Skip to content

San Pietru Appostlu

 

San Pietru Appostlu
kitba ta’ Joe Chetcuti
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2004.

 

stampa

caption

 

Ineħħi barra l-festi tal-Verġni Mbierka li fil-kalendarju tal-Knisja Rumana huma tabilħaqq f’numru kbir, ftit huma l-qaddisin oħra li jkollhom tliet festi fis-sena. San Pietru appostlu jiġi kkommemorat fi tlett ijiem differenti: fid-29 ta’ Ġunju l-Knisja tikkommemora l-festa ta’ l-Imnarja (San Pietru u San Pawl), fit-22 ta’ Frar il-Knisja tikkommemora s-siġġu ta’ San Pietru, li hu simbolu tal-Kattoliċità tal-Knisja, fit-18 ta’ Novembru ssir il-festa tad-dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Pietru.

Bħala profil ta’ San Pietru nistgħu ngħidu li dan mhux minn twelidu kien jismu Pietru, fit-twelid semmewh Xmun. Kien Ġesu stess li bidillu ismu. Semmieh Pietru għax din il-kelma tfisser blata. Kristu qallu: “Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi.”  Għalhekk San Pietru kien l-ewwel Papa tal-Knisja Kattolika. San Pietru kien bin Ġona, twieled f’Betsaida u kellu ħuh jismu Indri. Kemm Indri kif ukoll Pietru kienu sajjieda.  Kristu stess kien poġġieh kap ta’ l-appostli l-oħra. Fil-fatt, kull meta fl-evanġelju nsibu l-lista ta’ l-appostli, dejjem insibu li Xmun-Pietru jkun l-ewwel wieħed f’dawn il-listi.

San Pietru msemmi diversi drabi kemm fl-erba’ Vanġeli kif ukoll fl-Atti ta’ l-Appostli Pietru, flimkien ma’ Ġakbu l-kbir u Ġwanni kienu preżenti meta Ġesu rxoxta lil bint Ġajru, kien preżenti meta Ġesu ttrasfigura ruħu fuq il-muntanja Tabor; kien preżenti waqt l-agunija ta’ Ġesu fil-Ġnien tal-Ġetsemani. San Pietru kien l-ewwel bniedem li beda jippriedka l-Vanġelu f’Ġerusalemm u f’inħawi oħra. San Pietru mhux biss iffonda l-Knisja f’Ġerusalemm imma anke f’Antjokja.  Kien San Pietru li ppresieda l-ewwel konċilju tal-Knisja – il-konċilju ta’ Ġerusalemm.   San Pietru kien ukoll kittieb.  Fil-Bibbja nsibu żewġ epistoli li hu kiteb lill-insara ta’ l-Asja Minuri. Fl-aħħarnett, San Pietru, wara li stabbilixxa l-Knisja ta’ Kristu f’Ruma, ċentru ta’ l-imperu Ruman, ħa l-martirju fis-sena 64 WK taħt l-imperatur Neruni. San Pietru miet imsallab bħal Kristu bid-differenza li ġie mislub rasu ‘1 isfel għax Pietru stess stqarr li ma kienx jistħoqqlu li jkun mislub bħal Kristu.

L-insara mad-dinja kollha għandhom qima kbira lejn San Pietru. Gruppi soċjali għażlu lil Pietru bħala l-patrun-protettur tagħhom. Insemmu xi ftit: il-furnara, il-biċċiera, dawk li jibnu l-portijiet, dawk li jniegħlu ż-żwiemel, is-sajjieda, il-ħassada taż-żbul, dawk li jagħmlu s-serraturi, dawk li jagħmlu x-xbieki u n-nases, dawk li jagħmlu d-dgħajjes, dawk li jagħmlu u jsewwu l-arloġġi… u bosta gruppi oħra.

Barra dawn ta’ fuq, hafna djoċesijiet u lokalitajiet mxerrdin mad-dinja kollha jżommu lil San Pietru bħala l-protettur tagħhom: id-djoċesi ta’ Las Vegas f’Nevada, il-kulleġġ ta’ Oxford f’Exeter, id-djoċesi ta’ Cologne fil-Ġermanja, id-djoċesi ta’ Jackson fil-Mississippi, id-djoċesi ta’ Worms fil-Ġermanja u għexieren ta’ djoċesijiet oħra fil-ħames kontinenti.

San Pietru jiġi msejjaħ ukoll minn xi persuni li jbatu minn ċertu mard: dawk li jbatu mis-saqajn, dawk li jkollhom id-deni rqiq u dawk li jkollhom diżabbiltà akuta minħabba x-xjuħija.

Fil-pittura, ġeneralment l-artisti jpinġu lil San Pietru bħala raġel avvanzat fl-età xagħru abjad, iżomm l-imfietaħ f’idejh, liebes ta’ Papa.  Il-qabar ta’ San Pietru jinsab Ruma, fil-knisja ta’ San Pietru ġewwa l-Vatikan. Eluf kbar ta’ nies minn mad-dinja kollha jżuru dan il-qabar kull sena.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: