Skip to content

San Pietru, is-Sajjied il-Kbir ta’ Kristu u Ruma Imperjali

 

‘San Pietru, is-Sajjied il-Kbir ta’ Kristu u Ruma imperjali’
Emanuel F. Attard (28/6/1999)
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990, Festa 1999.

 
 

Ta’ kull meta nkun fil-knisja parrokkjali tagħna nisma’ l-quddies, etc, irrid jew ma rridx għajnejja jmorru fuq dik l-istatwa antika ta’ San Pietru (Iż-żgħira) – qiegħed ngħid għal dik li hemm fuq il-warrani ta’ l-altar maġġur.  Hemm minsub, f’dik il-posizzjoni ċentrali, ifakkar lili u lil min ikun f’dan it-tempju mhux biss illi huwa l-Patrun tagħna, tal-Birżebbuġin kollha, iżda wkoll illi huwa l-Prinċep ta’ l-Appostli, l-Ewwel Papa: il-Blata, li fuqha Kristu ried li tinbena l-Knisja Tiegħu.  Narawh b’idu l-leminija mgħollija ‘l fuq qisu jrid itennilna kliemu fi tmiem it-tieni ittra tiegħu: “…Ikbru fil-grazzja u fil-għarfa ta’ Sidna u s-Salvatur Ġesu’ Kristu – Lilu l-glorja issa u sal-jum ta’ dejjem!”  F’idu l-oħra jidher iżomm il-famużi mfietaħ – imfietaħ divini – mogħtija lilu minn Kristu stess, meta u x’ħin minn Xmun bidlu f’Pietru qallu espressament, “Lilek nagħti l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet.” (“Et tibi dabo claves regni coelorum.”)  Kienu u huma tabilħaqq “imfietaħ” li bħalhom la kien hawn u lanqas għad ikun hawn f’din id-dinja!

Għal xi ħin noqgħod naħseb u nirrifletti wkoll, jiena u nħares lejn din l-istatwa, li San Pietru qabel ma fetaħ bihom is-saltna divina dejjiema, ħtieġlu huwa jiftaħ qabel xejn il-bibien imperjali – ta’ kobor u saħħa immensi u speċjali, ta’ Ruma ta’ żewġ millennji ilu – hekk kbira u setgħana, iżda pagana.  L-allat fiergħa tar-Rumani – bl-istess imperaturi tagħha meqjusa wkoll b’“divini” – bil-mod il-mod u maż-żmien, imma żgur, kellhom jagħtu posthom lil Kristu Bin Alla, fi Trinita’ ta’ Alla l-Waħdieni, Etern u Omnipotenti!  U dawk l-allat?  Imxejna għal kollox u mġarrfa baqgħu biss jissemmew fil-ħrejjef tal-mitoloġija …  Is-superstizzjonijiet tal-pagani, għalkemm setgħana dawn ir-Rumani (kif ukoll dawk tal-pagani l-oħra, il-Griegi għarfa u civiliżżati) kellhom iċedu posthom lil Alla Veru u lill-Fidi Nisranija!  Biss, fil-għerf infinit Tiegħu, Kristu, Alla, ried u għażel li jinqeda b’dak is-Sajjied umli ta’ Betsajda biex jiftaħ dawk il-bibien donnhom imponderabbli ta’ Ruma tal-qedem – barra dawk tas-Smewwiet, bl-imfietaħ li għaddielu f’idejh!

San Pietru, bħal sieħbu, il-Kbir Appostlu tal-Ġnus, Pawlu – imma xi ftit aktar minnu, f’dan il-każ – jibqa’ għal dejjem imwaħħal ma’ u inseparabbli minn dik Ruma Imperjali fi ġrajjiet il-Kristjaneżimu.  Pietru kien l-Ewwel Isqof tagħha – mhux biss iżda wkoll l-Ewwel Kap tal-Knisja Universali ta’ Kristu, bħala l-Ewwel Papa.  Kien proprju hu li, bis-setgħat li tah Kristu, fetaħ dawk il-bibien li deher ma kien jista’ għalihom xejn u ħadd …   L-istess, bħal San Pawl Missiema, ħalla ħajtu għall-lmgħallem Divin tiegħu (fuq xewqa tiegħu stess, imsallab rasu ‘l isfel) bl-ordni ta’ dak l-lmperatur infami Neruni.  Neruni u Ruma dehru rebbieħa u trijonfanti: ma qeridx forsi tant eluf ta’ nsara u sa lill-istess Irjus tagħha?  U lill-insara li kien baqa’ jewwilla ma daħħalhomx f’qoxrithom hekk li għaġġlu jmorru jinħbew fil-famużi katakombi?  Deher li donnu anqas l-istess Kristu ma sata’ jagħmlilhom xejn!  Qisu kien abbandunahom, jew ta’ lanqas bħal nesa li kienu qegħdin tant jinħaqru!  X’kien jidher li fadal, x’waħda din, mill-blata żonqrija Petrina meta ħajjet l-istess Kap intemmet?  Għal xi żmien, kollu minnu, kollox wera li l-Knisja ta’ Kristu – fil-bidu tormentuż tagħha hekk dgħajfa – kienet sejra tinqered sa minn għeruqha mill-qawwa invinċibbli ta’ Ruma …

Iżda ħwejjeġ tal-għaġġeb, din il-Knisja ta’ Kristu (u ta’ Pietru) issoktat tikber ftit ftit, tiffjorixxi u tissaħħaħ – għalkemm għal 300 sena sħaħ, l-imperaturi pagani li ġew wara Neruni fettxew li jtemmuha huma wkoll.  Sakemm feġġ fix-xena Kostantinu, meta Pietru kien ilu mejjet u midfun f’Ruma stess.  Kienet is-sena 312 A.D. – tabilħaqq is-Sena tal-Mulej!  B’sejħa diretta mis-sema (bħalma ssejjaħ qablu Pawlu ta’ Tarsu fit-triq ta’ Damasku) l-lmperatur pagan Kostantinu, iben in-Nisranija Elena, qabel battalja storika mill-eħrex għas-supremazija, kellu viżjoni li biddlet lilu u lid-dinja ta’ żmienu!  Tħabbar lilu li jekk jadotta s-Salib bħala l-Arma Ewlenija tiegħu (‘ln hoc Signo Vinces!’), huwa kellu jxejjen għal kollox lil Massenzju: ir-rival u għadu kbir tiegħu u ta’ l-insara!

B’dan l-intervent divin – bid-dehra fis-smewwiet tas-Salib Glorjuż – deher li, bħal speċi, San Pietru kien għadda “l-imfietaħ” tiegħu lil Kostantinu…  U dan rebaħ – u kif!  Kostantinu sar il-kap suprem u assolut ta’ Ruma – kif ukoll il-Paladin u l-Protettur tar-Reliġjon Nisranija ta’ Kristu, Alla magħmul Bniedem u tal-Vigarju Tiegħu fuq din l-art, Pietru.  Kostantinu baqa’ u jibqa magħruf fl-istorja militari u imperjali bħala “Il-Kbir’ – mhux biss imma wkoll f’dik tar-Reliġjon Nisranija.  L-istorja ta’ l-Ewropa u tad-dinja nbidlet darba għal dejjem!  Ruma l-pagana issa saret il-belt ewlenija – qawwija u setgħana aktar minn qatt qabel – ta’ Kristu u ta’ Pietru, u tagħna l-insara Ikoll.  U hekk baqgħet – saħansitra meta dan l-lmperatur, xi snin wara, fettillu jagħmel lil Kostantinopli bħala l-kapitali l-ġdida ta’ l-imperu vast tiegħu.  Ruma tal-lum għadha r-Ruma Glorjuża ta’ l-imgħoddi, għalkemm rat traġedji kbar jiġru fiha u għalkemm għeb għal dejjem l-imperu li kellha darba.  (U Kostantinopli?  Illum bilkemm tissemma – għax saret Istanbul, metropolis Musulmana fit-Turkija.)  Ruma tal-lum għadha belt kbira u glorjuża għax baqgħet – wara elfejn sena sħaħ – dak li bdieha u għamilha Pietru: iċ-Ċentru u l-qalba tal-Kristjaneżimu.

NOTA: ll-qarrejja ta’ din il-kitba għad għandhom imnejn jiftakru l-leġġenda ħelwa tal-‘Quo Vadis?’ u l-film famuż dwarha (ta’ l-istess isem) li konna rajna snin ilu.  Jingħad li San Pietru kien ħabat jaqta’ qalbu jissokta bil-missjoni qaddisa tiegħu ġewwa Ruma – minħabba l-persekuzzjoni ħarxa li kienet għaddejja kontra l-ewlenin insara – u kien għoddu sejjer iħalliha u kollox, meta …  Meta ġie wiċċ imb’wiċċ mal-Mulej, li għaġġel jistaqsih, “Fejn Sejjer?” (“Quo Vadis!”).  San Pietru , kollu ġwejjed, fissirlu li kien sejjer iħalli ‘1 Ruma għax il-missjoni tiegħu lil hinn saret waħda kwazi mpossibli għalih …  Wieġbu Kristu minnufih u bagħtu lura minn fejn kien ġie: Ruma.

ll-fatt li s-sena d-dieħla, jekk Alla jrid – is-Sena 2000, is-Sena tal-Milennju l-Ġdid – sejrin niċċelebraw is-Sena Mqaddsa, is-Sena tal-Ġublew Qaddis, żewġ millennji ta’ Kristjaneżimu, li waqqaf u beda Kristu u kompla Pietru u l-Papiet l-oħra sa dak tal-lum, Ġwanni Pawlu II, isaħħaħ u jikkonferma l-importanza ta’ Ruma: Ruma Kattolika, Ruma ta’ San Pietru!

Kif bdejt din il-kitba rrid intemmha: b’daqsxejn ta’ riflessjoni oħra.  Id-dinja tal-lum donnha li, kulma jmur u kull fejn tħares, ġmielha qiegħda titlef – jew ta’ lanqas twarrab jew iġġenneb il-moralita’ u l-valuri nsara, li fuqhom San Pietru nnifsu ma kien jixba’ jisħaq qatt.  Jidher u jinħass sewwa li f’din l-era li qegħdin ngħixu fiha l-kilba għall-flus u l-ġid materjali u l-pjaċiri li toffri l-ħajja (ukoll dawk illeċiti) għoddha rikbet lil ħafna u ħafna minna.  Kultant bla ma biss nintebħu qegħdin insiru pagani – bħall-pagani Rumani tal-qedem, għalkemm f’sena differenti.  Bosta minna stess, bix-xofftejn ngħidu u nistqarru li aħna nsara (ma’ Pietru u ta’ Pietru!)  Imma fil-prattika – f’ħajjitna ta’ kuljum, kemm-il darba naġixxu mod ieħor…

Wiċċ dik l-istatwa ż-żgħira ta’ San Pietru, sa mill-bogħod u mill-għoli fejn qiegħda, jidher serju u mħasseb: u jidher li għandu biex …  Biss ħarset għajnejh nistħajjilha trid twasslilna l-messaġġ li għad hemm tama għalina lkoll u għad-dinja …  Bil-qawwa t’Alla, huwa għad – bl-imfietaħ tiegħu – jiftħilna mill-ġdid il-bibien li jagħtu għat-Triq li stajna ħallejna u warrabna: dik li twassal għall-etemita’ glorjuża li għaliha nħlaqna.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: