Skip to content

Salib San Pietru !

 

Salib San Pietru !
kitba ta’ Emanuel F. Attard
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2004.

 

stampa

caption

 

Minbarra s-salib ta’ Kristu, il-maħbub Feddej u Salvatur tagħna l-bnedmin, insibu wkoll għadd ġmielu ta’ xorta oħra ta’ slaleb. Nistgħu ngħidu bla ma niżbaljaw, li lkoll kemm huma ħarġu minnu – għax ispirati minnu – jekk neskludu għal kollox is-salib l-imgħawweġ tan-Nażiżmu, l-iSwastika! Dan għaliex minbarra s-Salib Glorjuż tant meqjum u maħbub minna l-insara – Kattoliċi, Ortodossi u Protestanti ta’ kull denominazzjoni reliġjuża – insibu tant għamliet ta’ slaleb magħrufa sew ukoll. Bħal, biex insemmu xi wħud minnhom: is-Salib ta’ Malta (jew forsi aħjar jingħad dak tal-Kavallieri ta’ San Ġwann); dawk tal-Ġermaniżi (1), ta’ l-Awstrijaċi, tal-Portuġiżi, tar-Russi u l-Ortodossi l-oħra eċċ. Is-salib ta’ Sant’Andrija (ħu l-Qaddis Patrun tagħna) u dak ta’ San Franġisk ta’ Assisi – dak, jiġifieri fejn Kristu kellmu u saħansitra niżżel driegħ minnhom u tgħannqu t-tnejn li huma – huma magħrufa biżżejjed minn kulħadd. Imma, imbagħad, hemm ieħor – li jiena ħallejtu apposta għall-aħħar – dak tant magħruf u miżmum b’tant qima u għożża minna l-Birżebbuġin: is-Salib il-Maqlub (ħalli nsejħulu hekk!) ta’ San Pietru.

Din il-popolarità immensa u d-devozzjoni universali li jgawdi s-Salib ta’ Kristu – fl-għamliet diversi tiegħu – huma ħwejjeġ tal-meravilji, anzi addirittura mirakolużi! Fatt li m’għandu għax jiskantana xejn – meta niftakru min kien ġie kkundannat biex jissallab u jinqatel fuqu! Biss lanqas għandna ninsew illi sa żmien il-kruċifissjoni tal-Mulej – u għal ħafna u ħafna snin wara – is-salib kien il-forka rriservata mir-Rumani fi żmienhom għall-krema tal-kriminali fl-imperu vast li kellhom. Kien is-sinjal ta’ l-akbar għajb – kif ukoll ta’ mewt mill-eħrex fost tbatija li ma titfissirx – għal dawk l-iddisgrazzjati.  Speċi ta’ fuċillazzjoni, qtugħ ir-ras, tgħalliq, jew ukoll mewt bis-siġġu elettriku jew b’xi injezzjoni valenuża: l-għamliet diversi ta’ forka ta’ żmienna.

Din il-bidla kollha – waħda tassew ta’ l-għaġeb – kellha l-bidu tagħha mat-tliet mitt sena wara l-kruċifissjoni tal-Mulej tagħna, jiġifieri fis-sena 312 A.D. F’dik is-sena, hekk storika u memorabbli, Kostantinu msejjaħ il-Kbir, kellu d-dehra mirakoluża tas-Salib Imqaddes fis-smewwiet, qabel battalja (waħda vitali u mill-kbar nett) kontra r-rival tiegħu pagan bħalu, Massenzju, fuq il-Pont ta’ Milvju, fil-viċinanza ta’ Ruma. Kienet battalja li kellha tiddeċiedi minn kellu jkun l-imperatur u s-sid assolut ta’ l-Imperu Ruman. Battalja li dan Kostantinu rebaħ bil-kbir bl-għajnuna ċara tas-Salib Imqaddes – li ġabet wara mhux biss il-konverżjoni tiegħu, iżda li wkoll kienet tfisser il-ħelsien totali għall-insara kollha ta’ l-imperu, wara tliet mitt sena sħaħ ta’ persekuzzjoni terribbli – li tat lill-Knisja eluf kbar ta’ martri, eroj glorjużi ta’ Kristu u s-Salib Tiegħu!  Dan is-Salib laħaq l-aqwa tal-glorja tiegħu meta l-omm Nisranija ta’ l-Imperatur Kostantinu, Santa Elena, irnexxielha b’miraklu ieħor, issibu f’Ġerusalemm, erbatax-il sena wara, fis-sena 326 A.D.

Illum, l-emblema ta’ dan is-Salib Rebbieħ insibuh iżejjen u jinkuruna l-kuruni kollha tar-rejiet u l-irġejjen insara lkoll kemm huma – ta’ l-inqas dawk li għad fadal minnhom, billi l-għadd tagħhom naqas ħafna kif jaf kulħadd dan iż-żmien. Madankollu, ta’ min iżid illi nsibu kemm-il salib fuq id-dekorazzjonijiet (militari u ċivili) u fil-bnadar nazzjonali ta’ bosta ġnus Ewropej. Dawn il-fatti jippruvaw il-vittorja perenni tas-Salib ta’ Kristu!  Aħna lkoll li nqimuh u nħobbuh, insellmulu billi ngħidulu: AVE CRUX SPES UNICA! – is-Sliem lilek, O Salib, it-Tama Waħdanija Tagħna!

Is-salib ta’ Pietru – għalkemm huwa wieħed ta’ xorta oħra, huwa wkoll dak ta’ Kristu li għaliH issallab, u b’hekk sar il-martri ewlieni Tiegħu ta’ l-ewwel seklu ta’ era Kristjana, bħala l-ewwel Kap, Papa, tal-Knisja l-ġdida – dik ta’ Kristu l-Feddej. Min kellu jgħidlu lil dan Xmuni, is-sajjied minn Betsajda ta’ dari, x’kellu jgħaddi minnu meta kien aċċetta s-sejħa ta’ Ġesu u telaq kollox ħalli jimxi warajH? Il-mewt hekk kiefra u hekk traġika ta’ l-Imgħallem fuq salib infami – qalb żewġ briganti mill-agħar – kienet ħalliet impressjoni kbira ħafna fuq Pietru tagħna (kif issa sar jissejjaħ)! Lil Kristu kien iħobbu wisq – u, għax ħabbu hekk bil-kbir, fehem u rrealizza li dak is-salib ma baqax aktar forka infami, iżda sar is-sinjal etern tas-salvazzjoni għal kulħadd!

Veru li qabel ġara dan kollu, Pietru – bħalna lkoll – kellu kemm-il difett. Tant li, xi drabi, bħal niskantaw kif u għaliex Kristu deherlu li kellu jaħtar proprju lilu bħala l-Kap ta’ l-Appostli. Kif, ngħidu aħna, ma ħatarx lil Ġwanni (l-Evanġelista) li tant kien iħobb?  Predikatur magħruf, waqt priedka li għamel, wasal biex josserva li … li kellu jkun xi bniedem bħali li qed nikteb – jew xi ieħor bħalkom ilkoll – niddubitaw konniex naslu nagħżlu lilu! Għax, kos, kollu minnu, dan Xmun Pietru qabel ma nidem bil-kbir, u qabel ma niżel fuqu (u fuq l-appostli sħabu) l-Ispirtu s-Santu kellu, ħej, ċerti difetti kbar, serji … Kien nitfa żżejjed prużuntuż, żbukkat għax ma jaħsibhomx, u bully ukoll …  Is-sabiħa kien bully imma fl-istess ħin xi minn daqqiet ġifa u beżżiegħ ukoll, biex tagħqad …  Għalkemm lil Pietru dejjem konna nsibuh ma’ djul il-Mulej – l-appostlu li ra b’għajnejh stess u qasam Miegħu tant u tant mirakli ta’ l-għaġeb – xorta waħda wasal biex jiċħdu fil-konfront ta’ mara komuni, biċċa ta’ serva fanatika … Aktar u wisq agħar minn hekk, ma rridux ninsew li ħarab u dabbar rasu ma’ l-appostli l-oħra fl-agħar tal-kriżi – l-arrest finali u l-kalvarju sħiħ ta’ l-Imgħallem Divin Tiegħu! Donnu jidher fatt sagrosant ukoll illi mkien – intenni mkien fl-erba’ Vanġeli ma nsibu miktub, jew naraw lil San Pietru taħt is-salib ta’ Kristu moribond, jew mejjet, flimkien ma’ Marija SSma. Addolorata, ma’ San Ġwann u xi nisa oħra twajba … Fejn il-mniefaħ kien qiegħed?! Mhux mistoħbi xi mkien ma’ sħabu l-oħra, tgħid? Sa dan il-mument lil Pietru konna issa drajnieh fejn kellu x’jaqsam Ġesu: daqqa nejja u daqqa maħruqa, kif jgħid il-Malti … B’danakollu u minkejja kollox, dan Ġesu – is-Salvatur Divin tal-bnedmin – lilu, lil Pietru ried u mar jagħżel bħala il-Prim Appostlu (speċi tal-Prim Ministru) Tiegħu! Lilu, lilu biss, u lil ħadd għajru kif nagħtuh ġieħ u nkantawlu ta’ kull sena, fil-festa tiegħu: “Lilek għażel!”

Mur ifhmu lill-Mulej! Imma, b’daqsxejn tar-riflessjoni nistgħu, mhux ma nistgħux b’xi mod nifhmuh, wara kollox.  Għax ilu ħafna, kważi sa mill-bidunett, li kien avvertiena fil-Bibbja Mqaddsa: “Triqati mhux triqatkom!” U hekk hu, verissimu.

Nagħmlu tajjeb, mela, niflu ftit psikoloġikament u kif nistgħu, il-karattru ta’ dan il-Qaddis tagħna. Bid-difetti u kollox li kellu, ta’ bniedem dgħajjef bħal kulħadd, żgur fuq li żgur li Xmun Pietru kien Lhudi devot ħafna. Kien bniedem sinċier, uman, ta’ qalb kbira u li taf tħobb – raġel tal-famija mill-iżjed eżemplari, wieħed ħabrieki ferm u mżejjen b’sens komun ukoll. (Hawn forsi ta’ min jistaqsi: Tgħid kellu xi ulied? – jekk seta’ kellu, ma jissemmewx.) Issa dan kollu – u forsi wkoll tant ħwejjeġ li aħna ma nafuhomx – min seta’ qatt ikun jafu aħjar u aktar mill-Mulej? Nifhmu, nirrealizzaw u nafu li l-Mulej lil Pietru kien jafu aktar milli hu (Pietru, jiġifieri) kien jaf lilu nnifsu – kif jafna lkoll kemm aħna, u wieħed wieħed u waħda waħda, aktar milli nafu u nifhmu lilna nfusna aħna stess! Allura, tiġi waħidha: m’għandna għax nistgħaġbu xejn u b’xejn!

Tabilħaqq, Ġesu Kristu, ta’ Alla li Hu, kien jaf x’inhu jagħmel meta għażel lil Pietru bħala l-Prinċep ta’ l-appostli u Kap tal-Knisja Tiegħu! Biex iħejjih għal dik il-ħatra hekk importanti, il-Mulej ħaseb li, ‘il quddiem, jibdlu mil-lejl għan-nhar. U proprju dan li għamel il-Mulej! Minn bniedem hekk dgħajjef – daqqa bully u daqqa ġifa -għamlu, sawru u biddlu fi ljun. Iljun qaddis, qalbieni u erojku minn kull lat! Ma’ San Pawl, li wasal fix-xena warajh: żewġ pilastri kbar, żewġ iljuni ta’ Kristu!

Infatti, fl-Atti ta’ l-Appostli – wara l-Inżul ta’ Ruħ il-Qodos fuqu u fuq sħabu l-oħra, insibu lil San Pietru jitkellem, jgħallem u kultant iċanfar ukoll bla xejn biża’ jew twerwir lill-kbarat u lix-xjuħ tal-Lhud: dawk stess li tant bagħdu minn qalbhom, tant kasbru u sa kkaġunaw il-kruċifissjoni tal-maħbub Imgħallem tiegħu, Bin Alla nnifsu! Fejn hu dak it-tregħid u t-twerwir ta’ dari?  Kif issa dan il-kuraġġ hekk kbir fil-preżenza ta’ mexxejja tal-poplu tiegħu stess – mogħmija b’mibgħeda u għadab bla tarf għal Sidu, li qiesu u baqgħu jqisuh bħala mastrudaxxa bħall-oħrajn kollha, u li ppretenda li hu Alla inkarnat, il-Messija mwiegħed mill-profeti?

Ma jidhirlix li, fl-imsemmija Atti, insibu tagħrif dwar l-atteġġjament ta’ San Pietru fir-rigward ta’ l-awtoritajiet Rumani fil-qalba ta’ l-Imperu tagħhom. Iżda nistgħu nibqgħu ċerti li, saħansitra quddiem dawn is-sidien potentissimi tad-dinja ta’ dik l-era, San Pietru wera u ġab ruħu ta’ Ljun mill-aktar qalbiena ta’ Kristu – ebda dubju dwar dan! U, bħall-iljun l-ieħor ta’ Kristu, l-Appostlu Missierna San Pawl, fl-aħħarnett, ħalla ħajtu għalih erojkament. San Pietru safa msallab huwa wkoll – l-istess bħall-Mulej Sidu – iżda msallab rasu ‘1 isfel!

Ta’ min ifakkar lill-qarrejja illi waqt li lil San Pawl qatgħulu rasu – mewt irriservata għaċ-ċittadini Rumani – lil San Pietru sallbuh, billi bħal Kristu, ma kellux dik iċ-ċittadinanza.  Iżda meta kien wasal il-ħin tal-kruċifissjoni tiegħu San Pietru – bi qlubija erojka mill-aktar ammirevoli – talab lill-manigoldi biex isallbuh b’mod xejn tas-soltu …  Riedhom isallbuh – u bil-wisq agħar minn hekk, dan intom tistgħu timmaġinawh! – rasu ‘l isfel u saqajh ‘il fuq, meta jdendluh fuq dak is-salib. Tant u tant kien umli, tant ħabb lill-Mulej Sidu, li ma ħassux denn imut imsallab Bħalu!  Dik ta’ Pietru kienet mewta hekk kerha, kiefra u umiljanti li ħassret għal kollox u għal dejjem kull nuqqas li seta’ kellu matul ħajtu.

Tabilħaqq li kien ħabbu minn qalbu lil Kristu, l-Imgħallem Divin tiegħu. Intemm din il-kitba billi ngħid u nsostni li huwa ta’ ġieħ il-veru kbir li għandna hawn ġewwa Birżebbuġa, lil San Pietru bħala (2) l-Qaddis Patrun tagħna – il-parroċċa waħdanija, unika f’Malta u Għawdex, iddedikata lilu!

 

Footnotes:

  1. Min, per eżempju, minna lkoll l-anzjani – li għexna matul is-snin ta’ l-aħħar Gwerra Dinjija – m’għadux jiftakar dik l-għamla ta’ salib li kien ikollhom fuqhom l-ajruplani Ġermaniżi. tal-Luftwaffe, li tant kienu jiġu minnhom jattakkawna u jagħmlu ħerba minn pajjiżna?  Biss is-salib uffiċjali Ġermaniż (jew Prussjan) għandu għamla kemmxejn differenti.
  2. Biss ta’ min jinnota ħalli jingħad kollox illi nsibu l-Katidral ta’ l-Imdina, hawn Malta, u n-Nadur, Għawdex, iddedikati lil San Pietru u San Pawl.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: