Skip to content

Pietru l-Kbir

 

‘Pietru l-Kbir’
Emanuel F. Attard
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990, Festa 1996.

 
 
 
Mat-titlu ta’ din il-kitba aħjar fittixt li nżid ‘TAGĦNA’ jew ‘TAGĦNA L-BIRŻEBBUĠIN’.  Għax malajr tafu tmorru b’moħħkom, għeżież qarrejja, għal dak il-Pietru I-Kbir I-ieħor, tant magħruf fl-istorja: il-Kżar ġganti li saltan fuq ir-Russja bejn l-1682 u l-1725 u li, għamel minnha pajjiż qawwi u ‘modern’, għax irriformaha mill-qiegħ.  Kbir kemm kien ‘kbir’ dak Pietru, fejn Pietru I-Appostlu I-Kbirt a’ Kristu I-Feddej tal-bnedmin – u b’ġieħ mhux żgħir għalina Patrun tagħna – la qagħad u lanqas jogħqod….  Imkien u qatt fid-damma kollha ta’ l-istorja!
 
Nistgħu ngħidu, bla ma niżbaljaw, li San Pietru kien u huwa Appostlu li sa mill-bidu ta’ l-istorja ekkleżjastika, qanqal l-akbar interess mhux biss fost il-qaddisin u I-għorrief tal-Knisja iżda l-istudjużi wkoll.  Dan, naturalment, m’għandux għax jiskantana….  Wara kollox, kien l-istess Kristu li, ta’ Alla li Hu, ħa u wera l-ewwel interess fi Xmun bin Ġona – li Hu semma’ Pietru – wara li sejjaħlu biex jixxierek miegħU.  Kristu mill-bidu nett għaraf x’kien, x’kien isarraf u jiswa dan il-bniedem hekk singulari.
 
Għalkemm bniedem komuni, sempliċi sajjied f’raħal ċkejken kostali (bħal Marsaxlokk jew din Birżebbuġa tagħna), Kristu ħatru Kap tal-ħdax-il appostlu l-oħra li Huwa nnifsu għażel meta waqqaf ix-xirka divina tiegħU.  M’hemmx għalfejn jingħad: Kristu kien jaf x’inhu jagħmel!  Kif għanna l-poeta tagħna Dun Frans Camilleri fl-innu sabiħ li nisiġlu:
 
Lilek għażlek, Pietru mqaddes,
Biex il-Knisja twaqqaf fl-art,
Bl-gherf li tak b’setgħat is-sema
Lil Ġesu’ fil-bliet xandart.
 
Lil Pietru Kristu ħatar Prinċep ta’ l-appostli – għalkemm, intenni, kien għaraf sewwa x’kien jiżen u ma jiżinx u bid-debolizzi umani kollha tiegħu …. Ikollna nistqarru li Pietru kellu dgħufijiet xejn żgħar – dgħufijiet li, xi drabi, iġiegħluna nkemmxu dak id-daqsxejn ta’ xofftejna, kif Kristu, il-Bniedem Alla, wasal jaħtru għall-kariga, hekk importanti u hekk vitali, f’dik l-era bikrija meta waqqaf il-Knisja tieghU.
 
Jewwilla Pietru lill-lmgħallem Divin tiegħu ma ċaħdux tliet darbiet – beżgħan minn biċċa qaddejja?  U, fl-aqwa siegħa tal-prova – meta Kristu tant kien japprezza l-preżenza fl-Ort tal-Ġetsemani – huwa forsi ma ħarabx, ma dabbarx rasu ma’ l-oħrajn ‘il bogħod minn kull twegħir?  Safrattant … iva, safrattant, lil Pietru (imsejjaħ ukoll Kefa) l-lben t’Alla magħmul bniedem ried u għażel bħala I-Kap u I-Vigarju tiegħU fuq din l-art.  Il-Mulej ma setax, li ried, jagħżel lil San Ġwann, bin Żebedew (li tant kien iħobb u jammira) jew lil ħu dan, Ġakbu (li, mid-dehra, kien dik il-ħarira ambizzjuż)?  Ma hemm ebda tweġiba oħra għal dan, għajr: hekk għoġbu I-Mulej….  Prova kbira ta’ dik il-verita’ eterna (ħalli nsejħulha hekk) ta’ l-istqarrija magħmula minn Alla, permezz tal-profeti tiegħU: “Triqati mhux triqatkom….”  Għax Alla – kemm-il darba fil-ħajja tagħna u ta’ kulħadd – xejn ma jimxi kif nimxu aħna – ma jaħsibhiex bħalna….  Hu jaf x’inhu u xi jkun l-aħjar – dejjem u kullimkien: għax Hu Biss jaf ‘Kollox’….  U aħna l-bnedmm min aħna – x’aħna, wara kollox?!
 
Ikollna ngħidu li kwalita’ hekk sabiħa fil-karattru ta’ San Pietru – “Pietru il-Kbir tagħna” – waħda li ġibdet ħafna lil Kristu lejh – kienet is-sempliċita’ tiegħu (waħda tabilħaqq rari fl-appostli l-oħra) mogħnija b’qalb kbira, nobbli u ġeneruża – għalkemm, fl-istess ħin, kien ftit jew xejn żorr….  Anqas kien xi bniedem ta’ skola wkoll.  L-istess prużunzjoni tiegħu twasslu biex ilissen b’ċerta ‘saħna’.  U bla tant ħsieb – iżda dejjem b’sinċerita’ li tħoll – dak li kien iħoss f’qalbu tbaqbaq bl-imħabba għall-Mulej!  Ikollna ngħidu, li kien ghalhekk ukoll li Kristu baqa’ baqa’ biex qatt ma neħħieh minn kap ta’ l-appostli, avolja żgarra kemm-il darba….  ll-personalita’ komplessa ta’ bin Ġona tista titqies bħala għamla ta’ epitome – xbieha ħajja – tagħna l-bnedmin u tal-Knisja: istituzzjoni divina imma magħmula minn bnedmin fraġili, dgħajfa….
 
Kif nafu, xi persunaġġi – l-aktar fil-Vanġelu – baqgħu msemmija għal ċerti stqarrijiet li għamlu fir-rigward ta’ Kristu.  Insemmi tnejn minnhom: San Tumas (‘Didimu’ jew It-Tewmi) baqa’ magħruf għall-espressjoni tant sabiħa li lissen meta Ġesu’ talbu jara u jmiss b’idejh il-pjagi tal-kruċifissjoni, “Mulejja u Alla tiegħi!” (Ġw. 20;28)  Kliem iċ-Ċenturjun Ruman kienu u baqgħu l-isbaħ xhieda jew testimonjanza ta’ fidi tabilħaqq li tgħaġġeb – ġejja minn fomm raġel pagan, “Mulej, ma jixraqlix li Inti tidħol taħt saqfi: għid biss kelma waħda u l-qaddej tiegħi jfiq.”  (Luqa 7:6-8).  San Pietru qatt ma baqa’ lura fejn kien jidħol il-Mulej tiegħu – qal tiegħu wkoll u bosta drabi.  U dak li qal, qalu b’mod mill-aktar konvinċenti, tant li kemm-il darba, ħalli ngħidu hekk, anke Kristu baqa’ msaħhar bi kliemu.  (Niftiehmu wkoll, xi ħmerija ‘l hawn u ‘l hinn, San Pietru ġieli qal ukoll – u Kristu ma naqasx li jċanfru …  Imma min ma jiżbaljax xi kultant?)  Għall-mistoqsija ta’ Kristu, “Min jgħidu li jien in-nies?” ikun San Pietru biss li, fost sħabu kollha jwieġeb, “Inti Kristu, Bin Alla l-ħaj.” (Mt.16,v.16)  Hawn San Pietru kien laħaq dak li nistgħu ngħidu kien l-eqqel tal-fiduċja tiegħu fi Kristu!
 
Fiduċja jew fidi li ssokta juriha f’xena oħra – pjuttost waħda mill-aktar drammatika fil-Vanġelu – meta Kristu kien qiegħed jistqarr u jenfasizza li min jiekol Ġismu u jixrob Demmu jkollu l-ħajja ta’ dejjem.  In-nies miġmugħa tgħidx kemm xenglu rashom u għollew ħuġbejhom (min jaf kemm fosthom staqsew lilhom infushom kinux qegħdin jisimgħu sew u … “dan qed jitlef, jew?”) u bdew jitilqu lil hinn.  L-appostli li, lil Ġesu’ kienu tant iħobbuH, sogħobbihom jaraw dan iseħħ – għalkemm “l-ideja” forsi ma niżlitilhomx daqskemm ma niżlitx lill-kotra….  U bdew jinkwetaw.  Meta ġibdulu l-attenzjoni għal dan, Kristu ma laqlaqx…  Kważi kważi bil-herra kollha, qalilhom, “Tridux titilqu intom ukoll?” Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min tridna mmorru? Għandek kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna nemmnu li Int il-Qaddis t’Alla”. (Ġw.6; 67-69).  Kliem mimli fidi u mħabba tassew!
 
B’żewġ stqarrijiet bħal dawn (minbarra dik l-oħra meta, mistoqsi għat-tielet darba minn Ġesu’ jekk kienx tabilħaqq iħobbu) jidher ċar illi San Pietru aktar minn patta għal dawk it-tliet caħdiet ta’ waqt il-Passjoni, qalbu sewda, Pietru, wieġeb, “Mulej, Int kollox taf, Int taf li jien inħobbok.” (Ġw.21;v.17) U ngħid li Kristu kien jaf kemm kien iħobbu Pietru, u kif Kristu, tabilħaqq, ħabb – skuża u ħafer ħafna lil Pietru, għax dan kien ħabbu wisq.
 
L-istess bħalma kien iħobbu San Pawl Missierna, l-Appostlu kolonna oħra tal-Knisja ta’ Kristu.  Iżda waqt li dan ta’ l-aħħar – bniedem mill-aktar kolt ta’ żmienu – ħabb lil Kristu b’ruħu u qalbu kollha, imdawwal minn intelliġenza xejn komuni, San Pietru ħabb lill-lmgħallem Divin tiegħu b’qalb safja imfawra u tħeġġeġ b’emozzjoni umana tassew, iżda waħda eminentement qaddisa – ispirata minn fidi li tgħaġġeb!
 
ll-ktajjen li, lil San Pietru xekklu f’tant okkażjonijiet l-appostolat tiegħu, kienu bħal ‘ktajjen’ oħra, inviżibli għax spiritwali – iżda mdawla u qaddisa – li huwa (San Pietru) ried u aċċetta li d-destin tiegħu jkun għal dejjem marbut mal-Persuna Divina ta’ l-lmgħallem maħbub tiegħu.  Kif bdejt b’nota kemmxejn storika hekk ukoll nagħżel li ntemm kitbieti.  Bi sforzi kbar u b’sagrifiċċji u tbatija li jgħaġġbu, fir-Russja, il-Kżar Pietru l-Kbir waqqaf u bena belt mill-akbar u mill-isbaħ fuq ix-Xmara Neva, li huwa mar isemmi San Pietroburgu, f’ġieħ il-Qaddis li kien iġib ismu.  Hija t-tieni l-akbar belt Russa – belt il-kultura u I-arti ta’ dak il-pajjiż immens.  Bejn l-1914 u l-1924 hija bdiet tissejjaħ Petrograd (‘Belt Pietru’) imma, imbagħad, il-Gvern Bolxevista biddel isimha Leningrad – f’ġieħ l-eroj Marxista ewlieni ta’ dik l-epoka, Vladimir Lenin.  Mall-waqgħa tal-Kommuniżmu fir-Russja tad-disgħinijiet, San Pietru bħal donnu ġie rrivendikat: għax ‘beltu’ reġgħet ħadet l-isem oriġinali li kellha: San Pietroburgu jew St.Petersburg.  Fil-Kalifornja, l-lstati Uniti, insibu belt oħra – kbira mhux ħażin – imsemmija għalih: San Pedro.  Jaf jeżistu bliet oħra msemmija għal ‘Pietru l-Kbir tagħna’ – il-patrun glorjuż ta’ Birżebbuġa.
 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: