Skip to content

Kbir Imqaddes Pietru, tagħna Inti l-Patrun magħżul

 

‘Kbir Imqaddes Pietru, tagħna Inti l-Patrun magħżul’
Emanuel F. Attard
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990, Festa 1997.

 
 

Birżebbuġa għandha tqis lilha nnifisha b’iffortunata ħafna –  ħafna ffortunata wkoll! – li għandha lil San Pietru bħala Patrun tagħha, u tagħna.  Niftiehmu – la m’għandniex, ngħidu aħna, lil Kristu Re, lit-Trinita’ Mqaddes jew inkella lil Sidtna Marija bħala Patrun jew Patruna tagħna – kif għandhom xi parroċċi oħra f’pajjiżna – lil liema qaddis ieħor mill-ewlenin, jewwilla, stajna aħna nagħżlu bħala Patrun tagħna, aħjar u aqwa mill-Kbir San Pietru, il-Prinċep ta’ I-Appostli?!

 

Ma kienx forsi l-istess Kristu, il-Mulej Feddej tad-Dinja, li għażlu minn fost sħabu kollha bħala l-Kap indisputabbli tal-Knisja, li Huwa waqqaf sew sew elfejn sena ilu?  Aħna l-Birżebbuġin imxejna fuq il-passi Tiegħu: lilu – lil Pietru – għażilna bħala l-Qaddis Patrun u Xempju tagħna!  U kburin ħafna b’dan il-fatt!  Lil San Pietru – fl-istatwa artistika u biha li għandna – insibuh u nfakkruh l-aktar bħala “Tal-Ktajjen”…  Iżda, la tinsewx li f’idejh insibulu wkoll l-Imfietaħ…  Lil Pietru “tagħna” – u tal-Knisja Universali – Sidna Ġesu’ Kristu ta l-lmfietaħ tas-Setgħa u tas-Saltna tas-Smewwiet!  Ġieħ Uniku fil-ġrajja sħiħa ta’ l-umanita’ mifdija!

 

San Pietru, il-Patrun Glorjuż tagħna kien u huwa wkoll qaddis u persunaġġ uniku fl-istorja tat-twaqqif tal-Knisja Nisranija u xejn anqas fl-istorja tad-dinja!  Persunaġġ tabilħaqq mill-akbar, mill-aktar importanti u mill-iżjed magħrufin ukoll imsemmi f’kull enċiklopedija mad-dinja kollha kif iddur!

 

Meraviljuż, għaġeb tal-għeġubijiet – Divin! – kien il-miraklu mwettaq minn Kristu l-Messija, il-Feddej, f’dan is-Sajjied umli u fqajjar ta’ dari minn Betsajda.  Bi ftit taż-żmien – l-aktar wara l-inżul ta’ Ruħ il-Qodos fuqu u fuq sħabu, l-appostli l-oħra, dawn ilkoll imtlew bil-grazzji tabilħaqq straordinarji – u huma, u l-istess ħajjithom – inbidlu bħal mil-lejl għan-nhar!  B’mod u manjiera speċjali San Pietru – l-aktar jinteressana hawnhekk.  Xieraq allura li, f’dan l-istadju, niflu daqsxejn ħajjet il-Qaddis tagħna …

 

Minn bniedem pjuttost prużuntuż u impulsiv (għalkemm wieħed ta’ qalb kbira u ġeneruża), Kristu għamel minn Pietru bniedem dehni għaqli bil-kif!  Minn dixxiplu ftit jew wisq beżżiegħ u ġifa (għalkemm xi drabi, bil-fomm kien jistqarr il-kuntrarju!), il-Mulej bidlu f’mexxej qalbieni – bla xejn biża’, qatt u mkien – żelanti u fidilissimu għall-Imgħallem Maħbub u għall-kawża divina Tiegħu!  X’kien sar minnu dak il-kap tax-Xirka tan-Nazzarenu li, mhux wisq qabel, imwerwer minn qaddejja, lsienha twil, fittex mar jinħeba ‘l bogħod minn kull twegħir?!  Tabilħaqq li Pietru kien ċaħad għal tliet darbiet lill-lmgħallem tiegħu WAQT il-passjoni Tiegħu imma WARA l-Axxensjoni u l-Pentekoste – l-Knisja, allura għadha fil-bidu tagħha, hekk dgħajfa u vulnerabbli, u ppriedka bħal iljun qaddis bla xejn biża’ minn ħadd u kien fejn kien!

 

Narawh – skond ma ħallielna miktub San Luqa fl-‘Atti ta’ l-Appostli’ jippreżenta ruħu quddiem il-kbarat tas-Sinedriju tal-Lhud u jitkellem bl-akbar awtorita’!  Ma’ qagħadx ilaqlaq jew idur mal-lewża: qalilhom u xliehom bl-iżball kriminali enormi – wieħed divin u b’riperkussjonijiet divini wkoll – li huma kkommettew meta sallbu lil Kristu, il-Messija mwiegħed mill-profeti tagħhom stess.  Fl-istess nifs – skużahom: ma kinux jafu x’kienu qegħdln jagħmlu …  L-istess bħalma Kristu nnifsu kien skużahom qablu mal-Missier Etern fuq is-Salib.  Tennielhom it-tixbiha profetika: il-ġebla li warrbu l-bennejja – proprja dik saret il-ġebla tax-xewka (tas-sies) Pietru, l-Kap ta’ l-Appostli – b’għajnejn itajru x-xrar imma bi kliem meqjus u ispirat – baqa’, madankollu, (importanti ħafna din!) bniedem umli … Imżejjen b’qalb tad-deheb – kien għaraf tajjeb lilu nnifsu: x’kien QABEL u x’sar WARA, bl-opra t’Alla!

 

Kristu u l-lspirtu s-Santu, madankollu, wettqu bidla oħra notevoli f’San Pietru, barra dik ta’ predikatur elokwenti – oratur għaref u qalbieni, demmu jbaqbaq bil-ħeġġa ta’ mħabbtu għall-Sidu.  Is-Sajjied tar-raħal ta’ dari – ta’… mur ara xi skola kien jaf, jekk kien jaf, wara kollox! – inbidel u ttrasforma ruħu wkoll f’kittieb: u kittieb qaddis ta’ stoffa …  Jekk kien u huwa fatt tal-għaġeb kif xirka, Knisja ppersegwitata u mmartiriżżata seħħilha maż-żmien, bil-għajnuna t’Alla, tikber fil-għadd u tixtered mad-dinja – u, saħansitra, ixxejjen u tirbaħ lill-istess Ruma Imperjali, il-ħakkiema tad-dinja – kien Pietru, il-Kap tagħha, megħjun sew mill-appostli sħabu, (l-aktar minn San Pawl) li ħabirku u taw bidu għal dan il-miraklu.  Huma bnew is-sisien sodi li fuqhom għadha mwaqqfa – b’dik il-qawwa divina – l-akbar u l-aqwa Knisja taż-żminijiet kollha!  San Pietru, l-ewwel Kap tagħha magħżul minn Kristu stess, bħal nistħajjlu kien tassew il-Ġebla Umana (il-“pietra”) tax-xewka – kopja umli imma fidila, tal-vera u unika Ġebla tax-Xewka Divina, li Huwa Kristu – li fuqha nbniet din il-Knisja, il-Kattolika.

 

Hija Knisja li, kif jistqarr il-kittieb magħruf Ingliz, Lord Macaulay, il-kontra tal-imperi kbar u istituzzjonijiet oħra, ma xxaqqitx, ma ġġarrfitx – iżda baqgħet tissaħħaħ u tixtered ma’ l-erbat irjieħ tad-dinja.  U dan minkejja l-izbalji, deċiżjonijiet żbaljati u d-dgħufija umana ta’ wħud mill-esponenti ewlenin tagħha matul iż-żminijiet …  Kristu, ta’ Alla li Hu, kien jaf x’sejjer jiġri: wegħedhom minn qabel li – qawwiet tad-dlamijiet ma jseħħilhom jegħlbu qatt dik il-Knisja li bena fuq Xmun Bin Ġona, is-Sajjied mibdul fil-Pietru li nafu u nħobbu …  Kristu żammha l-wegħda Tiegħu.  Kif nistgħu nixhdu aħna lkoll illum, żewġ millennji wara.

 

San Pietru temm ħajtu martri ġewwa Ruma ta’ Neruni – imsallab bħal Kristu Sidu – imma rasu ‘l isfel, fuq talba tieghu stess.  Ma ħassx li kien jixraqlu jissallab b’wiċċu merfugħ ‘il fuq lejn is-sema bħall-lben t’Alla. Baqa’ l-Pietru umli ta’ dejjem.  Kien għalhekk li Kristu għollieh fuq l-oħrajn u fuqu bena l-Knisja meraviljuża Tiegħu.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: