San Pietru – Prinċep tal-Appostli
‘San Pietru – Prinċep tal-appostli’ |
![]() |
L-Appostlu San Pietru huwa tant imsemmi fit-Testment il-Ġdid fil-Vanġelu, fl-Atti ta’ l-Appostli u fl-Epistoli ta’ San Pawl, li huwa kkunsidrat bħala l-aktar persuna magħrufa fil-ħajja tas-Salvatur Ġesu Kristu. B’kollox l-isem ta’ San Pietru jidher għal 182 darba. Għalkemm ma hemmx tagħrif dwaru qabel ma Kristu għażlu, nafu biss li kien sajjied mill-Galilea, mill-villaġġ ta’ Bathsaida jew Kafarnaw. Hemm xhieda biżżejjed li jaħsbu li sew Pietru kif ukoll ħuh Indri, kienu segwaċi ta’ Ġwanni l-Battista u għalhekk kienu ppreparati bil-miġja tal-Messija fosthom. Wara l-mewt tas-Salvatur, huwa wera l-primat tiegħu fost l-Appostli bil-kuraġġ kollu u b’sagrifiċju ta’ saħħtu. |
Fuq kollox Kristu sejjaħlu “il-Blata” li fuqu kellha tinbena l-Knisja u kellu jkun l-inspirazzjoni għall-oħrajn. Huwa minnu li ċaħad lil Kristu tliet darbiet fil-lejl li Ġuda ttradieh, iżda wara pattiha tant li sar l-Isqof ta’ Ruma, martri u fl-aħħar sar “Gwardjan taċ-Ċwievet tal-Ġenna.” |
L-ewwel li San Pietru huwa msemmi fil-Vanġelu, meta Kristu kien miexi fix-xatt tal-baħar tal-Galilea, u sejjaħ lil Xmun Pietru u lil ħuh Indri, meta qallhom: “Ejjew miegħi u nagħmilkom sajjieda ta’ l-erwieħ”, ħallew kollox u marru warajh. Flimkien ma’ appostli oħra, huwa assista għal diversi mirakli li Kristu għamel, fosthom il-fejqan ta’ omm il-mara tiegħu, it-tkattir tal-ħobż, Kristu jimxi fuq l-ilma, it-trasfigurazzjoni fuq it-Tabor, u ħafna, ħafna oħrajn. Fil-jiem li għamel ma’ Kristu, huwa dejjem qagħad jisma’, jistaqsi, jitgħallem, jinnota u anke xi drabi naqsitu l-fidi, imma fl-aħħar kien mibni sew għall-missjoni tiegħu. |
Matul it-tliet snin missjoni tiegħu fost l-appostli, Kristu għamel bosta stqarrijiet fuq Pietru quddiem ħutu l-appostli. Meta Ġesu staqsa,“Min jgħidu n-nies li jien?”, huwa dar fuq Xmun Pietru u staqsieh, “Imma int min tgħid li jien?” U Xmun Pietru wieġbu,”Inti Kristu l-Iben t’Alla l-Ħaj.” Hawnhekk Kristu għamel din id-dikjarazzjoni fuq Pietru, “Inti Pietru, u fuq din il-blata jien nibni l-Knisja tiegħi u l-bibien ta’ l-infern ma jkunux jistgħu għaliha.” Fl-ilsien Aramajk, li Kristu u l-appostli kienu jitkellmu biha, il-kelma użata kienet “kefa” li tfisser blata. |
U fl-aħħar ċena Pietru stqarr li huwa lest li jmur il-ħabs jew jieħu l-mewt għalih, imma Kristu kontra qalbu qallu li f’dak il-lejl kellu jiċħdu tliet darbiet. Wara li Kristu rxoxta ġiegħel lil Pietru jistqarr tliet darbiet jgħid li jħobbu u spiċċa jistqarrlu meta qallu, “Ħu ħsieb in-nagħaġ tiegħi.” Minn hemm ‘il quddiem huwa għaraf ir-responsabbilità tiegħu bħala l-Kap ta’ l-Appostli, tant li kien hu li ħatar l-appostlu minflok Ġuda, kien hu li għamel l-ewwel miraklu tal-magħtub, kien hu li mexxa lil ħutu l-appostli matul il-persekuzzjoni li kellhom wara l-mewt ta’ Kristu. Darbtejn kien arrestat fejn darba minnhom kien meħlus mill-anġlu tal-Mulej. Huwa ppriedka f’bosta postijiet qabel ma mar Ruma, u f’diversi okkażjonijiet fejjaq u kkonverta bosta segwaċi tiegħu. Tant kienet kibret il-fama tiegħu li ħattruh bħala l-Isqof ta’ Antijokja. |
Huwa magħruf li San Pietru ħa l-martirju tiegħu fir-renju ta’ Neruni, fl-istess sena li San Pawl ġie maqtul ukoll. Kien imsallab fuq salib rasu ‘l isfel minħabba li ħassu li ma kienx dehen li jmut kif miet l-Imgħallem tiegħu. L-uniċi kitbiet li kiteb huma ż-żewġ ittri li kiteb f’Ruma lill-insara ta’ l-Asja Minuri. |
Sejbiet Arkeoloġiċi |
L-aħħar sejbiet arkeoloġiċi li saru fl-1939, eżattament taħt l-altar maġġur tal-bażilika ta’ San Pietru f Ruma, instab il-qabar ta’ San Pietru nnifsu, kif stqar il-Papa Piju XII fl-egħluq tas-Sena Mqaddsa fl-1950. Barra minn hekk il-Papa Pawlu VI, fis-26 ta’ Ġunju 1968, f’udjenza li kellu fil-bażilika stqarr li wara iżjed minn kwart ta’ seklu studji minn xjentisti u diversi awtoritajiet oħra, ġie stabbilit li l-fdalijiet li nstabu fil-qabar taħt l-altar maġġur tal-bażilika m’huma ta’ ħadd ħlief ta’ San Pietru. |
No comments yet