Skip to content

San Pietru: Is-Sajjied Uniku

 

San Pietru: Is-Sajjied Uniku.
kitba ta’ Emanuel F. Attard
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2005.

 

stampa

caption

 

Kif naqraw fil-Vanġelu Mqaddes u fl-Atti ta’ l-Appostli, kelmet il-Mulej – u bil-provi ta’ l-istorja ta’ l-umanità ta’ dawn l-ahħar elfejn sena – Xmun Pietru (ġieli msejjaħ Kefa) kien, huwa u jibqa’ għal dejjem ‘Is-Sajjied’, anzi ‘Is-Sajjied’ tas-Sajjieda: wieħed tabilħaqq uniku!  Sajjied ta’ l-Erwieh! Fejn qatt instema’ li kien hawn wieħed bħalu? Żgur fuq li żgur li mkien u fl-ebda era ta’ żmien! Pietru seta’ jsir u jkun hekk biss bil-grazzja tal-Mulej Sidu u Sidna, Ġesu Kristu l-Feddej u s-Salvatur.  Kif u x’fatta sar hekk nistgħu narawh ukoll irrappreżentat fil-film grandjuż, The Great Fisherman, li konna rajna xi snin ilu – bħalissa ma niftakarx min kien l-artist li ħadem il-parti ewlenija.

Preċiżament ma nafux x’età seta’ kellu dan Xmuni – ta’ l-inqas hekk jidhirli jien. Ikolli ngħid, naqtgħu kellu xi ftit fuq l-erbgħin: jaf kellu xi snin iżjed jew inqas, li kien sajjied ħabrieki u raġel miżżewweġ ta’ ħajja eżemplari kien, bla xejn dubju.  Għax, mingħalija, kemm huwa u kemm ħuh Indri, fiż-żmien, kienu dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista qabel il-laqgħa storika tagħhom ma’ Ġesu. Iżda nistgħu nibqgħu ċerti li, qabel din il-laqgħa, fil-fatt aktar minn storika – għax waħda ta’ natura divina – żgurissimu li dan Xmun Pietru qatt biss ma seta’ b’xi mod ħolom jew immaġina x’kellha ssarraf għalih u għal ħuh (imma l-aktar għalih stess) dik il-laqgħa ta’ bejniethom … U x’konsegwenzi – x’katina, sensiela ta’ ġrajjiet mill-aktar eċċezzjonali u straordinarji – kellhom jissuċċiedu f’ħajtu! X’għamla ta’ metamorfosi, jew bidla radikali u profonda, dik il-laqgħa ma’ Ġesu kellha twettaq fih – fil-personalità u fl-irwoli ġodda tiegħu tul ħajtu kollha. Mhux biss matul ħajtu (sa tmiemha msallab bħall-Imgħallem maħbub tiegħu – imma, fuq xewqa tiegħu, rasu ‘1 isfel) iżda saħansitra mijiet ta’ snin u millennji wkoll wara dik mewtu ta’ martri ewlieni ta’ Kristu u tal- Knisja, li tagħha kien ingħażel l-ewwel kap, l-ewwel Papa!

Ġesu stess sa minn qabel kien qal li dan is-sajjied umli Xmuni, mgħammed minnu mill-ġdid bl-isem ta’ Pietru – l-isem li kellu jibqa’ magħruf bih għal dejjem, kemm fl-istorja ekkleżjastika u sew f’dik mundana – li kellu jkun il-Ġebla Qaddisa, li fuqha nbniet Knisja li xirfet it-tielet millennju ta’ l-eżistenza tagħha: li għad trid tibqa’ eżistenti sa tmiem din il-pjaneta tagħna. Għax hekk amar il-Mulej! Min kellu jgħidlu li dik Ruma, fejn kien terraq wara l-Irxuxtar mill-mewt u t-tlugħ fis-sema ta’ l-Imgħallem maħbub tiegħu – dik Ruma li kienet taħkem id-dinja ta’ dak iż-żmien – ftit biss tal-mijiet ta’ snin wara l-mewt kiefra tiegħu u ta’ tant u tant insara, eroj mill-kbar nett ta’ Kristu u tal-Knisa tieghu, dan Pietru kellu jaħkimha u jagħmilha s-Sedi ta’ din l-istess Knisja?  Dan kollu ssuċċieda bla xejn tixrid ta’ demm (ħlief tiegħu stess u tal-martri l-oħra), bla ebda komplott minn taħt ‘il taħt, tradimenti, kolpi ta’ stat jew rivoluzzjonijiet. Iżda dan twettaq biss permezz ta’ l’Id ta’ Alla u tal-martirju tiegħu (ta’ Pietru, jiġifieri) u tal-martri glorjużi l-oħra – ta’ fidi soda daqs l-aktar żonqor samm, hekk li ebda tsunami fl-aktar oċeani immensi li hawn ma seħħlu – u m’għad qatt li qatt iseħħlu jġib fix-xejn – mal-mogħdija tas-sekli lil din il-Knisja. Għax għandna l-istess kelma tal-Mulej, li qal u tenna: “Is-smewwiet u l-art jgħaddu imma kelmti ma tgħaddix!” Mur għidlu lil Pietru li biss wara 300 sena sħaħ ta’ persekuzzjoni mill-eħrex, kellu jitfaċċa imperatur pagan Ruman – wieħed qawwi u rebbieħ li b’intervent dirett divin – ikkonverta u, għaġeb ta’ l-għeġubijiet, isir ukoll it-tarka u x-xabla tal-Knisja ta’ Kristu u tiegħu stess!

Naħseb li ntbaħtu li qiegħed nirreferi hawnhekk għall-Imperatur Kostantinu l-Kbir – bin missier pagan bħalu, imma bin ukoll omm nisranija – il-kbira Qaddisa Elena, li kellha tkun hi li ssib is-Salib Imqaddes.  Il-proċess kollu ta’ din il-bidla hekk kbira u xejn mistennija fil-Knisja ta’ Kristu – u ta’ Pietru, is-serv fidil u maħbub Tiegħu – beda meta dan Kostantinu kellu dik il-viżjoni straordinarja u mirakoluża tas-Salib Imqaddes fis-sena 312. Viżjoni li ħalliet impatt mill-ikbar fuqu daqs dik il-viżjoni l-oħra ta’ l-għaġeb li kellu Sawlu fit-triq ta’ Damasku – u li bidlitu wkoll f’Pawlu, l-Appostlu l-Kbir l-ieħor ta’ Kristu, anzi aktar ukoll nistgħu ngħidu. Ġara li waqt li Kostantinu kien riekeb iż-żiemel tiegħu huwa u jħejji u jispezzjona l-armata kbira li kellu għall-battalja kontra l-għadu u rival tiegħu, Massenzju. f’salt minnhom jilmaħ fis-smewwiet dawl qawwi li għammixlu għajnejh.  B’ilwien id-deheb u n-nar, bħal ta’ xemx fl-aqwa tagħha, lemaħ Salib bil-kliem ln hoc Signo Vinces! – f ilsienna, B’dan is-Sinjal inti tirbaħ! Il-battalja finali u deċiżiva seħħet ftit tal-jiem wara fuq il-pont ta’ Milvju, ġewwa Ruma: u tabilħaqq, il-forzi ta’ Kostantinu, bl-arma ewlenija tagħhom is-Salib ta’ Kristu, intemmet bir-rebħa kbira tiegħu fuq dan Massenzju! Rebħa mill-aktar storika – u li, b’intervent divin dirett, ġabet magħha rivoluzzjoni qaddisa u mbierka għall-Knisja ta’ Kristu u għall-insara kollha fl-Imperu pagan Ruman ta’ dari! Hekk kien il-bidu storiku tal-kbira bidla storika (nenfasizza l-kelma storika) ta’ kif il-Knisja ta’ Kristu, minn waħda ppersegwitata bl-aħrax, għamlet it-trijonf eċċezzjonali tagħha hekk li l-qagħda kollha taghha nqalbet mil-lejl għan-nhar – u ssoktat tikber u tissaħħaħ dejjem u kullimkien!

Fis-sewwa kollha, dak it-trijonf issokta fl-imgħoddi u jibqa’ jissoka dejjem u minkejja kollox – minkejja t-tempesti kbar u perikolużi, l-ereżiji, ix-xiżmi, il-profeti foloz, it-tradimenti u bi tradimenti xi drabi minn ġewwa fiha stess. Dan biex ma nsemmux il-persekuzzjonijiet li f’xi nħawi tad-dinja kultant m’hemmx li jaqtgħu. Id-Dgħajsa ta’ Pietru – kapitanata minnu stess – bi Kristu jissorvelja kollox, tibqa’ dejjem għaddejja ‘1 quddiem: tofroq ħalel waħxin u tibqa’ tisfida tsumami wara tsunami, b’suċċess wara suċċess, u m’hemm li teghreq qatt. Qatt! Lanqas jekk jgħaddu elfejn wara elfejn sena oħra ma’ dawk li għaddew… Għax wara din id-Dgħajsa, il-Knisja Kattolika, hemm l-Id ta’ Kristu, Alla Inkarnat, li lil Pietru kien wiegħdu li Huwa jibqa’ mieghu u mal-Knisja tieghu sa tmiem iż-żminijiet. U jiġri x’jiġri!

Issemmew is-suċċessi – kemm kellha minnhom il-Knisja ta’ Kristu u ta’ Pietru!  Niftiehmu, kellha xi paġni koroh u traġiċi wkoll fid-damma ta’ l-istorja bimillenarja tagħha – la hija magħmula minna l-bnedmin, bnedmin dgħajfa u kif. Biss jibqa’ l-fatt illi s-suċċessi u r-rebħiet jisbqu fil-wisa’ lit-telfiet. M’hemm l-ebda dubju dwar dan. Għadna kif rajna b’għajnejna stess fit-televiżjoni, dawn l-aħħar xahrejn, żewġ ġrajjiet li nistgħu b’suċċessi kbar ghall-Knisja ta’ Kristu u tal-Kbir Qaddis Patrun taghna, San Pietru.  Qiegħed ngħid ghall-qima u r-rispett immensi li wriet id-dinja kollha ghall-mewt tal-maħbub Papa Ġwanni Pawlu II u fil-funeral imponenti li sarlu; kif ukoll il-ferħ kbir li wrew il-Kattoliċi fil-maġġoranza stragrandi tagħhom (fosthom dawk tal-ġens Ġermaniż, bir-raġun) għall-ħatra ta’ Papa tal-Kardinal Joseph Ratzinger – Benedittu XVI. Papa Ġermaniż wara Papa Pollakk: jidher li donnu Kristu stess ippredestinahom għal din il-kariga hekk għolja u hekk qaddisa – speċi speċi biex, b’xi mod, jitpatta l-fatt traġiku li ż-żewġ pajjiżi tagħhom kienu l-protagonisti ewlenin tal-bidu ta’ l-aħħar Gwerra Dinjija (1939-1945). Kollox jista’ jkun … Hu x’inhu u kien x’kien, nistgħu nqisu lil dawn iż-żewġ papiet ta’ żmienna bħala żewġ ‘Iljuni Kbar’ ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu – flimkien ma’ l-Iljun il-Kbir l-ieħor, wieħed ewlieni, u l-akbar, għax tal-bidunett: San Pietru! Iva, San Pietru tagħna, il-Birżebbuġin – li tant inħobbu, inqimu u hekk imkabbrin bih!  Huwa forsi l-każ li nirreferi hawnhekk, fi tmiem din il-kitba, bla ma jiġi allarmat ħadd (li mhix l-intenzjoni tiegħi!) għall-profeziji tal-qaddis Irlandiż, San Malakija li għex bejn l-1904 u l-1148 – u li jirrigwardaw il-Papiet.  Minn dawk ta’ żmiennu sa l-aħħar papa li suppost – kif bassarlu hu – għad ikun hawn … Huwa, bla ma jsemmi isimhom jew min għad filfatt ikunu , ta u jagħti definizzjoni qosra dwarhom.  Ġieli qatagħhom u ġieli le, biex jingħad kollox ukoll, insibu bosta esperti li jqiesu lil dawn l-imsemija profeziji bħala … xejn ta’ min joqgħod fuqhom – ma tqishomx bħala veraċi jew tabilħaqq minnhom.  Imma interessanti (u wkoll tal-biża’, ejjew ngħiduha), x’jgħdilna San Malakija dwar l-aħħar papiet.  Huwa jaf jallarmana u jinkwetana mhux ftit għax iħabbar li Benedettu XVI għad ikun il-Papa ta’ qabel … l-aħħar wieħed!  U wkoll illi l-papat tiegħu għad ikopri l-bidu tat-taqlib u t-tibulazzjonijiet kbar imħabbra minn Kristu stess għall-aħħar tad-dinja.  Xi ħaġa hekk insibu mbassar fil-111-il profezija tiegħu!  Fiha jingħad ukoll illi l-aħħar Papa – li saħansitra jagħtina ismu bħala PIetru r-Ruman (Il-kontra tal-ewwel Imqaddes Papa, San Pietru Tagħna) sejjer ikun bniedem mill-aktar xellerat u ħażin, x’aktarx Satana Inkarnat!  Hekk għarafna dan il-Qaddis mill-Irlanda … Affarijet Orribbli, hux tassew li kellhom – allaħares qatt jiġru realment, kif nittamaw b’qalbna kollha li ma jiġrux u li dak il-qaddis mar żmerċ.

Madankollu, jiġri x’jiġri ‘l quddiem – ħwejjeġ u ġrajjiet li jafho biss Alla waħdu u ħadd aktar – minn ħaġa waħda biss għandna għax inserrħu rasna lkoll kemm aħna.  Dik li l-knisja u l-fidi ta’ Kristu m’huma sejrin isbu tmiemhom qatt, kif intqal qabel din il-kitba.  Għax il-kelma u l-wegħda solenni tiegħU, ta’ Kristu stess jiġifieri.  U Kristu huwa l-Mulej ħadd bħalu jew daqsu:  Huwa s-sid taż-żminijiet u tal-ġrajjiet kollha: Il-Fidi u l-knisja tiegħu kienu qiegħdin hemm, qiegħdin hawn – biex jibqgħu sat-tieni miġja glorjuża tiegħu u trijonfanti tiegħu f’din id-dinja għall-aħħar ħaqq ta’ kulħadd.  Minn dan il-lat, iva għandna għalfejn inserrħu rasna!

Dan il-ħsieb bit-tama u l-emna sħaħ tagħna fil-wegħda ta’ Kristu jġibli f’moħħi ħsieb ieħor, bl-eżempju li sejjer inġibilkom. Jiena ċert illi ħafna nies minn din il-parroċċa tagħna li marru l-Vatikan, xi darba f ħajjithom ta’ lanqas, bħali raw il-famuża statwa massiva tal-bronż li nsibu fil-Bażilika Vatikana ta’ San Pietru – waħda famuża u magħrufa ferm. U wkoll la ħsiltu kontu lil hinn, bistu ‘1 riġlejh. Naħseb li, allura, intbaħtu li – la naf riġel minnhom jew riġlejh it-tnejn (għax wara dan iż-żmien kollu li għadda fuqi mindu kont rajtha, issa nsejt) – hija, jew huma mgħawra, mikula mhux ħażin – wara daqstant bews mill-fidili nsara. Tistgħu taraw riproduzzjoni tagħha fil-bolla Irlandiża – maħruġa fl-okkażjoni ta’ l-Anno Santo ta’ l-1950.  Jidhrilkom jewwilla intom li… ibusuha kemm Alla ħalaq nies għad jissoktaw ibusuha bl-akbar devozzjoni, din l-istatwa kbira tal-Qaddis tagħna sejra tittiekel kollha kemm hi xi darba fil-ġejjieni?  Lanqas qatt – lanqas jekk għad jgħaddu elf u jew elfejn, tlett, sebat elef sena oħra minn fuqha m’għad tittiekel jew tisparixxi din l-istatwa! Lanqas, insostni jien, jekk jilħqu jbusuha l-biljuni ta’ nies li fiha d-dinja!! L-istess il-Knisja ta’ Kristu: hawn hi, hawn qiegħda u tibqa’ din Id-Dgħajsa ta’ Pietru – The Unsinkable Divine Boat, opra perenni tal-Mulej, sa l-Armageddon, tmiem id-dinja. Imbagħad, minn dan it-tmiem – li għad xi darba jiġi, u jiġi żgur – tgħaddi għas-Saltna Dejjiema: l-Għamara ta’ Hena Glorjuża u Sublimi kif wegħedna Kristu, il-Feddej u s-Salvatur Divin tagħna!

Fejn għad immorru – kif nittamaw aħna lkoll kemm aħna, la għal dejjem hawn m’aħniex basta … Basta noqogħdu dejjem attenti u b’seba’ għajnejn ħalli nisimgħu dejjem minn San Pietru tagħna li, fit-II ittra tieghu, Kap.4, ħallielna miktub biex inkunu dejjem lesti għall-miġja għal għarrieda tal-Mulej! Kif, kompla jfakkarna, dejjem għallimna wkoll l-għaref Qaddis Pawlu fl-ittri kollha tiegħu. U qatt la tinsew illi waqt li San Pietru huwa l-Patrun Maħbub u Meqjum taghna, in-nies ta’ Birżebbuġa, San Pawl huwa l-Appostlu l-Kbir l-ieħor, Missierna l-Maltin. Ġid, u ġid kbir iridulna dawn!

 

Nota:

Barra dan il-hsieb li għadni kif esprimejt, għadu wkoll kif lehħ ħsieb ieħor ġewwa moħħi li deherli għandi ngħaddihulkom …  Jiswa u jgħodd kemm jista’ jiswa u jgħodd. Taqblu jew ma taqblux miegħi … Biss bħal inħoss li Alla l-Imbierek donnu ried jirregala lill-Knisja tiegħu lil dan il-Papa preżenti. il-Ġermaniż Benedittu XVI, bhala wieħed skond il-Qalb Tiegħu … Għaliex dan – dejjem fil-fehma umli tiegħi? Ir-risposta divina Tiegħu – tista’ tkun bi tpattija għal dawk iż-żewġ kompatrijotti tieghu, Martin Luteru u Adolf Hitler (dan l-aħħar wieħed Awstrijak proprjament, imma għodduh b’Ġermaniż tafux).  Tnejn minn nies li matul ħajjithom bikkew u għamlu bosta ħsara lill-Knisja tiegħu. Luteru kellu ħafna tajjeb u għamel xi ġid ukoll – l-istess, sa ċertu punt, ir-Re Enriku VIII ta’ l-Ingilterra. Imma, kulħadd ikollu jammetti illi l-ħsarat kbar li wettqu t-tnejn li huma, fi żmienhom, jisbqu u jgħaddu bil-bosta t-tajjeb li laħqu għamlu: ħsarat u danni li għadhom jidhru u jinħassu sal-ġurnata tal-lum. U dan huwa minnu, jgħidu x’jgħidu u jirraġunaw kif jirraġunaw ċerti flien.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: