Skip to content

Il-Ħajja ta’ San Pietru Appostlu

 

‘Il-Ħajja ta’ San Pietru Appostlu’
Joseph Caruana
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990, Festa 2002

 

stampa

 
Introduzzjoni
 
Tant insibu tagħrif dwar Pietru fil-Ġdid Testment li impossinbli nidħlu fid-dettal.  Iktar għandna tagħrif dwaru milli dwar xi appostlu ieħor.  Pietru mwieled f’Betsajda tal-Galilija, kien sajjied.  Probabilment fix-xogħol tas-sajd kien sħab ma’ ħuh Indri u l-aħwa Ġakbu u Ġwanni ulied Żebedew.  Hu kien ukoll miżżewweġ (Mk 1:30).  Pietru kien dixxiplu ta’ Ġwanni l-Battista meta ħuh Indri laqqgħu mal-ħaruf ta’ Alla.  Meta Ġesu ra lil Pietru qallu: “Inti Xmun bin Ġwanni.  Inti tissejjaħ Kefa. (Ġw 1:42).
 
L-Isem
 

Il-bniedem li ġeneralment fil-Ġdid Testment hu l-mexxej tat-tnax-il dixxiplu jismu Pietru.  Dan l-isem ġie mogħti lilu minn Ġesu (Lq 6:14).  Pietru hu ‘petros’ bil-Grieg u blata hi ‘petra’.  Fil-Grieg klassiku, id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kelmiet hi ‘Petra’ tfisser blata filwaqt li petros tfisser biċċa minn blata jew ġebla.   L-ewwel isem tiegħu kien Xmun, isem komuni mal-Griegi u l-Lhud.  Ġieli dawn l-ismijiet jintużaw flimkien.  Kelma oħra li tfisser l-istess hi Kefa li wkoll tfisser blata (Ġw 1:42).

Żgur li hemm xi tifsira moħbija fl-isem li tah Ġesu pero’ ħadd ħlief Ġesu stess ma fehemha.

 
Il-Karattru.
 
Studju li sar dwar il-ħajja u l-karattru ta’ Pietru żvela ftit mġieba veru nobbli.  Wieħed mill-kummentaturi jgħid hekk dwaru: imfawwar bl-ispiritwalità, kollu ħeġġa ta’ temperament għoli …  Hu kien devot u leali lejn Ġesu.  L-entużjażmu u l-kuraġġ tiegħu ta’ min jikkupjahom.  Pero’ hu wera l-biża’ wkoll.  Minħabba f’hekk fil-Ġdid Testment insibu li bosta drabi ġie mċanfar.  Iżda Ġesu dar u qal lil Pietru “Itlaq minn quddiemi, ja xitan!  Int tfixkil għalija għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qed taħsibha ta’ bniedem li int”. (Mt 16:23). Meta Pietru kien qed jimxi fuq l-ilma u dawwar ħarstu minn fuq Ġesu, Ġesu qallu “Bniedem ta’ fidi żgħira għaliex iddubitajt”. (Mt 14:31).  Hu jgħallimna li l-entużjażmu u d-devozzjoni għandhom jiġu kkontrollati b’perspettiva qaddisa u bilanċjata.  Jista’ jkun li Pietru kien kunfidenti żżejjed fl-entużjażmu, u xi drabi wasslitu għall-arroganza.  Madankollu dejjem kien leali u ubbidjenti lejn Krisu u t-taghlim tiegħu.
 
Ministeru.
 

Pietru rritorna lejn daru f’Kafarnaw.  Madwar sitta jew disa’ xhur wara waqt li kienu qed ikalaw ix-xbiek fil-baħar tal-Galilija, Ġesu sejħilhom (Mt4:18).  Mgħaġġba bil-qabda kbira ta’ ħut li għamlu wara lejl ta’ disfatta kbira, Pietru niżel f’riġlejn Ġesu u stqarr kemm ma kienu jiswew xejn ħdejh u Ġesu sejħilhom biex isiru sajjieda tal-bnedmin.

Pietru kien il-mexxej tad-dixxipli.  Ismu dejjem ġie mniżżel l-ewwel fl-erba’ listi tad-dixxipli.  Hu kien ukoll wieħed mill-aktar tlieta jew erba’ intimi ta’ Ġesu.  Ġeneralment kien ukoll il-kelliem tad-dixxipli.

Hu kien l-ewwel Appostlu li flimkien ma’ ħuh Indri mexa wara Ġesu.  L-ewwel wieħed li sar sajjied tal-bnedmin.  Pietru dejjem kien l-ewwel wieħed biex iwieġeb lill-Mulej.  Meta Ġesu staqsa n-nies min jgħidu li hu, Pietru wieġeb ‘Inti Kristu l-Iben ta’ Alla l-ħaj’ (Mt 16:16).  Meta Ġesu staqsa jekk id-dixxipli kinux ser jabbandunawh, Pietru wieġeb “Mulej għand min tridna mmorru.  Inti ghandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Aħna nemmnu u ċerti li int Kristu l-iben ta’ Alla l-ħaj” u xorta kien l-ewwel wieħed li ċaħdu tliet darbiet.

Pietru kien l-ewwel wieħed li ddefendih bis-sejf (Ġw 18:10-11).  L-ewwel wieħed li daħal fil-qabar ta’ Ġesu vojt.  L-ewwel wieħed fost id-dixxipli wara l-qawmien li ra lil Ġesu wara li qam mill-mewt. (Lq 24:34)

Imbagħad għandna wkoll il-kliem sabiħ ta’ Ġesu lil Pietru meta ħatru bħala l-mexxej tal-Knisja tiegħu.  “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Gw 21:17).  Hawnhekk Ġesu ħabbar id-destin ta’ Pietru.

Għalhekk m’għandna għalfejn inkunu sorpriżi xejn meta fl-ewwel tnax-il kapitlu ta’ l-Atti nsibu li Pietru kien il-kelliem tal-knisja f’Ġerusalemm.  L-ewwel li tkellem f’Penetekoste u priedka.  L-ewwel miraklu li sar mill-Appostli għamlu wkoll Pietru meta fejjaq lit-tallab magħtub.

Imbagħad Pietru kien jippriedka lis-Sanedrin u f’żewġ okkażjonijiet ġie meħlus mill-ħabs permezz ta’ l-anġlu tal-Mulej.  Hu kien ukoll l-ewwel li kellem lill-Ġnus.  Fil-Galatin Kap2, vers 7 naqraw li Pietru ġie maħtur ix-xandar ta’ l-evanġelju lil-Lhud bħalma kien Pawlu fost il-Ġnus.

L-imġieba ta’ Pietru malajr inbidlet għal waħda bla biżà u kuraġġ kbir igglorifikata bl-imħabba li kellu għal Kristu u bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu biex verament sar il-blata li fuqu nbniet il-Knisja tiegħu.  Pietru kien iqis lilu nnifsu bħall-oħrajn.  Pietru ma kienx l-Isqof jew il-Papa tagħhom.  Ma nsibu mkien fil-Ġdid Testment li Pietru poġġa lilu nnifsu bħala Papa jew kien meqjus hekk mill-oħrajn.  Hu kien il-kelliem li qatt ma fittex li jkun superjuri għad-dixxipli l-oħra.

L-unika problema dwar dan hi li tista’ tiġi nterpretata li l-Knisja hi mibnija fuq bniedem imperfett.  Pero` dan hu eżatt x’qal Ġesu: “Fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”, u Ġesu qal ukoll: “Ersqu mela lejh, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża.  U intom ukoll bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali saċerdozju qaddis biex toffru sagrifiċċju spiritwali, li jogħġbu ‘1 Alla permezz ta’ Ġesu Kristu.  Għax hekk hemm miktub fl-iskrittura,’Jien inqiegħed f’Sijon ġebla tax-xewka, magħżula u għażiża u min jemmen fiha ma jkollux għax jitħawwad’.  Għalikom, mela, li temmnu, dan huwa ġieħ.  Għal dawk li ma jemmnux din l-istess ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka u ġebla tat-tiġrif u tfixkil; tfixklu għax ma qagħdux għall-kelma ta’ Alla; għal dan kienu ddestinati. (1 Pt 2:4-8).  Kienet l-istqarrija ta’ Pietru li tat is-saħħa l-fidi tiegħu lejn Kristu, li qawwiet il-Knisja: ‘Mibnija lkoll fuq is-sisien ta’ l-Appostli u tal-profeti fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka’ (Ef 2:20)

 
Ruma
 

Żgur li hu fatt li ma tistax titratta lil Pietru mingħajr ma ssemmi lil Ruma.  Il-Knisja Kattolika Rumana tgħid li Pietru żar Ruma u sar il-Papa tal-Knisja.  Madankollu fit-Testment il-Ġdid ma nsibu mkien li Pietru mar-Ruma.  Mark, li kien ma’ Pietru meta kiteb l-ewwel Ittra tiegħu (1 Pt 5:13) hu magħruf li kien ma’ Pawlu meta mar Ruma (Kol 4:10).

Pero’ li Pietru mar Ruma hi dokumentata sew mill-ewwel insara.  L-ewwel referenza li nsibu tinsab f’ittra miktuba minn Klement Isqof ta’ Ruma (AD 88-97) lill-Korintin.  Tertuljanu (A.D. 200) jsemmi l-mewt ta’ Pietru u Pawlu f’Ruma taħt il-prosekuzzjoni ta’ Neruni.  Ewsebju wkoll isemmi l-mewt ta’ Pietru f’Ruma.  Possibilment Pietru mar Ruma f’nofs il-ħamsinijiet.

L-akklamazzjoni tal-Knisja Kattolika Rumana li Pietru waqqaf il-Knisja f’Ruma u li għal ħamsa u għoxrin sena kien isqof tagħha hi bla support fl-eqdem stqarrijiet.  Il-qima kbira lejn Pietru fl-ewwel żminijiet tal-Knisja hi evidenti fil-ħafna kitbiet attribwiti lejh.

 
Il-Mewt
 

Apparentament il-mewt ta’ Pietru hi vittma tar-rabja vjolenti ta’ Neruni lejn l-insara fis-sena 64.  Fi Ġwanni kapitlu 21, versi 18 u 19 naqraw it-tħabbira tal-mewt ta’ Pietru.  L-‘Atti ta’ Pietru’ u Ewsebju jirraportaw li Pietru nsista li jiġi msallab rasu ‘l isfel.

Il-post fejn jinsab il-qabar ta’ San Pietru u l-identifikazzjoni ta’ l-għadam tiegħu saret fis-seklu 20.  Fis-26 ta’ Ġunju 1968, Papa Pawlu VI ħabbar li l-għadam ta’ Pietru pożittivament ġew identifikati minn Margherita Guarducci.  Hu qal li sabet l-għadam li oriġinarjament kienu miżmuma f’kaxxa ta’ l-irħam, u nstabu f’ħajt ta’ taħt il-Knisja ta’ San Pietru fil-Vatikan.  Pero` sakemm inbniet il-Knisja ta’ San Pietru peress li post kien ċimiterju ta’ l-insara kien veru diffiċli jekk mhux impossibli li tidentifika l-għadam.

Veru iebsa li tikkontesta li Pietru għex l-aħħar żminijiet ta’ ħajtu Ruma, li miet mewta martri u li ndifen viċin il-Vatikan.  Pero` dettalji aktar minn dawn impossibli li nagħti bl-informazzjoni li għandna fil-preżent.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: