Skip to content

San Pietru, is-Serduk u Aħna

 

San Pietru, is-Serduk u Aħna
kitba ta’ Emanuel F. Attard.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2003.

 

stampa

caption

 

Għeżież qarrejja tar-rivista tal-festa, naħseb li lkoll kemm intom tiftakru l-episodju fil-Vanġelu, meta Ġesu ta ħjiel lill-Appostli dwar il-passjoni ħarxa li kellu jgħaddi minnha (fil-ġejjieni mhux hekk imbiegħed. Tarrfilhom li kellu jaqa’ f’idejn l-għedewwa tiegħu u kemm kellu jbati, u saħansitra jmut.  Tiftakru wkoll x’kienet ir-reazzjoni mqanqla u immedjata ta’ San Pietru.  Kemm saħan bil-kbir u saħaq li dan ma kien sejjer iħallih iseħħ qatt!  Għax huwa, l-ewwel wieħed, u sħabu l-appostli, kienu lesti jiddefenduH sal-mewt. Iva,sal-mewt, jekk hemm bżonn! Iċ-ċanfira li qala’ mingħand Ġesu – fejn sa sejjaħlu xitan u qallu biex ifittex jitbiegħed minnU – nafu biha wkoll. U l-Imgħallem Divin tiegħu, biex bħal speċi jitfagħlu l-melħ fuq il-ferita, sa bassarlu li qabel ma jidden darbtejn ċertu serduk huwa, Pietru, kellu jasal jiċħdu – mhux darba iżda tliet darbiet!  Dan għalkemm Kristu qabel kien ħatru l-kap tal-magħżulin tiegħu, l-appostli!

Biex jingħad kollox, Pietru kieku pprova, iva, mhux ma pprovax jiddefendiH xi ftit lill-Mulej Sidu, għax is-sewwa ħabib Alla, meta fl-Ort tal-Ġetsemani, ħafen sejf u bih qalfat barra widnet Malku – wieħed minn dawk li marru jmiddu idejhom biex jaqbdu lil Ġesu.  Il-Mulej fittex ifejjaqhielu billi reġa’ qegħedhielu f’postha, waqt li widdeb lil Pietru li min jagħti bis-sejf, bis-sejf jintemm … Wara din id-daqsxejn ta’ battalja, Pietru u l-appostli sħabu għosfru – dabbru rashom!  – Darba raw lill-maħbub Imgħallem tagħhom f’idejn l-għedewwa, mirbuħ u tellief…

Għadda l-ħin u lil Pietru nsibuh għar-rdoss tas-sħana – mid-dehra kien waqa’ l-ksieħ ġmielu – qalb ċorma nies, maħrub u bla magħruf minnhom ilkoll, mingħalih… L-akbar ħsieb taċ-ċaħda triplika li kien ipprofetizzalu l-Mulej għalkemm dik kienet xi ħaġa li qatt ma seta’ jniżżilha li jasal għaliha. Mid-dehra wkoll, f’dik il-kamra fejn in-nies kienet inġemgħet, id-diskors waqa’ fuq l-aħħar aħbar: l-arrest tar-Rabbi, Ġesu. Pietru għamel l-iżball li ma fittexx iwarrab minn dak il-post. U ġara dak li kellu jiġri, la ħasel mar f’ħalq il-lupu, biex ngħidu hekk…  F’salt wieħed tmur fuqu mara – xi qaddejja tas-Sinedriju, lablaba u peċluqa mill-kbar – u, b’għajnejn itajru x-xrar, xlietu quddiem kulħadd li hu, iva hu kollu kemm hu, kien wieħed minnhom – mill-imxirkin ta’ dak – dak ix-xewwiex u profeta falz.

Nistħajjel lil Pietru tagħna, imherwel bil-kif, jistaqsi lilu nnifsu liema riħ ħażin kien ġab lil dik l-indemonjata lil hinn biex ħaslet innotatu…  Bilfors li bixirtu – u l-ħars minn taħt – ‘l taħt tiegħu – xi ftit jew wisq beża’ – kienu kixfuh! Ma kienx mument li xiref lil hinn… Allura Pietru ra ma jaħlef fuq li jaħlef li… li ma, ma kienx jaf x’qiegħda tgħid… u… u li lil Ġesu anqas biss ma kien jafu! Eh. Pietru x’mort tagħmel b’idejk mort lil hinn!  Dak il-ħin sewwa jidden dak l-imbierek ta’ serduk minn xi nħawi fil-qrib – u Pietru jiftakar kliem il-Mulej.  U sogħobbih bil-kbir – sogħobbih tabilħaqq, għax ħalla dak il-post jolfoq u jibki dnubietu. Bħal Ġuda l-Iskarjot – iżda bi tradiment ta’ għamla oħra, għalkemm veru bil-wisq inqas gravi – kien naqas bil-goff lill-Imgħallem maħbub tiegħu. Biss, il-kontra ta’ l-appostlu traditur, nidem – u nidem sinċerment, minn qalbu, u dan Ġesu kien jafu minn qabel!

Dak is-serduk bla xejn dubju kien il-kuxjenza ta’ Pietru – jew ta’ l-inqas l-aġent tal-Mulej biex iqajjimhielu.  Tabilħaqq, l-iddin tiegħu kien – dejjem skond il-pjan imħejji sa minn qabel mill-Mulej – immirat lejn il-metamorfosi – il-bidla u t-trasformazzjoni ta’ Pietru f’San Pietru!

Imbagħad, kellu jkun l-Ispirtu s-Santu, wara Tlugħ is-Sema ta’ Sidna Ġesu Kristu li għamel minnu – b’mod speċjali u mirakoluż – u mill-appostli sħabu, iljuni qalbiena, erojċi Tiegħu.  San Pietru, minn bniedem prużuntuż, iżda fl-istess ħin beżżiegħ, l-appostlu ewlieni li kien ra tant mirakli magħmula mill-Mulej tiegħu u, li sa qasam Miegħu l-glorja tat-Tabor, safrattant wara wasal miċħud tliet darbiet ma’ mara ma jafha ħadd! – issa kien inbidel għal kollox. Għall-Imgħallem maħbub u għażiż tiegħu, allura issa l-Kap Suprem tal-Knisja fil-bidu diffiċli tagħha – Vigarju Tiegħu – beda jitkellem b’awtorità quddiem is-setgħana ta’ din l-art u bla ebda ħjiel ta’ biża’! X’ma sofriex dan il-Qaddis Protettur kbir tagħna għall-Mulej? Temm ħajtu msallab bħal Sidu ġewwa Ruma ta’ dak l-Imperatur krudil u miġnun, Neruni: biss b’umiltà liema bħalha, rasu ‘1 isfel fuq talba tieghu stess! U Ġesu ma naqasx li jippremja lil San Pietru matul ħajtu stess bis-setgħat kbar tal-mirakli li tah. Araw lill-għażiż San Pietru tagħna jqajjem mara mill-mewt f’din ir-riproduzzjoni tal-pittura ta’ Giovan Francesco Barbieri.

Fil-ħajja ta’ San Pietru nsibu żewġ ġrajjiet li, fost oħrajn, jolqtuna ħafna – fil-fehma tiegħi.  Dik tal-bidunett: is-sejħa tiegħu – ix-Xmun ta’ dari – u ta’ ħuh Indri mill-Mulej biex minn sajjieda komuni, ma jafhom ħadd, jagħmilhom sajjieda straordinarji, Sajjieda ta’ l-Erwieħ; u din l-oħra – is-suġġett ewlieni ta’ din il-kitba: l-iddin tas-serduk, indiema u l-bidla kompleta tiegħu f’San Pietru kif nafuh illum. Din l-affari tas-serduk lili, ngħid għalija, tintrigani wisq.  Hekk li… li kelli nkun pittur jew statwarju flok kittieb, ma kontx nonqos li, ma’ l-imfietaħ (li dejjem insibuh bihom f’idu), jew dawk il-ktajjen (bħal fil-każ ta’ l-istatwa artistika li għandna Birżebbuġa), nara kif inżid lil dak is-serduk glorjuż f’kull pittura jew skultura tiegħu.  Tafu għaliex? Għax dak ma kienx serduk kwalunkwe: kien wieħed speċjali – serduk li l-Mulej kien għażlu għall-għamla ta’ missjoni speċjali wkoll.  Missjoni singolari, għalkemm tajra tant komuni! Kultant noqgħod naħseb u nhewden waħdi: tgħid il-Mulej jaf lit-tjur u lill-bhejjem kollha wieħed wieħed, waħda waħda – bħalma jaf personalment lilna lkoll kemm aħna?  Kollox jista’ jkun – għax Alla jaf kollox kollox! Ma qalilniex ċar u tond li lanqas xagħra waħda biss ma taqgħalna bla ma Hu jkun jaf, jew mingħajr ir-rieda Tiegħu? Hekk hu.

Naf u nifhem ukoll li aħna lkoll għandna u, jkollna, is-serduk tagħna – leħen il-kuxjenza tagħna, fi kliem ieħor… Serduk bħal dan jista’ u jaf jieħu s-sura u jkun għamla ta’ xi ħadd, xi ħaġa li tqanqal il-kuxjenza tagħna kull meta niżgarraw u nidinbu (kif jaf jiġri ta’ sikwit, sfortunatament). Iżda mhux biss – imma saħansitra li twiddibna niftħu għajnejna ħalli wkoll ma niġġarrfux.  Minnu dan jew le, nistaqsi jien? J’alla biss ikollna l-grazzja li kellu Pietru wara li dak is-serduk idden darbtejn fejn seta’ jisimgħu – u, importanti dan, li semgħu u nidem.

Is-serduk ta’ San Pietru u s-serduk jew sriedek tagħna! Kemm u kemm jagħtuna lok ta’ riflessjoni xi drabi f’din ħajjitna! Ippermettuli, għeżież qarrejja, nikkonkludi din kitbieti b’fatt interessanti li, darba fost l-oħrajn, irrakkontali wieħed ħabib tiegħi – min-naħa ta’ fuq ta’ Malta – li nzerta devot ħafna ta’ San Pietru, il-Patrun tagħna. Kif qalli dan ħabibi Rikard (ħalli nsejjaħlu hekk billi għandu isem ieħor), irriżulta illi dan kien qiegħed jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni għal xi jiem ġewwa villa ta’ waħda sinjura f ħinijiet pjuttost twal filgħodu, meta żewġha, kuntrattur, kien ikun barra fuq ħidmietu. Billi x-xoghol kien ftit jew wisq intrikat u ta’ reqqa, fil-ħin tal-mistrieħ tiegħu, is-sinjura kienet ta’ kuljum tħobb teħodlu tazza kafe u toqgħod tpaċpaċ xi ftit miegħu.  Kienet mara mill-aktar attraenti – u ħabibi wkoll, barra li kien ta’ karattru li jiġbdek, ma kienx xi tgħid fih inqas.  Kif tistgħu tobsru bejniethom daħlet ftit tal-kunfidenza… Biex ma ntawwalx, jum minnhom din il-mara sa waslet biex tittantah – u ttantatu sewwa, mid-dehra… Bniedem fraġli bħal kulħadd, Rikard kien għoddu ser jaqa’ fit-tentazzjoni meta, fis-siegħa u l-ħin, mill-gallinar spazjuż u sabiħ fil-ġnien ta’ din l-istess villa, fejn kienu jżommu salt tjur, bħal-papri, dundjani, farawni – sa ċinja kien hemm imma xejn tiġieġ – jinstema’ dundjan jgħajjat b’kemm kellu saħħa, “Gulu,Gulu,Gulu!” Imma kif jiġu l-affarijiet xi kultant, kos hux?  Għalkemm kien dundjan – mhux serduk! – Rikard, bħal f’leħħa ta’ berqa ftakar f’San Pietru u fis-serduk tiegħu u… fi ftit kliem, irreżista t-tentazzjoni,u ma waqax! Warrab ftit tal-bogħod minn fejn kien u bil-ħlewwa kollha ċanfar lil din is-sinjura.  Fakkarha bit-tort kbir li kienet se tagħmel lil żewġha u bil-konsegwenzi serji li setgħu jinqalgħu… Qalilha wkoll li għalkemm kien jidħol f’ħafna djar huwa kien jistmerr affarijiet bħal dawk! Kisirha tabilhaqq tant li, wiċċha aħmar nar bil-mistħija, waslet titolbu skuża u sa talbitu jinsa kollox u jaħfrilha…

Żagħżugħ il-veru ta’ min jammirah! Għax kemm seta’ kellu dak iż-żmien, 28 sena?  Żgur mhux aktar minn hekk. Kif għarrafni wara, kien San Pietru li salvah minn dnub mill-aktar gravi – u minn riperkussjonijiet li lanqas biss ried jimmaġinahom x’setgħu jkunu.  Spiċċa din il-ġrajja bi kliem li baqa’ stampat f’moħħi sal-ġurnata tal-lum.  Qalli: “Min iħobb tassew lil San Pietru, ikun iħobb ukoll lil Alla – u ma jasalx li joffendiH kif ġieb u laħaq.” Weġibtu jien qabel infridna: “Rikard, int qaddis bla magħruf!!  Nifhem tajjeb dan li għadek kif għedtli, prosit tassew!” U żidt ngħidlu: “U min iħobb tabilħaqq lil Alla jista’ ma jħobbx ukoll lil San Pietru? Kif wara kollox tant inħobbuh aħna l-Birżebbuġin!”

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: