Skip to content

San Pietru Fil-Ktajjen

 

‘San Pietru Fil-Ktajjen’
Dun F.X. Schembri
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 1992.

 

stampa

 
Introduzzjoni
Riesaq ġmielu l-ewwel Ħadd ta’ Awissu, il-jum meta l-komunità tagħna tiċċelebra l-festa titulari tagħha, “San Pietru fil-Ktajjen”.  Xieraq ħafna għalhekk li nagħtu xi tagħrif fil-qosor fuq l-ewwel Bażilika b’dan it-titlu ġewwa Ruma, kif ukoll fuq kif il-festi titulari kienu jsiru fil-gżejjer Maltin matul iż-żmien.
 
F’Ruma

Sa mis-seklu III, il-Knisja kienet tiċċelebra l-festa ta’ l-Appostli Pietru u Pawlu flimkien, fid-29 ta’ Ġunju.  Fir-IV seklu, f’Ruma bdiet tiġi ċċelebrata wkoll il-festa tal-Kattedra ta’ San Pietru fit-22 ta’ Frar.

Aktar tard, fil-Kalendarju Liturġiku ta’ l-ewwel Knisja ta’ Ruma, insibu l-festa ta’ San Pietru ‘in vinculis’ (San Pietru fil-ktajjen) fl-1 ta’ Awissu.  Din hi l-festa tal-Parroċċa tagħna u għalhekk ħaġa xierqa li ngħidu xi ħaġa aktar fuq din il-festa marbuta mal-ġrajja ta’ Ruma.

L-ewwel ta’ Awissu hu jum id-Dedikazzjoni tal-Bażilika li kienet inbniet fis-seklu V f’Ruma (mhux bogħod mill-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore).  Għall-bidu, il-Bażilika kienet dedikata lill-Appostli Pietru u Pawlu.  Iżda peress li f’din il-knisja hemm meqjuma xi ktajjen li, skond it-tradizzjoni, kien marbut bihom San Pietru, biż-żmien bdiet tiġi ċċelebrata l-priġunerija ta’ l-Appostlu San Pietru, kemm f’Ġerusalemm kif ukoll f’Ruma.

Kien għalhekk li maż-żmien saret magħrufa bħala l-Knisja ta’ San Pietru fil-ktajjen.  Hemm leġġenda li meta aktar tard kienu ġabu l-ktajjen l-oħrajn li bihom kien marbut San Pietru fil-ħabs ta’ Ġerusalemm, fi żmien Erodi, u dawn tqiegħdu ħdejn il-ktajjen li bihom l-Appostlu kien marbut fil-ħabs ta’ Ruma, dawn saru katina waħda.  Proprju għalhekk bdiet tissejjaħ il-Bażilika ta’ San Pietru in Vinculis.

 
Fil-Gżejjer tagħna

Storiċi Maltin jgħidulna li sa s-seklu XVI il-festi titulari kienu jiġu ċċelebrati b’mod l-iktar sempliċi: Quddiesa kantata u f’xi parroċċi Għasar kantat u, wara l-funzjoni, ikla liċ-ċelebrant tal-festa filwaqt li kien jitqassam ikel lill-foqra jew lil dawk li kienu taw sehemhom fil-festa.  Kien fis-seklu XVIII li bdew il-proċessjonijiet.  Fil-bidu ma kenux joħorġu l-istatwa tat-titular.  Fis-sena 1777, il-Granmastru ta’ l-Ordni, De Rohan, ħareġ ordni biex il-festi ta’ ġewwa u ta’ barra jibdew isiru bl-akbar solennità u dan x’ aktarx biex il-Maltin ikollhom fuqiex jedhew u ma jfixklux lill-mexxejja ta’ l-Ordni.

Iżda l-aktar li żviluppaw il-festi kien fi żmien l-Ingliżi.  Allura bdiet tiġi wżata t-tapezzerija, bdew jieħdu parti l-baned, beda wkoll il-logħob tan-nar.  Malta u Għawdex faru bil-festi.  Tant żdiedu malajr u bil-kbir li tfaċċaw l-hekk imsejħa festi sekondarji tal-parroċċa.  Bdew il-piki bla sens u bla ġieħ u li f’diversi parroċċi sfortunatament qasmu l-komunità.

Għall-grazzja ta’ Alla, fil-Parroċċa tagħna għandna biss il-Festa ta’ San Pietru li l-komunità tiċċelebra f’għaqda sħiħa.  Biż-żmien il-parroċċi qegħdin jiċċelebraw il-festa titulari bi spirtu tajjeb u l-biċċa l-kbira b’konvinzjoni nisranija.  Hemm bosta elementi pożittivi fil-festa tagħna u għalkemm xi elementi negattivi nsibuhom ukoll, wieħed jittama li bi sforz għaqli u flimkien jirnexxilna nnaqqu dak li jfixkel il-festa tagħna u nsaħħu dak li jsebbaħha.  U dan jeħtieġ li jsir illum qabel għada.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: