Skip to content

Pietru

 

‘Pietru’
Joe Julian Farrugia
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990, Festa 2000

 

stampa

 
L-isem oriġinali ta’ San Pietru kien Simeon – Xmun.  Kien iben Ġona u twieled f’Betsajda, belt fuq l-għadira Genersareth.  Illum mhux ċar fejn kienet eżatt din il-belt, għalkemm huwa maħsub li kienet lejn in-naħa ta’ fuq ta’ l-għadira.  L-appostlu Indri kien ħu Pietru, u l-appostlu Filippu kien mill-istess belt.
 
Xmun għex Kafarnaum u minbarra l-familja tiegħu kellu tgħix miegħu wkoll lill-omm martu.  Skond Klement ta’ Lixandra, kellu wkoll l-ulied.  L-istess kittieb jirrakkonta wkoll it-tradizzjoni li mart Pietru kienet mietet martri, iżda ftit hemm x’jikkonferma dan.  Pietru kien jaqla’ l-għajxien għalih u għall-familja bħala sajjied fuq l-għadira u kellu d-dgħajsa tiegħu.  Bħal ħafna min-nies ta’ żmienu, Pietru kien inġibed lejn it-tagħlim ta’ Ġwanni l-Battista dwar is-safa li ġġib magħha l-penitenza.  Hu, flimkien ma’ ħuh Indri, kien fost dawk qrib Ġwanni fuq ix-xatt tal-Lvant tax-xmara Ġordan u kien proprju mingħand il-Battista li Pietru u Indri saru jafu dwar Ġesu.
 
Pietru segwa lil Kristu fil-Galilija fejn sar it-tieġ ta’ Kana, ġewwa l-Ġudea, f’Ġerusalemm u tul is-Samarija lura lejn il-Galilija.  Hemm Pietru reġa’ beda jagħmilha ta’ sajjied sakemm Ġesu sejjaħlu biex isir appostlu tiegħu; “Ejja warajja, u nagħmlek sajjied tal-bnedmin.” Minn hemm Pietru baqa’ dejjem qrib l-Imgħallem.  Wara l-priedka mill-muntanja u wara li fejjaq lill-iben iċ-ċenturjun f’Kafarnaum, Ġesu mar f’dar Pietru u fejjaq lil omm il-mara tiegħu mill-marda li kellha.
 
Fost it-tnax, Pietru dejjem kien prominenti.  Għalkemm kellu karattru nervuż, jitilgħulu malajr, u faċli jkun intimidat, kien bniedem ta’ fidi kbira, kellu mħabba kbira lejn Sidu u qatt ma naqas minnu l-entużjażmu għal dak kollu li kien jitlob minnu l-Imgħallem.  Kulħadd dejjem qies lil Pietru bħala l-ewlieni fost l-appostli.  Insibu diversi drabi fejn Pietru jitkellem hu f’isem l-appostli ħutu.  Insibu wkoll fejn Kristu jindirizza lill-appostli u jwieġeb Pietru għan-nom ta’ kulħadd, bħalma kellna l-eżempju meta tkellem fuq il-misteru tal-ħobż u l-inbid u d-dixxipli telquh; dar lejn it-tnax u qalilhom “Tridux titilqu intom ukoll?” Kien Pietru li pront pront wieġeb: “Għand min tridna mmorru? Int biss għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.”  Ġesu, min-naħa l-oħra, dejjem ta ċerta preċedenza lil Pietru fuq l-appostli l-oħrajn.  Kien fost il-ftit magħżula li kienu ma’ Kristu f’waqtiet importanti bħall-qawmien mill-mewt ta’ bint Ġajru, waqt it-Trasfigurazzjoni u fl-agunija tal-Ġetzemani.  Agħżel id-dgħajsa ta’ Pietru biex minnhom jippriedka lill-folla fuq ix-xatt.  U meta mexa fuq l-ilma, lil Pietru sejjaħ biex jinżel ħdejh.
 
Meta Kristu staqsa lill-appostli min kienu jgħidu li hu n-nies, min wieġeb Ġwanni, min wieġeb Elija, min Ġeremija jew wieħed mill-profeti.  Iżda Pietru wieġeb li Hu l-Kristu nnifsu; iben Alla l-ħaj.  Hemmhekk ħarġet l-isbaħ silta li nsibu dwar Pietru fil-kotba mqaddsa; “Imbierek int Xmun bin Ġona. Mhux id-demm u l-laħam nebbħuk tgħid dan, iżda l-Missier tas-sema. Inti Pietru! U fuqek nibni l-knisja tiegħi li ebda ħażen ma jegħleb.  Nafdalek l-imfietaħ tas-sema. Dak li tħoll fl-art ikun maħlul fis-sema u dak li torbot fl-art ikun marbut fis-sema.”   B’hekk Kristu ħatar lil Pietru l-mexxej tal-merħla tiegħu.
 
Il-passjoni ta’ Kristu toħroġ l-aspett uman ta’ Pietru.  Il-prużunzjoni tiegħu ħarġet aktar fil-miftuħ filwaqt li dehret ċara d-dgħufija tiegħu ta’ uman.  Meta Kristu kien qiegħed itarraf lill-appostli dwar dak li kellu jiġri, Pietru wiegħed lil Sidu li hu jibqa’ miegħu sa l-aħħar, iżda Ġesu bassarlu li se jitradih.  Fl-ort tal-Ġetzemani, għalkemm Kristu kien qiegħed ibati, Pietru bħall-appostli preżenti raqad.  Iżda mbagħad, meta ġew biex jaqbdu lil Sidhom, malajr silet ix-xabla biex ikun hu li jipproteġih.  Iżda l-biża’ u l-inkwiet tas-sitwazzjoni ma ħallewhx ikun prużuntuż aktar, u hekk naraw li meta ffaċċjawh ġewwa l-bitħa tal-palazz, ċaħad li kien dixxiplu ta’ Ġesu. Anzi beda jaħlef li lanqas qatt kien jafu.
 
Minkejja dan kollu, Ġesu rxuxtat xorta kkonfermah bħala l-appostlu ewlieni.  Lil Pietru biss minn fost l-appostli deher Ġesu fl-ewwel jum mill-qawmien.  U skond l-evanġelu ta’ San Mark (16:7), in-nisa li sabu l-qabar vojt ingħataw messaġġ mingħand l-anġlu għal Pietru.  Wara, meta dehrilhom ħdejn l-għadira, Ġesu staqsih jekk iħobbux u għat-tweġiba pożittiva ta’ Pietru, l-Imgħallem amarlu jirgħa l-merħla tiegħu.  Qabel ma tela’ s-sema, Kristu għarraf lil Pietru li kellu jmut mewta kiefra.
 
L-ewlenin insara kienu f’Pietru l-mexxej tagħhom.  Għadda żmien idur minn post għall-ieħor ixandar il-kelma ta’ Alla.  Kull fejn mar dejjem kien meqjus bħala r-ras ta’ dan il-moviment li beda jixtered ma’ kull rokna ta’ l-inħawi.  Għalhekk il-mexxejja politiċi kienu qegħdin iqisu lill-Insara bħala theddida għallihom.  It-tagħlim ġdid xejn ma kien konservattiv u għalhekk kien jikkuntrasta mat-tradizzjonijiet stabbiliti tagħhom.  Il-bidla kbira li saret f’ ħafna nies, fosthom f’Pawlu ta’ Tarsu, qanqlet ħafna ħafna mistoqsijiet fost l-awtoritajiet.
 
Huwa aċċettat bħala fatt storiku li Pietru qatta’ l-aħħar żminijiet ta’ ħajtu ġewwa Ruma, għalkemm xejn ma jista’ jingħad b’ċertezza dwar x’għamel eżatt miż-żmien li wasal hemm sakemm miet.  Il-kitba li ħalla u dak li nafu dwar l-aħħar snin tiegħu juru biċ-ċar li wara l-qawmien ta’ Kristu u l-inżul ta’ l-Ispirtu, il-kuraġġ kbir li kien hemm fih, bħalma kien hemm f’ħafna mill-ewlenin Insara, temm fih kull biża’ umana li kellu qabel u affronta l-martirju għal Ġesu Kristu; l-Imgħallem li tant ħabb.
 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: