Skip to content

Il-festa tal-Madonna tar-Rużarju fl-Ewwel Ħadd t’Ottubru f’Birżebbuġa

L-Ewwel Ħadd t’Ottubru ::::: Festa tal-Madonna tar-Rużarju

Nhar it-8 ta’ Mejju kull sena ::::: Festa tal-Madonna ta’ Pompei

>  Festa ċċelebrata minn waħda mill-Fratellanzi li għandna f’Birżebbuġa.

 

L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Birżebbuġa, maħduma minn F.Stuflesser f’Bolzano u nġiebet fl-1962.

 

Il-festa tar-Rużarju f’Birżebbuġa.

 

Il-Ħadd 3 ta’ Ottubru 2010 Festa tal-Madonna tar-Rużarju, Birżebbuġa.
6:00pm Quddiesa kantata.  Ċelebrant mistieden.
7:00pm Purċissjoni devota bl-Istatwa tar-Rużarju.

 

Matul ix-xahar t’Ottubru jkun hemm Rużarju Meditat f’dawn il-ħinijiet 5.40, 8.10am u 6pm, skont kif inhuma ppubblikati fuq il-kalendarju Parrokkjali 2010.

 

Sa mill-ewwel snin tat-twaqqif tal-Fratellanza, il-festa li kienet issir kienet festa żgħira.  Pero’ meta waslet il-vara li naraw illum (1962), u allura meta reġghet twaqqfet il-Fratellanza (1961), din il-festa ħadet xejra oħra. Kull l-ewwel Ħadd ta’ Ottubru, fil-knisja ta’ Birżebbuġa tiġi ċċelebrata l-festa sekondarja tal-Madonna tar-Rużarju. Din il-festa tiġi organizzata mill-Fratellanza tar-Rużarju.  F’din il-festa jinġieb qassis barrani, issir quddiesa kantata filgħaxija u wara ssir purċissjoni “Aux Flambeaux” bl-istatwa devota tal-Madonna tar-Rużarju, akkumpanjata mill-Fratellanzi u minn għadd ta’ devoti li ta’ kull sena jimxu warajha.  Imbagħad il-vara tagħmel ix-xahar ta’ Ottubru kollu (ix-xahar tar-Rużarju), armata fin-navi tal-knisja.

Tajjeb li ngħidu li fit-8 ta’ Mejju, issir il-festa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompei, li tiġi organizzata wkoll mill-Fratellanza.  Fil-11.30 ta’ filghodu issir quddiesa u f’nofsinhar tingħad is-Supplika tal-Madonna.  Ta’ min jgħid li lejn l-aħħar tas-snin tmenin, kien hemm xi nies li riedu jwaqqfu l-festa tat-8 ta’ Mejju bil-ħsieb li jxejnu d-devozzjoni lejn ir-Rużajru f’raħalna.  Dan il-ħsieb li kellhom spiċċa fix-xejn, meta għall-quddiesa tat-8 ta’ Mejju ta’ dik is-sena, n-nies attendew iktar bi ħġarhom.

 

 

Il-Misteri Tal-Ferħ

   
Schubert’s Ave Maria by Bocelli L-1 Misteru Tal-Ferħ

.

.

   
It-2 Misteru Tal-Ferħ It-3 Misteru Tal-Ferħ

.

.

   
Ir-4 Misteru Tal-Ferħ Il-5 Misteru Tal-Ferħ

.

.

   

 

 

Il-Misteri Tat-Tbatija

   
Pergolesi’s Stabat Mater L-1 Misteru Tat-Tbatija

.

.

   
It-2 Misteru Tat-Tbatija It-3 Misteru Tat-Tbatija

.

.

   
Ir-4 Misteru Tat-Tbatija Il-5 Misteru Tat-Tbatija

.

.

   

 

 

Il-Misteri Tal-Glorja

   
Il-Misteri Tal-Glorja L-1 Misteru Tal-Glorja

.

.

   
It-2 Misteru Tal-Glorja It-3 Misteru Tal-Glorja

.

.

   
Ir-4 Misteru Tal-Glorja Il-5 Misteru Tal-Glorja

.

.

   

 

 

 Il-Misteri Tad-Dawl

   
Caccini’s Ave Maria by C.Church L-1 Misteru Tad-Dawl

.

.

   
It-2 Misteru Tad-Dawl It-3 Misteru Tad-Dawl

.

.

   
Ir-4 Misteru Tad-Dawl Il-5 Misteru Tad-Dawl

.

.

   

 

 

Is-Salve Regina u t-Talb tal-Għeluq

Is-Salve Regina u Talb tal-Għeluq

.

 

 

 

Minn fejn beda l-kult lejn ir-Rużarju u x’nafu dwar din il-festa?

 

caption

 

Il-festa tar-Rużarju, hija waħda twila u tmur lura ħafna snin ilu.  Tajjeb li ngħidu li l-qaddis San Duminku ta’ Gużman, huwa l-qaddis li waqqaf it-talba u d-devozzjoni tar-Rużarju fost l-insara Kattoliċi tad-Dinja.  Għal dan il-qaddis tiġi ċelebrata festa fil-Belt Valletta u fil-Birgu.  F’Marsaxlokk narawh ukoll fl-istatwa titulari, u kif ukoll f’niċċa li hemm fix-xatt fl-istess raħal.  San Duminku huwa sewwasew rappreżentat f’ħafna inkwadri ddedikati lill-Madonna tar-Rużarju.  Jingħad li darba San Duminku talab lill-Madonna minħabba setta fi Franza li kienet qed ixerred ereżijiet kbar (Albigensian heresy) fil-pajjiż kollu.  Din dehritlu u qaltlu li biex ipatti lura għal dak li kien qed jiġri kien hemm bżonn li jgħid u jgħallem lin-nies jitolbu t-talba tar-Rużarju.  San Duminku mhux talli għallem imma talli ppubblika din it-talba (promulgari augerique coepit).

Jingħad li bl-interċessjoni tat-talba tar-rużarju ntrebħu diversi gwerer kontra ċiviltajiet li riedu jeqirdu jew jagħmlu ħsara lir-reliġjon Kattolika.  L-aktar waħda famuża hija dik magħrufa bħala l-Battalja ta’ Lepanto. F’din il-gwerra kien hemm ukoll involuta Malta, meta l-kavallieri ta’ San Ġwann aggregaw ruħhom ma’ Imperi Ewropej oħra biex jiġġieldu lit-Torok Misilmin. Din il-Battalja seħħet fis-sena 1571, fl-ewwel Ħadd t’Ottubru.  Dakinhar il-Papa ta’ dak iż-żmien kien jaf kemm kienet importanti dik il-Battalja.  Il-Konfraternita’ tar-Rużarju ta’ Ruma bi tpattija u biex tiġi mitluba l-għajnuna tal-Madonna, għamlet purċissjoni bir-reċita tar-Rużarju.  Mal-wasla tal-aħbar li l-Kristjani kienu rebħu u l-Missilmin megħluba, il-Papa Piu V ordna li ta’ kull sena din ir-rebħa tiġi kkommemoratha fl-Ewwel Ħadd t’Ottubru b’interċessjoni tal-Verġni Mbierka tar-Rużarju.  Fuq talba tal-Ordni Dumnikan il-Papa Gregorju XIII, fl-1573 ordna biex din il-kommemorazzjoni tiġi ċelebrata bħala festa f’kull knisja li għandha artal iddedikat lill-Madonna tar-Rużarju.  Għal xi żmien din il-festa kienet l-aktar ċelebrata fi Spanja u bis-saħħa tal-Papa Klement X fl-1671, din il-festa kompliet tikber fl-istess pajjiż.  Fiż-żmien it-tmexxija ta’ Klement XI, il-Prinċep Ewġenju għamel rebħa kbira fuq it-Torok nhar is-6 t’Awwissu tal-1716, f’Peterwardein fl-Ungerija u bħala ringrazzjament il-Papa Klement XI għamel il-festa tar-Rużarju bħala festa universali tal-Knisja Kattolika kollha.  Il-Papa Benedettu XIII kien għamel xi żidiet fl-uffiċju divin ta’ din l-istess festa.

 

 

 

It-tixrid tad-Devozzjoni tar-Rużarju f’Malta.

 

caption

 

It-tixrid tad-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarja f’Malta beda mill-Ordni Duminkan.  Dawn kellhom 3 monasteri dak iż-żmien: fir-Rabat, fil-Birgu u l-Belt Valletta, b’din tal-aħħar ukoll ukoll bħala parroċċa.  Din id-devozzjoni inxterdet fil-knejjes Dumnikani kollha ta’ Malta billi twaqqfu l-Fratellanzi u l-artali għall-istess Madonna tar-Rużarju.  Barra minn Malta l-aktar Konfraternita’ famuża tar-Rużarju li kien hawn kienet dik ta’ Cologne li twaqqfet f-1475.  L-approvazzjoni uffiċjali ta’ dawn il-Fratellanzi ddedikati lill-Madonna tar-Rużarju tmur lura sas-sena 1520 meta l-Papa Ljun X ta l-approvazzjoni tiegħu għal din devozzjoni u għal dawn il-fratellanzi.  L-eqdem Fratellanza tar-Rużarju li għandna f’Malta, apparti dik tal-Portu Salvu tal-Belt Valletta hija dik tas-Siġġiewi.  Din ġiet mogħtija b’awtorizzazzjoni tal-provinċjal Dumnikan ta’ dak iż-żmien Dun Sisto Fabri b’ittra datata l-1 ta’ Lulju 1585.  Talba simili fl-istess perjodu ta’ żmien saret mill-parroċċa ta’ Birmiftuħ billi avviċinat l-amministratur tad-djoċesi ta’ dak iż-żmien Mons. Libertano.  Din it-talba ġiet approvata mill-Provinċjal Duminkan Sisto Fabri fit-23 ta’ Frar 1588.  Fl-istess ġurnata ingħata wkoll permess biex tiġi mwaqqdfa fratellanza tar-Rużarju f’Ħaż-Żebbuġ.  Ftit xhur wara, fil-25 ta’ Novembru tal-1588 iż-Żurrieq ingħatalu wkoll l-istess permess biex ikun jista’ jwaqqaf fratellanza tar-Rużarju.  Sat-tmiem ta’ dak is-seklu, jiġifieri tul it-12-il sena ta’ wara, kull parroċċa f’Malta kellha l-fratellanza tar-Rużarju.  Tista’ tghid li wara l-1575, kienet qisu daħlet drawwa li l-knisja jkollha l-Fratellanza tas-Sagrament u tar-Rużarju.  Il-fratellanzi tar-Rużarju kienu ħadu importanza kbira u kellhom popolarita kbira.  Dan kont tista’ tinduna bih bin-umru kbir ta’ fratelli li kienu jkunu miktuba ma’ din il-fratellanza.  Mhux hekk biss, imma fis-seklu sbatax meta l-janti tal-knejjes bdew isiru fuq forma ta’ salib latin, wieħed mill-kappelluni l-kbar beda jiġi dedikat lill-Madonna tar-Rużarju.  Dawn il-kappelluni tar-Rużarju bdew jiġu dekorate bi prospettivi mill-aktar sbieħ u tassew maestużi.  Fost dawn il-prospettivi l-aktar imsemmija hemm dak tal-knisja l-antika tas-Siġġiewi li jmur lura sas-sena 1630, kif ukoll fil-knisja l-antika ta’ Birkirkara li jmur lura sas-sena 1649.   Jingħad li l-istil barokk li ntuża fid-dekorazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artali kienu għadu ma daħalx fl-aqwa tiegħu anzi, dawn iż-żewġ artali kienu qishom l-ewwel sinjal qawwi ta’ dak l-istil li kien għadu se jibda jiġi mħaddem lejn nofs is-seklu 17.  Kienet użanza li f’dawk iż-żminijiet il-fratelli tal-Konfraternita tar-Rużarju jiltaqgħu għall-quddies fuq l-artal tar-Rużarju f’kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.  Wara kienet issir bħal purċissjoni qasira mal-knisja.  Imbagħad l-Ewwel Ħadd t’Ottubru, kienet issir il-festa tal-Madonna tar-Rużarju.  Ġieli l-istess fratelli tar-Rużarju kienu jikkommemoraw il-Madonna tal-warda fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju.  F’dawn iż-żewġ okkażjonijiet il-fratellanza tar-Rużarju kienet tagħmel purċissjoni fit-toroq tar-raħal.  Lejn l-aħħar tas-seklu 17, wara li l-Ordni Dumnikan kien diġa introduċa l-purċissjonijiet tiegħu fir-Rabat u l-Belt Valletta, f’ħafna bliet u rħula oħra Maltin bdew jagħmlu l-istess, drawwa li mbagħad bdeit dieħla anke fejn jidħlu l-festi Titulari tal-istess irħula.  Ftit taż-żmien wara wkoll ġiet introdotta wkoll ir-relikwija tal-Madonna fl-istess purċissjonijiet.  Il-purċissjoni bil-vara tal-Madonna tar-Rużarju x’aktarx hija l-iktar waħda qadima f’Malta.  Il-festa tar-Rużarju kienet ukoll karaterizzata minn ċelebrazzjonijiet reliġjużi partikolari bħalma hija l-‘kwindiċina’ li nafu li din ġiet introdotta qisu lejn nofs is-seklu 17.  Nafu fiċ-ċert pereżempju li fis-Siġġiewi, fil-knisja l-antika, jiġifieri qabel l-1680 (is-sena li fiha nbniet il-knisja l-ġdida) kienet diġa bdiet issir il-kwindiċina tar-Rużarju.  Hija ċerta wkoll li x’imkien lejn is-sena 1680, f’Ħaż-Żabbar kienet qed issir il-kwindiċina tal-festa tar-Rużarju.  Il-kwindiċina tal-festa tar-Rużarju kienet tibda minn ħmistax-il ġurnata qabel il-festa tar-Rużarju u li fiha kien isir quddies kuljum flimkien mar-reċita tar-Rużarju.  Nafu wkoll li xi żmien wara kienet saret xi elaborazzjoni fuq din id-drawwa tal-Kwindiċina.  Kienu qed isiru talbiet biex l-istess attivitajiet reliġjużi jsiru 15-il Sibt qabel il-festa tar-Rużarju minflok 15-il ġurnata qabel.  Fis-seklu 18 id-devozzjoni lejn ir-Rużarju kienet infirxet sew u daħlet fil-fond fil-qalba tat-tradizzjonijiet reliġjużi Maltin.  Importanti nsemmu iżda li fis-sena 1640, l-Isqof Balaguer kien iprojbixxa r-reċita tar-rużarju fil-pubbliku fl-istess żmien meta d-Duminkani kienu qegħdin ixerrdu din id-devozzjoni fil-knejjes u l-parroċċi tagħhom.  Din l-ordni pero’ maż-żmien ġiet skartata u mitigata b’diversi talbiet u legati imħollija minn diversi benefatturi li ntlaqgħu mill-Isqfijiet li ġew wara.  Insibu pereżempju li fiż-Żejtun f’xi żmien qabel il-1729, ċerta Mariuzza Caruana għamlet legat biex issir reċita tar-rużarju fil-quddiesa li bl-Ingliż isejħulha ‘Aurora’ Mass.  Ma stajt insib l-ebda definizzjoni għal-liema quddiesa tista’ tirreferi din.  Forsi għall-quddiesa ta’ kuljum filgħodu?  Madankollu ma saritx oġġezzjoni min-naħa tal-knisja u din it-talba ntlaqgħet.  Ta’ min jgħid li xi sena qabel fl-1728 f’Ħal-Għaxaq kienet saret ukoll xi talba simili.  Lejn in-nofs tas-seklu 18 din it-tradizzjoni bdiet dieħla f’diversi parroċċi.  Li nafu fiċ-ċert hija li fl-1768 saret talba uffiċjali lill-Isqof min-nies ta’ Birkirkara biex ir-rużarju jiġi reċitat kuljum waqt din l-istess quddiesa (‘aurora mass’).  L-artali tar-Rużarju wkoll għandhom marbuta magħhom użanza antika li l-ewwel dokumentazzjoni dwarha nsibuha fil-parroċċa taż-Żejtun.  Din hija n-Novena tal-Milied.  Fid-disat ijiem ta’ qabel il-Milied fuq l-artal tar-Rużarju kienet issir quddiesa kuljum filgħodu u mbagħad filgħaxija kienu jsiru prattiċi reliġjużi oħra.  Biex jassiguraw li din id-drawwa tibqa’ fis-seħħ ċertu Ventura Busuttil miż-Żejtun għamlet legat biex din l-attivita’ titkompla.  Din l-għotja ġiet issiġillata bi skrittura iffirmata fil-11 ta’ Jannar 1622 quddiem in-nutar Pietro Vella.  Sat-tieni nofs tas-seklu 17 din in-novena kienet daħlet fil-parroċċi kollha ta’ Malta ta’ dak iż-żmien kif ukoll fil-knejjes li kienu mmexxijin minn xi Ordni reliġjuż.

 

 

 

 

Birżebbuġa, u d-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju.

 

caption

 

Nafu li l-ewwel 2 Fratellanzi ddedikati għall-Madonna tar-Rużarju f’Malta, apparti dik tar-Rabat fejn id-Dumnikani kellhom Monasteru tagħhom, kienet dik tas-Siġġiewi u mbagħad fl-1588 twaqqfet dik ta’ Birmiftuħ.  Ftit żmien wara twaqqfet il-fratellanza tar-rużarju fiż-Żurrieq imbagħad anke fiż-Żejtun.  Fis-snin ta’ wara bdew jitwaqqfu l-parroċċi l-oħra: Ħal-Safi, Ħal-Għaxaq u dawn ukoll waqqfu l-fratellanza tar-Rużarju fil-parroċċa tagħhom.  Fis-sena 1897 twaqqfet il-parroċċa ta’ Marsaxlokk u din ġiet iddedikata lill-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompei.  Dak iż-żmien Birżebbuġa kien għadu kollu għelieqi għalkemm kien diġa post rinomat għall-villeġġjatura.  F’Birżebbuġa bdew neżlin nies mill-Kottonera fejn id-devozzjoni lejn il-Madonna kienet qawwija.  Mhux ta’ b’xejn li l-ewwel parroċċa ta’ Birżebbuġa ġiet iddedikata lill-Madonna tad-Duluri.  L-imħabba lejn il-Madonna tar-Rużarju hija viżibbli wkoll mill-ammont numeruż ta’ niċeċ li hawn iddedikati lill-Madonna tar-Rużarju.  awn insibuhom waħda fi Triq Birżebbuġa li ġġib is-sena 1880, oħra fi Triq Profs Anton Tabone (dari Triq il-Ġdida) u l-oħra fejn il-venda tal-karozzi tal-linja. Sfortunatament rigward l-aħħar żewġ niċeċ ma nafux is-sena meta saru.  Kien fid-9 ta’ Settembru tal-1913 meta Birżebbuġa ġiet iddikjarata parroċċa.  Hekk kif ġiet iddikkjarata parroċċa l-kappillan Bugelli kiteb lill-isqof biex jgħarrfu li kien hemm xewqa li titwaqqaf fratellanza tar-Rużarju.  Insibu li fid-29 t’Ottubru l-Isqof kien ta l-permess tiegħu biex titwaqqaf din il-fratellanza u liema talba sabet l-approvazzjoni tal-Provinċjal tal-Patrijiet Dumnikani Hyacinthus M. Cormier O.P.  Pero’ l-isqof ried li qabel ma titwaqqaf il-Fratellanza tar-Rużarju kien jeħtieġ u kien aktar dekoruż li titwaqqaf il-Fratellanza tas-Sagrament l-ewwel.  Għalhekk fl-4 ta’ Novembru ta’ l-1913 il-Kappillan Bugelli kiteb rikors il-Kurja biex tiġi mwaqqfa l-Fratellanza tas-Sagrament. Din il-Fratellanza ġiet imwaqqfa fit-28 ta’ Novembru ta’ 1913. Għalhekk issa ma kien hemm xejn iktar xi jtellef biex tiġi mwaqqfa l-Fratellanza tar-Rużarju f’Birżebbuġa. Kien propju fl-4 ta’ Jannar ta’ 1914 meta dakinhar inħareġ id-digriet li permezz tiegħu ġiet imwaqqfa l-Fratellanza tar-Rużarju f’Birżebbuġa.  Meta Birżebbuġa nbidlilha t-Titular, id-devozzjoni jew aħjar is-sehem ta’ ċertu parruċċani fil-Fratellanza tar-Rużarju, jew bi protesta jew għax kellu jkun hekk naqas ħafna tant li sfortunatament din il-Fratellanza ma baqgħetx tiffunzjona.  Fis-sena 1961 l-affarijiet reġgħu bdew jirrankaw.  Fis-sena 1962 bis-saħħa tal-kappillan ħabrieki Mons. Ġużeppi Minuti, saret il-vara tar-Rużarju.  Għalkemm m’hemm xejn dokumentat fuq din il-vara, huwa ċert li din saret f’Ortisei Bolzano mill-istess skultur li għamel lil San Pietru u San Ġużepp tal-Parroċċa tagħna.  L-artal tal-Fratellanza sar fl-1938 u huwa tal-irħam.  Dan tħallas mill-familja Said. Dan jinsab fil-kappellun tan-naħa tax-xellug. L-inkwadru jirrapreżenta lill-Madonna ta’ Pompei u tpitter minn E. Coccoli minn Brescia fl-Italja.  l-istil tal-pittura tixraq ferm mal-arkitettura tal-knisja.  L-ostensorju li fih tinżamm ir-Relikwa tal-Madonna hu tal-fidda. Dan kien inġieb flimkien ma’ xi affarijiet oħra mill-kappella ta’ San Ġużepp li tinsab f’San Ġorġ.  Il-ventartal li jintrama fil-festa sar minn Ġużeppi Farrugia u r-rakkmu tiegħu ġie mehud minn bandalora antika tal-“Figlie di Maria”, u żżanżan fil-festa ta’ l-1988.  It-terħa ta’ l-artal ġiet meħjuta minn Alfred Roberts u r-rakkmu tad-deheb sar minn Rosaria Portelli fuq disinn tal-kanonku Dun Ġużepp Portelli miż-Żurrieq.  Din iżżanżnet fl-1989 u swiet 500 lira u tħallset minn Ċikku Schembri (ex-sagristan). L-istandard il-prim hu ta’ kulur abjad safrani. Dan sar fl-1962 u ġabar għalih Salvu Polidano (Ta’ Gaxxuli) minn Bengħajsa. Id-domna tar-Rettur hi tal-fidda. Din kienet swiet 100 lira u kienet tħallset ukoll minn Ċikku Schembri.  Imbagħad insibu s-salib tal-Fratellanza li x-xogħol fl-injam sar b’xejn minn Ġużeppi Cordina u żżanżan fl-1989. Il-bank tal-furċini sar minn Joe Mamo u skultura ta’ Joe Caruana. Dan sar fl-1994 u tħallas mill-benefatturi tal-Fratellanza. Fl-1995 sar il-bank tal-Fratelli li sewa’ s-somma ta’ 500 lira. Dan ġie mħallas ukoll minn xi benefatturi tal-Fratellanza.  Fl-1974 Nikola Balzan (s-Sinċier) kien għamel mant b’wegħda lill-Madonna ta’ Lourdes. Fl-1989 kien sar ftehim bejn Nikola Balzan u l-Fratellanza, biex dan il-mant jingħata lill-Madonna tar-Rużarju, u l-Fratellanza tagħmel mant ġdid għall-Madonna ta’ Lourdes.  F’Ottubru ta’ 1990, il-mant ġie armat għall-ewwel darba fin-nava ma’ l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju.  Ta’ min jgħid li bħalissa qed tinħadem bradella ġdida fuq disinn tal-Perit Michael Schembri. Din qed tinħadem minn Ġużeppi Farrugia u skultura ta’ Rene Mizzi. Ix-xogħol hu fi stat avvanzat, imma għad iridu jsiru 12-il statwa għal ġo n-niċeċ tagħha. Din il-bradella qed tiġi mħallsa minn benefattur kbir tal-Fratellanza.

 

 

Links Relatati:

  • Ara l-Paġna ‘Parroċċa” f’dan l-istess sit għal aktar informazzjoni dwar il-Fratellanza tar-Rużarju f’Birżebbuġa.

  • /

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: