pawlu.

Pietru miet, jew aħjar ħa l-martirju, wara li l-imperatur Neruni ħaraq il-belt ta’ Ruma u beda jippersegwita l-Insara. Huwa ġie arrestat ma’ ħafna nsara oħra, mixħut il-ħabs u maqtul. Illum minn dak li nstab u li nkiteb wara l-iskavi li kien ordna l-Papa Piju XII, hija kważi ħaġa ċerta li San Pietru ġie midfun fejn illum hemm il-Vatikan.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: