Skip to content

San Pietru Appostlu

 
pic
Tieqa ‘Stained Glass’ b’wiċċ San Pietru f’St. Francis Xavier Catholic Church in Superior, WI
 
 

‘San Pietru Appostlu’

feature dwar dan il-Qaddis.

 
Introduzzjoni:  Inkunu nafu dwar il-qaddis.
  
Ħafna drabi nies li m’għandhomx għal qalbhom ir-reliġjon u nies bierda ħafna fil-fidi tagħhom, nies li l-festi ma jogħġbuhomx jieħdu pjaċir jittantaw ix-xemx għaddejja billi jagħmlu mistoqsijiet u statements bil-għan li jpoġġu f’dawl ikrah il-festi nsara Maltin.  Huwa minnu li l-festi qed jiċċappsu b’xi affarijiet li mhumiex tajbin, imma dan jiġri kullimkien u f’kull namur li jinsab fid-dinja.  Ninnutaw ukoll li l-festi qegħdin minn sena għal sena jkunu l-mira ta’ attakki ta’ nies li l-festi ma jogħġbuhomx.  Sfortunatament il-kummenti tagħhom jaslu u jispiċċaw jaffettwaw id-deċiżjonijiet ta’ dawk li huma responsabbli minnhom, anke jekk dawn il-kritiċi jkunu amplifikaw mhux ftit il-problema u oħroġ l-għaġeb il-lat posittiv u s-sabiħ ta’ dawn it-tradizzjonijiet ma joħroġ qatt.  Din il-problema qasmet il-poplu tagħna fi tnejn u din hija sfortuna kbira għax il-festi huma parti kbira ħafna mit-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin.  Dawk li ma jħobbux il-festi, jiġifieri ma jħobbux parti kbira mit-tradizzjoni Maltija.  Ħafna minn dawn in-nies iġibu diversi argumenti bħal ‘ħela ta’ flus’ u ‘aħjar dawn il-fided kollha tajnihom lill-fqar’ imma mbagħad ħadd ma jsemmi t-tberbiq li jsir fil-Milied minn kulħadd.  F’din id-dinja kull bniedem għandu xi passatemp jew namur u allaħares ma kienx hekk.  Min ma jberbaqx fil-festa, żgur iberbaq f’xi ħaġa oħra!  Anzi ta’ min jammirahom lil dawn li jieħdu sehem u jipparteċipaw fil-festa għax dak li jonfqu minn buthom, ma jagħmluhx għal fini personali tagħhom iżda dak li jagħmlu ġeneralment jitgawda minn kulħadd!  Għalhekk huma inġusti l-akkużi li ċertu nies jagħmlu fil-konfront tal-festi u dawk li jħobbuhom.  F’dan il-panorama kollu imma xi kultant ninsew li l-festi huma r-reliġjon tagħna.  Il-festa hija parti mir-reliġjon tagħna għax il-festa ssir għal Alla f’ġieħ il-qaddis tar-raħal.  Il-festa hija ringrazzjament lil Alla talli tana bħala mudell lil dak il-qaddis partikolari biex bis-saħħa tiegħu jservi mudell għall-ħajjtina.  Il-qaddis tar-raħal li f’ħafna każi jkun ilu jiġi vvenerat sa mill-eqdem żminijet, sa minn żmien il-furbani jew anke qabel, jkun imdawwar b’diversi leġġendi dwar ħajtu, dwar id-devozzjoni lejh f’Malta u anke barra minn Malta.  Il-qaddis patrun huwa storja minnu nniffsu, l-istudju interessanti tal-kult tiegħu fid-dinja, f’Malta u anke fin-naqra tar-raħal fejn il-knisja hija ddedikata għalih.  Kif u x’fatta kien li missirijietna għażlu lil dan il-qaddis bħala l-protettur ta’ dawn l-inħawi?  Minn fejn ġiet din id-devozzjoni?  Kienu l-baħħara li ġabuha magħhom minn fuq ix-xwieni?  Kien xi negozzjant li bena knisja għall-qaddis favurit tiegħu?  Dawn huma l-mistoqsijiet li dawk li veru jħobbu l-festi jagħmlu.  Mistoqsijiet dwar id-devozzjoni, l-istorja u s-sbuħija mdawwra mal-qima tal-qaddis.  L-attakki fuq il-festi qiegħed isir ukoll min-naħa tal-media f’pajjiżna u bħalma għidt qabel isiru programmi apposta fejn l-aspett negattiv tal-festa jidher ikbar mill-ġid li tħalli l-festa stess.  Hemm programmi wkoll li jfaħħru x-xogħol u l-kontribut ta’ dawk li jaħdmu fil-festi u ta’ min ikompli jinkoraġixxi aktar dawn il-programmi televiżivi.  Bħalma jiġri dejjem xi kultant iżda l-ikrah aktar jispikka minn dak li hu posittiv.  F’wieħed minn dawn il-programmi li jsiru kontra l-festi, dejjem issir mistoqsija partikolari li bħala nies insara, aħna jew m’aħniex dilettanti tal-festa tar-raħal tagħna nħoss li għandna xorta nkunu nafu nweġbuha:  ‘Taf min kien u x’għamel il-qaddis li għalih tiċċelebraw il-festa tar-raħal?’  U veru ħafna minn dawk li jsejħu lilhom dilettanti ma jkunu jafu xejn dwar il-qaddis tagħhom.  F’dan id-dawl dehrli li allura kellna nagħmlu sezzjoni fejn nagħtu ħafna dettalji dwar il-qaddis patrun tagħna San Pietru.  Veru li aħna l-Birżebbuġin m’għandniex għalfejn inħabblu ħafna rasna dwar il-qaddis patrun tagħna għax fil-Bibbja jissemma l-ħin kollu.  Tajjeb iżda li nikkonsolidaw dak li nafu diġa.  Ħaġ’oħra li nsibha tassew interessanti hija l-istorja ta’ San Pietru u t-tradizzjonijiet li ħallewlna missirijiet il-Knisja dwar il-ħajja tal-qaddis.  Ħafna mit-tagħrif li għandna dwar San Pietru jagħtuhulna l-istoriċi antiki u l-missirijiet u d-dutturi tal-knisja.  It-tagħrif li ħallewlna dawn dwar San Pietru huwa interessanti u sfortunatament dawn il-fatti ftit li xejn nisimgħu dwarhom lanqas fil-knisja.  Is-solennita’ tal-martitrju ta’ San Pietru u San Pawl li niċċelebrawha fid-29 ta’ Ġunju, ma tissemma mkien fil-Bibbja, madankollu l-kitbiet u t-tradizzjonijiet li ħallewlna missirijiet il-knisja, bis-saħħa tal-kotba tagħhom jixħtu dawl fuq fatti u affarijiet interessanti dwar ħajjet il-qaddisin.  Tajjeb li dan it-tagħrif jaqrah kulħadd u jkun hawn aktar tagħlim fuq ħajjet dan il-qaddis.  Il-ħajja ta’ San Pietru Appostlu tagħmel ħafna sens meta ninterpretawha mill-angolu ta’ Fidi u kif Alla għażel lil dan il-bniedem biex ikun mudell kbir għalina.  Hemm bżonn li nsiru nafu aktar dwar il-qaddis u nitgħallmu dwaru, dwar l-episodji bibbliċi u t-tifsiriet reliġjużi, iżda wkoll dwar dawk  l-aspetti ta’ ħajtu rrakkuntati minn diversi storiċi u missirjiet il-knisja li sfortunatament ma jingħatawx l-importanza li tixirqilhom.
 
1.  Nintroduċu lil Pietru: il-magħżul minn fost it-tnax.
 
 
 
Dawn huma l-ismijiet tat-12 il-Appostli: l-ewwel Xmun li jgħidulu Pietru’ (Mattew 10:2).  L-isem proprju ta’ San Pietru huwa Xmun (Atti 15:14, 2 Pietru 1:1).  Hu kien Bin Ġona u mwieled f’Betsajda (Ġwanni 1:42-44), raħal viċin ix-Xatt tal-Galilija.  Xmun mar joqgħod f’Kafarnaum, fejn hu kien jgħix mal-kunjata fid-dar tiegħu stess (Mattew 8:14)(Luqa 4:38) fiż-żmien meta Ġesu beda jgħallem (A.D. 26-28).  Eventwalment dan ifisser li Xmun kelli jħalli warajh lill-familja tiegħu biex jimxi wara Ġesu.  Indri, ħu Pietru u dixxiplu ieħor marru fid-dar ta’ dak li kellu jkun is-salvatur tad-dinja u qattgħu għandu ġurnata sħiħa.  Ftit wara, Indri kien qal lil ħuh Xmun ‘Sibna l-Messija – li jfisser Kristu’ u ħadu għand Ġesu.  Ġesu, li meta rah qallu:  “Int Xmun bin Ġwanni; int tissemma Kefa, li jfisser Pietru”.  Minn din l-ewwel laqgħa wieħed mill-ewwel jinduna kemm il-fatt li Ġesu biddel isem Xmun għal dak ta’ Kefa (Kephas; Aramajk Kipha, blata), li tfisser Petros (Latin, Petrus) turi kemm Ġesu kellu xi ħaġa speċjali bil-lest għal dan il-bniedem.  Wara li Ġesi għamel l’hekk imsejjaħ ‘id-Diskors tal-Muntanja’, Ġesu jżur dar San Pietru u hemm ifejjaqlu l-kunjata, li kienet marida (Mattew 8:14-15; Mark 1:29-31).  Ftit wara Ġesu jagħmel l-għażla tat-tnax-il appostlu li minnhom kollha San Pietru ntgħażel l-ewwel wieħed.  Sa mill-bidu nett, Pietru minn dejjem kien bniedem prominenti.  Il-karattru tiegħu deskritt bħala wieħed goff, b’temperament ħażin u ta’ ras iebsa juri d-dgħufija tal-bniedem imma fl-istess ħin l-imħabba kbira u r-rispett li kellu lejn Ġesu jirbħu fuq l-aspetti negattivi ta’ dan il-bniedem u jagħmluh karattru ewlieni u bniedem speċjali anke quddiem għajnejn Alla.  Aktar mar-rwol tal-appostli jikber fil-Bibbja aktar nindunaw kemm prominenti kien San Pietrtu fosthom kollha.  Dakinhar li Ġesu għażel lill-Appostli tiegħu, mhux talli San Pietru kien l-ewwel wieħed li Ġesu għażel imma talli ninnutaw l-emfasi li l-evanġelista Mattew jagħmel fuq l-isem li Ġesu ta lil Xmun: Pietru (Petrus)  (Mattew 10:2).  Kemm-il darba lil Pietru narawh ukoll jitkellem f’isem ħutu l-appostli (Mattew 15:15, 19:27; Luqa 12:41) u kemm-il darba narawh ukoll jirrispondi lura meta l-appostli jiġu mistoqsija u indirizzati minn Ġesu (Mattew 16:16).  Il-prominenza ta’ Pietru tkompli tikber meta darba fost l-oħrajn fil-viċinanzi ta’ Ċesarija (Qajsarija) ta’ Filippu, Pietru jagħraf lil Ġesu bħala l-‘Messija’ u Ġesu mbagħad jaħtru r-ragħaj tal-knisja tiegħu.  F’dan l-aħħar episodju, li tant huwa importanti, Ġesu li kien jitkellem il-lingwa Aramajka, jsejjaħ lil Xmun intenzjonalment bħala ‘Pietru’, il-blata:  “U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni 1-Knisja tiegħi…” (Mattew 16:18).  B’dan il-kliem Ġesu ried juri li hu ried li Pietru jkun il-kap u l-mexxej tal-knisja tiegħu, liema knisja tkun mibnija fuq il-blata (Pietru) li ma tista tiġi qatt imġarrfa mis-setgħat tal-infern.  Il-karattru iebes u diffiċli ta’ Pietru joħroġ fil-beraħ meta jiġi wiċċ imb wiċċ mar-realta’ tal-mewt u l-passjoni li kellu jgħaddi minnha Ġesu.
 
2.  Iċ-ċaħda ta’ Pietru turina li wara kollox kull bniedem huwa msejjaħ biex ikun qaddis.
 

 
Meta Ġesu ġie maqbud fil-Ġnien tal-Ġetsemani, Pietru ried jiddefendi lil Ġesu anke bil-forza u bil-vjolenza, iżda kien Ġesu stess li waqqfu milli jagħmel dan.  Imbagħad bħall-bqija tal-appostli li kienu miegħu dak il-ħin kien se jaħrab u jistaħba (Ġwanni 18:10-11; Mattew 25:56).  Imma mbagħad iddeċieda li jmur jara fejn ħadu lil Ġesu u sab ruħu fil-bitħa tal-Qassis il-Kbir, fejn xi qaddejja għarfuh imma hu, skond kif kien qallu Ġesu stess ftit sigħat qabel ċaħad li kien jafu għal tliet darbiet (Mattew 26; Mark 14; Luqa 22, Ġwanni 18).  Iċ-ċaħda ta’ Pietru madankollu ma tistax tiġi interpretata bħala nuqqas ta’ fidi f’Ġesu, imma bħala riżultat tad-dgħjufija ta’ kull bniedem quddiem il-biża’ tal-mewt.  Id-dispjaċir ta’ Pietru kompla kiber meta fl-istess waqt li kien qed jiċħdu ltaqa’ ma’ Ġesu akkumpanjat mis-suldati u dan ta’ l-aħħar iħares dirett lejn għajnejh bħallikieku ried ifakkar lil Pietru li hu kien jaf minn qabel x’kien se jiġri.  “U ftakar Pietru fil-kliem li kien qallu Ġesu: ‘Qabel ma jidden is-serduk, tiċħadni tliet darbiet.’  U ħareġ barra u beka biki tad-demm.” (Mattew 26:75)  Leġġenda tgħid li tant kemm Pietru beka dakinhar li dmugħ t’għajnejh bħal iffurmawlu tikmix fuq iż-żewġ naħat ta’ wiċċu.  Minkejja dan l-episodju tassew sfortunat, l-importanza ta’ Pietru quddiem għajnejn Ġesu u quddiem Alla la ntemmet u lanqas naqset, anzi jkun Ġesu li ftit wara jikkonfermah bħala l-kap tal-knisja wara r-resurezzjoni tiegħu.  Wara d-difna ta’ Ġesu, xi nisa li kien jħobbu l-Ġesu; Marija l-Madaliena, Marija omm Ġakbu, u Salome kienu sejrin biex jidilku bil-balzmu l-ġisem ta’ Ġesu, imma dawn kienu l-ewwel li sabu l-qabar vojt u anġlu tal-Mulej li kien dehrilhom dak il-ħin bagħat magħhom messaġġ speċjali għal Pietru (Mark 16:7).  Lilu biss, lil Pietru biss mill-appostli kollha, deher l-ewwel Ġesu.  Pietru kien l-ewwel wieħed mill-appostli kollha li Ġesu deher.  Dan ġara jum wara l-qawmien ta’ Ġesu (Luqa 24:34; 1 Korintin 15:5).
 
3.  Pietru f’Ġerusalemm u l-Palestina wara t-Tlugħ fis-sema ta’ Sidna Ġesu Kristu.
 

 
It-tagħrif li għandna dwar l-ewwel ħidma appostolika ta’ San Pietru wara t-tlugħ fis-sema ta’ Ġesu f’Ġerusalemm, fil-Ġudea u fil-medda tal-art li tinsab fit-Tramuntana, jiġifieri qrib is-Sirja nafu biha bis-saħħa tal-ewwel kapitli li nsibu fl-Atti tal-Appostli, liema fatti jiġu konfermati mill-ittri li kiteb l-Appostlu San Pawl.  Kien Pietru stess li fost l-appostli ta’ miegħu ħa d-deċiżjoni fuq l-għażla tal-appostlu l-ġdid Mattija biex jieħu post Ġuda l-Iskarjota (Atti 1:15-26).  Wara li niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, Pietru quddiem il-ħdax l-oħra jagħmel l-ewwel priedka tiegħu fuq Ġesu u jibda jgħallem fuq ħajtu, fuq it-tagħlim tiegħu u fuq il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet.  Ħafna kienu l-pagani u l-Lhud li fehmu u emmnu lil Pietru u kkonvertew u bdew jagħmlu parti mill-ewwel Kommunita’ Kristjana (Atti 2:14-41).  Bil-fejqan mirakoluż li Pietru għamel mar-raġel il-magħtub fejn il-bieb tat-tempju li kienu jsibuh bħala l-‘bieb is-sabiħ’, Pietru ġibed lejh folla kbira ta’ nies għax lanqas riedu jemmnu bil-fejqan ta’ dak il-marid.  Hekk kif ra dawk in-nies kollha Pietru għamel it-tieni d-diskors tiegħu taħt il-Portiku li kienu jsibuh bħala ‘Ta’ Salamun’.  B’din it-tieni priedka Pietru jkompli jiġbed lejh aktar nies u l-Kommunita’ Kristjana kompliet tikber (Atti 3:1-14; 4).  Wara li Pietru kellu viżjoni importanti fil-belt ta’ Joppe minn Alla biex jilqa’ fil-knisja tiegħu anke lil dawk li ma kienux Lhud, Pietru jikkonverti liċ-Ċenturjun Kornelju u lil dawk li kienu miegħu (Atti 9:31; 10-48).  Ġesu Alla ried juri lil Pietru li l-knisja li fdalu f’idejh kellha tkun miftuħa għal kulħadd, għal kull bniedem li jgħix fid-dinja.  Wara l-konverżjoni tiegħu u wara li qattgħa tliet snin fl-Arabja, Pawlu ta’ Tarsu jżur lil Pietru f’Ġerusalemm u hawnhekk l-Appostlu tal-Ġentili Pawlu, jirrikonoxxi lil Pietru bħala l-Kap tal-Appostli u tal-Knisja ta’ Ġesu Alla (Galatin 1:18-20).  Pietru malajr kellu jtemm ħesrem l-appostolat li kien qiegħed jagħmel f’Ġerusalemm u fil-Palestina u dan għaliex Erodi Agrippa I (A.D. 42-44) beda persekuzzjoni ġdida kontra l-insara f’Ġerusalemm.  Dan iwassalna biex nifhmu t-titular li għalih hija ddedikata l-parroċċa tagħna, jiġifieri l-istorja meta Pietru flimkien ma’ Ġakbu ġew maqbuda minn Erodi Agrippa u mitfugħa l-ħabs.  Din il-ġrajja nsibuha fl-Atti tal-appostli fejn naraw li Ġakbu ħu Ġwanni jiġi maqtul u martirizzat filwaqt li Pietru miżmum bil-ktajjen u b’għassa stretta kien qed jistenna li jiġi maqtul wara li jkun għadda l-Għid tal-Lhud (Jiem l-Ażżmi).  Pietru, imma mirakolożament jinħeles mill-Anġlu tal-Mulej, waqt li l-knisja kienet qed titlob għalih bil-ħerqa.  Il-Ktajjen li skond it-tradizzjoni kienu jorbtu lil Pietru magħhom għadhom miżmumin b’għożża fil-Bażilika ta’ San Pietro In Vinculi f’Ruma.  Hekk kif inħeles, mar jiġri fejn l-Appostli l-oħra li kienu miġmugħin jitolbu.  Pietru ordnalhom biex jgħarrfu b’dak li ġara lil Ġakbu u lill-aħwa.  Il-bibbja tkompli tgħidilna sempliċiment li Pietru telaq minn Ġerusalemm “u mar post ieħor” (Atti 12:1-18).  Din il-ġrajja hija l-aħħar waħda fil-Bibbja li fiha San Pietru huwa l-protagonista assolut.  Wara din il-ġrajja ma nisimgħux aktar dwar San Pietru ħlief għal xi noti dwar xi episodji isolati.  Huwa fatt magħruf minn kulħadd u storikament dokumentati li Pietru għex l-aħħar snin ta’ ħajtu waqt l-appostolat tiegħu fil-belt ta’ Ruma, l-aktar belt importanti f’dawk iż-żminijiet.  Hawnhekk huwa kellu jieħu l-martirju tiegħu.  Il-punt essenzjali f’dan kollu huwa l-fatt storiku li peress li San Pietru miet ġewwa Ruma, dawk kollha li ssuċedewh barra li jkunu Isqfijiet ta’ Ruma jkunu wkoll fl-ogħla posizzjoni ħjerarkika tal-knisja: jiġifieri fil-kariga ta’ Papa.  Il-fatt li San Pietru kien jgħix Ruma fl-aħħar snin ta’ ħajtu huwa dokumentat minn diversi storiċi ġejjin minn diversi postijiet fid-dinja li għexu bejn it-tmiem tal-ewwel seklu u dak tat-tieni seklu.
 
4.  San Pietru Appostlu f’Ruma: il-persekuzzjoni, il-martirju u l-venerazzjoni bikrija lejh.
 

 
Il-mewt ta’ San Pietru hija attestata u dekumentata minn Tertulljanu (Tertullian) u minn Origen (f’Ewsebju, Church History II.1) fejn jgħidu li San Pietru miet martirizzat bil-mewta ħarxa tas-salib.  Origen jgħid “Peter was crucified at Rome with his head downwards, as he himself had desired to suffer” li tfisser “Pietru ġie msallab rasu ‘l isfel kif kienet ix-xewqa tiegħu li jbati.”  Minn dak li naqraw fil-Vanġelu ta’ San Ġwann 21:18-19, jidher ċar ukoll li l-għarfien dwar il-post u l-manjiera li biha San Pietru ħa l-martirju kienu żewġ fatti li l-insara tal-ewwel seklu kienu diġa’ jafu dwarhom.  Is-silta fl-Evanġelu ta’ San Ġwann Kap 21 u versi 18 u 19, tkompli tikkonferma dan kollu: ‘ … “Tassew, tassew ingħidlek, meta kont aktar żgħażugħ kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ tmidd idek u ħaddieħor iħażżmek u jmexxik fejn ma tridx.”  Dan qalu biex ifisser b’liema mewt kellu jsebbaħ ‘l Alla.’  Rimarka bħal din mill-evanġelista San Ġwann tikkonferma li l-ewwel insara u l-appostli stess kienu jafu dwar il-mod li bih San Pietru miet għal Alla.  Element ieħor kruċjali li jitfa’ dawl fuq il-post li fih San Pietru għex l-aħħar snin ta’ ħajtu u fejn ġie martirizzat jiġifieri f’Ruma, insibuha fl-għeluq tal-Ewwel Ittra tiegħu fejn jgħid: “Inselli għalikom dik li hemm f’Babilon, maħtura bħalkom, flimkien ma’ Marku, ibni.” (1 Pietru 5:13)  Il-kelma Babilon f’din it-tislija żgur li ma tistax tirreferi għall-bliet l-antiki li ħafna minnhom kienu diġa mġarrfa u spiċċaw għal kollox fiż-żmien li Pietru kien qed jikteb din l-ittra.  Minn provi li l-istoriċi għandhom f’idejhom jinsabu ċerti li l-kelma Babilon hawn żgur mhijiex tirreferi għall-Babilonja ta’ Ewfrate li kienet ilha mġarrfa u abbandunata, jew il-Babilonja l-ġdida ta’ fuq ix-xmara Tigris (Illum l-Iraq) magħrufa wkoll bħala Seleucia.  Żgur ukoll li ma setgħetx tkun il-Babilonja tal-Eġittu qrib il-belt ta’ Memphis u lanqas ma tista’ tkun xi referenza oħra għall-belt ta’ Ġerusalemm.  Ir-referenza ta’ Babilonja għall-belt ta’ Ruma hija konfermata, indikata u repetuta fil-ktieb tar-Revelazzjoni (L-Apokalissi) fejn Ruma hija msejjħa bħala Babilonja (Revelazzjoni 17:5; 18:10).  Din ir-referenza jsemmiha wkoll fil-kitbiet tiegħu Ewsebju ta’ Ċesarija.  Prova oħra ċara li turi li San Pietru għex l-aħħar snin ta’ ħajtu f’Ruma huwa l-Evanġelu nnifsu miktub minn San Mark, li għalkemm huwa mniżżel bħala t-tieni Evanġelu mill-erbgħa li huma, huwa sewwasew l-iktar Vanġelu qadim minnhom kollha.  X’rabta hemm mela bejn l-eqdem vanġelu dak ta’ San Mark u l-Appostlu San Pietru?  Skond il-kitbiet li ħallewlna l-Isqof Papija, li kien Isqof ta’ Ġerapoli (130-140 w.K) u Klement ta’ Lixandra (215 w.K) żewġ figuri li kienu jiddependu ħafna minn dak li ġie mgħoddi lilhom mid-dixxipli li kellhom l-appostli stess, nafu li l-Evanġelu ta’ Mark inkiteb fuq xewqa tal-insara li kienu jgħixu Ruma u li riedu li jkollhom f’idejhom tagħlim fuq Ġesu Alla skond kif kien għallimulhom San Pietru meta kien għadu fosthom (Ewsebju, “Hist. Eccl.”, II,xv; III,xl: VI,xiv).  Dawn huwa wkoll ikkonfermat minn Sant’Irinew, Isqof ta’ Leon (Adv, haer., III,i).  Dan ifisser li San Pietru għex l-aħħar snin tiegħu u miet f’Ruma.  Anke l-kliem ta’ Klement ta’ Ruma (mhux ta’ min jitħawdu ma’ Klement ta’ Lixandra) fl-ewwel Ittra tiegħu lil Korintin, Kapitlu 5, jikkonferma li San Pietru għex Ruma u bata l-martirju ma’ ħuh l-appostlu San Pawl.  Din li ġejja hija traduzzjoni għall-Ingliż minn Roberts-Donaldson: “But not to dwell upon ancient examples, let us come to the most recent spiritual heroes. Let us take the noble examples furnished in our own generation. Through envy and jealousy, the greatest and most righteous pillars [of the Church] have been persecuted and put to death. Let us set before our eyes the illustrious apostles. Peter, through unrighteous envy, endured not one or two, but numerous labours, and when he had finally suffered martyrdom, departed to the place of glory due to him. Owing to envy, Paul also obtained the reward of patient endurance, after being seven times thrown into captivity, compelled to flee, and stoned. After preaching both in the east and west, he gained the illustrious reputation due to his faith, having taught righteousness to the whole world, and come to the extreme limit of the west, and suffered martyrdom under the prefects. Thus was he removed from the world, and went into the holy place, having proved himself a striking example of patience.”  Prova oħra li turi li San Pietru għex f’Ruma qabel ma ħa l-martirju hija dik li naqraw f’waħda minn sensiela ta’ ittri li l-Isqof Injazju ta’ Antijokja kiteb huwa u sejjer lejn Ruma (117 w.K) biex jiġi martirizzat.  F’din l-ittra indirizzata sewwasew lill-insara ta’ Ruma jgħidilhom li hu qatt ma jista’ jkun bħal Pietru u Pawlu u ma jħossx li hu ta’ dehen għalih, li jordnalhom x’għandhom jagħmlu kif kienu għamlu l-Appostli San Pietru u San Pawl għax filwaqt li kellhom setgħa appostolika, huwa ma kienx ħlief bniedem maqbud lest biex jiġi maqtul għall-glorja t’Alla.  Din li ġejja hija traduzzjoni mit-testi oriġinali għall-Ingliż ta’ Roberts-Donaldson:  “I do not, as Peter and Paul, issue commandments unto you. They were apostles; I am but a condemned man: they were free, while I am, even until now, a servant. But when I suffer, I shall be the freed-man of Jesus, and shall rise again emancipated in Him. And now, being a prisoner, I learn not to desire anything worldly or vain.”  (from The Epistle of Ignatius to the Romans: Chapter IV: Allow Me to Fall a Prey to the Wild Beasts.)  Din ir-rimarka daqshekk qawwija indirizzata lill-insara ta’ Ruma, tagħtik x’tihem li sew San Pietru kif ukoll San Pawl ħadmu bla heda fost l-insara ta’ Ruma b’setgħa appostolika fejn għallmu dwar Ġesu u għammdu bosta nsara membri ġodda tal-knisja.  Dawn u bosta provi oħra juru li l-Appostli Pietru u Pawlu għexu tassew l-aħħar snin ta’ ħajjithom ġewwa l-Belt ta’ Ruma.  Skond l-istoriku Ruman Tacitus, il-ġonna ta’ Neruni (Iċ-ċirku ta’ Neruni), l-istess post fejn illum hemm il-Vatikan raw xeni makabri u ta’ qilla u persekuzzjoni kontra l-insara.  F’dan id-distrett li qed insemmu, bejn wieħed u ieħor viċin Via Cornelia, il-Prinċep tal-Appostli San Pietru sab il-post tad-difna tiegħu.  F’dan ir-rigward, jiġifieri dwar dan il-post fejn tpoġġa l-ġisem mejjet u qaddis tal-patrun tagħna San Pietru Appostlu, għandna provi definittivi u ċari li jmorru lura sal-bidu tat-tieni seklu.  L-Istoriku Ewsebju ta’ Ċesarija fil-kitbiet tiegħu jikkwota lil ċertu Caius, li kien qassis fejn dan tal-aħħar kien indika l-post eżatti fejn l-Appostli Pietru u Pawlu kienu midfunin (Ewsebju, “Hist. Eccl.” II, 28).  Dawn l-oqbra taż-żewġ appostli kolonni tal-Knisja Kattolika Rumana, kienu ivvenerati ħafna mill-insara tal-bidu, anke fl-aktar żminijiet perikolożi tal-persekuzzjoni, tant li fl-“Atti tal-Martri”, ktieb apokrifu li fih jiġbor kollezzjoni ta’ stejjer dwar l-ewwel martri tal-knisja, isemmi kemm-il darba li bosta nsara ġew martirizzati meta dawn kienu nqabdu jitolbu fuq il-post fejn kienu midfuna San Pietru u San Pawl.  Wara ħafna żmien kien inħass il-bżonn li l-fdalijiet ta’ dawn iż-żewġ appostli, jitneħħew minn fuq il-post u jinħbew x’imkien minħabba xi perikli jew xi sakrileġġ.  Bl-intervent ta’ veru ftit nies, u b’mod mistur ħafna, mingħajr ma wieħed jagħti ħafna fl-għajn, il-fdalijiet ta’ San Pietru u San Pawl, tneħħew bil-lejl u tpoġġew fil-Katakombi ta’ San Sebastjan.  Ftit wara, meta l-persekuzzjoni naqset kważi għal kollox, il-fdalijiet ta’ San Pietru reġgħu ġew irritornati fejn l-għolja tal-Vatican, filwaqt li dawk ta’ San Pawl reġgħu tpoġġew fil-Via Ostiana.  Wara li l-persekuzzjoni konra l-insara spiċċat, iż-żmien li fih l-imperu Ruman kien taħt il-ħakma tal-Imperatur Kostantinu, l-insara issa setgħu jibnu monumenti u knejjes għal Alla, li fihom setgħu ukoll ipoġġu għall-venerazzjoni r-relikwi ta’ qaddisin kbar.  Fost l-ewwel relikwi li ntagħżlu kienu dawk ovvjament tal-Appostli San Pietru u San Pawl, li l-qima lejhom hija fost l-iktar bikrija u fejn fil-post li kienu ilhom midfuna inbnew b’dedika għalihom l-ikbar u l-isbaħ Bażiliċi.  Il-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma hija ovvjament l-iktar waħda importanti u hija sewwasew l-iktar knisja kbira fid-dinja kollha.
 
5.  Il-Fdalijiet Awtentiċi ta’ San Pietru Appostlu.
 

 
Jingħad li l-Imperatur Kostantinu mhux talli ħareġ flejjes kbar biex jibni l-Bażiliċi ta’ dawn iż-żewġ appostli, iżda talli kien imur hu stess personalment jgħin fil-kostruzzjoni tagħhom.  Il-Bażilika ta’ San Pawl inbniet ovvjament fejn kienu midfuna ir-relikwi ta’ dan l-appostlu.  Il-kostruzzjoni ta’ din il-Bażilika ma ppreżentat l-ebda diffikulta u l-altar maġġur ta’ din il-Bażilika jinsab proprju fuq il-‘kripta’ fejn kienu midfuna l-fdalijiet ta’ San Pawl, tant li fil-kripta stess wieħed għadu jista’ jara mnaqqax il-kliem “Paulo Apostolo Martyri”.  Mhux l-istess jista’ jingħad meta ġiet biex tinbena l-Bażilika ta’ San Pietru fl-istess post fejn kienu ilhom midfuna l-fdalijiet tiegħu u dan għaliex il-Papa San Anacletus (it-tielet Papa) fl-ewwel seklu kien bena forma ta’ monument jew kripta oħra fuq l-istess kripta fejn kienu jinsabu l-fdalijiet ta’ San Pietru Appostlu.  Dan l-istess monument jew kripta li kien sar fuq il-kripta oriġinali ta’ San Pietru, kien sar post ta’ devozzjoni u qima kbira u ħafna nsara kienu rabtu qalbhom miegħu speċjalment fiż-żminijiet koroh tal-persekuzzjoni, u allura dehrilhom li fil-proċess tal-bini tal-Bażilika iddedikata lil wisq maħbub kbir Appostlu San Pietru, dan ma kellux jitkisser jew jintilef.  Biex dan kollu jibqa’ jiġi preservat, il-Bażilika ġiet mibnija b’aspetti uniċi u oriġinali.  L-artal pereżempju kellu jiġi mibni fuq il-monument li hemm fuq il-kripta oriġinali fejn jinsabu l-fdalijiet ta’ San Pietru.  Huwa għalhekk li l-artal narawh qisu mibni ftit ‘il fuq mill-livell tal-art.  Filwaqt li l-monument li jistrieħ fuq il-kripta oriġinali li fiha kienu jinsabu l-fdalijiet ta’ San Pietru kien ilu aċċessibbli, mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-kripta oriġinali li fil-qedem kienu jinsabu l-istess fdalijiet.  Nhar it-23 ta’ Diċembru tas-sena 1950, dawk kollha devoti tal-qaddis kbir Appostlu Missierna San Pietru ferħu mhux ftit meta fid-diskors tiegħu ta’ qabel il-Milied, il-Papa Pio XII ħabbar li l-qabar oriġinali tal-Appostlu San Pietru kien instab, iżda mhux il-fdalijiet tal-Appostlu.  Dan kien ir-riżultat ta’ għaxar snin ta’ ħidma u skavi arkeoloġiċi mill-aktar intensi.  F’dawn l-iskavi taħt il-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma bejn is-snin 1939 u 1949, kienu nstabu bħal Katakombi nsara li jmorru lura bejn it-tieni u t-tielet seklu.  L-aktar oġġett impressjonanti li kienu sabu kien monument żgħir, eżatti taħt l-artal preżenti tal-Bażilika li ħafna jemmnu li kien mibni fis-sena 160 w.K, data li kienet minquxa fil-qabar li kien hemm taħt l-istess monument.  Fis-sena 1942, l-Amministratur tal-Bażilika ta’ dak iż-żmien, Monsinjur Ludwig Kaas sab xi fdalijiet oħra f’qabar ieħor li kien hemm fl-istess monument li għadna kif semmejna.  Peress li Monsinjur Kaas kien ħaseb li dawn setgħu kienu xi fdalijiet ta’ xi qaddis u peress li hu nniffsu ma kellux għarfien arkeoloġiku, iddeċieda b’mod mistur li dawn il-fdalijiet kellhom jittieħdu x’imkien ieħor f’post tajjeb fejn ma ssirilhomx ħsara jew ikunu f’periklu li jinsterqu.  Wara l-mewt tal-Monsinjur Kaas (1952), l-Arkeologa brava Margherita Guarducci kompliet ix-xogħol li kien qed jaħdem fuqu Monsinjur Kaas, u sabet ruħha b’kumbinazzjoni wiċċ imb wiċċ ma’ dawn il-fdalijiet.  Minnufih infurmat lill-Papa Pawlu VI li skond il-fehma tagħha dawk ma kienux ħlief il-fdalijiet tal-Appostlu San Pietru.  Wara li saru xi testijiet fuq l-għadam li nstab, irriżulta li dawk kienu fdalijiet ta’ raġel li meta miet kellu fuq is-sittin sena.  Jekk fis-sena 1950 ħafna kienu dawk li ferħu bis-sejba tal-qabar ta’ San Pietru, nistgħu nobsru mela x’ferħ kien hemm fil-qlub ta’ dawk id-devoti meta fis-26 ta’ Ġunju 1968 il-Papa Pawlu VI ħabbar li kienu nstabu l-fdalijiet awtentiċi tal-Appostlu San Pietru.  Illum il-ġurnata kull darba li jilħaq Papa ġdid, mill-gallarija tal-Vatikan joħroġ xi Kardinal li jħabbar li ntagħżel Papa ġdid.  Dan jagħmlu billi jgħid:  “Habemus Papam” li tfisser ‘Għandna Papa’ u li għall-insara kollha din tfisser li issa għandhom suċċessur ġdid tal-appostlu San Pietru, il-vikarju ta’ Kristu.
 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: