Ix-Xbiha ta’ San Pietru fi kwadri ta’ Valur Artistiku f’Għawdex
‘Ix-Xbiha ta’ San Pietru fi kwadri ta’ Valur Artistiku f’Għawdex’ |
stampa |
Fil-knejjes tagħna għandna ġabra kbira ta’ opri ta’ arti mill-isbaħ u ta’ valur artistiku kbir li jagħmlu l-wirt kulturali tagħna l-Maltin wieħed rikk u interessanti. Dan minħabba l-fatt li bosta artisti kemm Maltin kif ukoll barranin ta’ fama kbira kienu u għadhom jiġu kkummissjonati biex jiddekoraw il-knejjes tagħna bix-xogħlijiet artistiċi tagħhom. |
Nistgħu ngħidu li f’din il-ġabra ta’ xogħlijiet wieħed isib bosta xeni differenti mill-Iskrittura Mqaddsa, episodji minn ħajja tal-Qaddis u f’ċerti kwadri wkoll xeni ta’ ġrajjiet li seħħew f’Malta u Għawdex matul is-snin, bħalma huma l-epidemiji tal-pesta, jew xi Pellegrinaġġ Votiv. |
Semmejt ix-xbihat tal-Qaddisin, allura fost dawn insibu wkoll dik ta’ San Pietru fi kwadri fejn dan il-Qaddis ikun il-protagonist tax-xena, u wkoll kwadri fejn ikun ġie inkluż fix-xena persunaġġ b’konnessjoni mal-ġrajja rrakkontata fil-kwadru. |
Fil-Bażilika Kolleġġjata ta’ San Pietru u San Pawl tan-Nadur fil-kwadru titulari naraw xena interessanti li turina lil dawn iż-żewġ qaddisin sejrin lejn il-martirju tagħhom. Dan il-kwadru huwa xogħol ta’ l-iskola ta’ Mattia Preti. Hemm min jgħid li dan ix-xogħol għalkemm sar wara l-mewta ta’ l-artist li ġrat nhar it-3 ta’ Jannar 1699, x’aktarx li sar fuq id-disinn ta’ l-artist stess. L-ewwel darba li jissemma dan il-kwadru fin-Nadur kien fl-1716. II-kwadru huwa wieħed espressiv fejn il-kuluri vivaċi ġew użati fl-ilbies tal-protagonisti, dan biex l-attenzjoni tmur fuq l-uċuħ ħosbiena ta’ dawk li għalkemm sejrin lejn il-mewt tagħhom, xorta waħda qegħdin jikkunslaw lil xulxin bil-Fidi Qaddisa li jemmnu fiha. |
Kwadru ieħor ta’ San Pietru nsibuh fil-mużew tal-Katidral ta’ Għawdex. Dan il-kwadru jagħmel parti minn sett ta’ seba’ kwadri, xogħol ta’ artisti differenti li ġew miġbura flimkien. Dan il-kwadru huwa xogħol ta’ artist mhux magħruf u sar fis-seklu sittax. Fuq in-naħa l-oħra ta’ dan is-sett ta’ kwadri hemm ix-xbiha ta’ San Pawl li hija xogħol ta’ l-istess artist li għamel il-kwadru ta’ San Pietru. |
Nerġgħu lura fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur fejn insibu diversi xogħlijiet ta’ l-Artist Carlo Zimech. Dan Carlo Zimech kien qassis minn Ħaż-Żebbuġ, għex bejn is-snin 1696-1766. Kien mar jgħix fir-raħal tan-Nadur fl-1749 u hemmhekk huwa beda jaħdem fuq diversi opri li llum iżejnu lil din il-bażilika. Fost ix-xogħlijiet li għamel, hemm il-Martirju ta’ San Pietru. Kwadru movimentat, b’kuluri li jfakkruk fix-xogħlijiet ta’ l-artist Mattia Preti u fuq kollox b’messaġġ qawwi ta’ kemm kien kiefer il-Martirju li għadda minnu dan il-qaddis kbir. |
Dawn ix-xogħlijiet li dwarhom ktibt dan l-artiklu tiegħi huma biss ftit mill-ħafna espressjonijiet li tawna tant artisti magħrufa li f’moħħhom kellhom il-kobor ta’ dan il-Qaddis li wara li ċaħad lill-Imgħallem tiegħu, ħadem tul il-kumplament ta’ ħajtu biex jitwassal il-messaġġ li kien xandar Kristu tul iż-żmien li dam jgħix f’din id-dinja. |
Għalhekk in-nies ta’ Birżebbuġa huma tant kburin li għażlu lil San Pietru biex ikun hu l-Patrun tal-lokalità tagħhom, għaliex kien hu li ġie magħżul biex ikun il-blata li fuqha tinbena l-knisja. |
No comments yet