Skip to content

Il-Belt Tal-Vatikan

 

Il-Belt Tal-Vatikan.
kitba ta’ Alex Azzopardi.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2001.

 

stampa

caption

 

Il-belt  tal-Vatikan huwa stat sovran u indipendenti li jaqa’ taħt l-awtorità assoluta tal-Papa, il-Kap tal-Knisja Kattolika Rumana.  Għalkemm bħala daqs dan huwa l-iżgħar stat indipendenti, huma ħafna dawk li, minħabba l-importanza reliġjuża tiegħu, jiddefinuh bħala stat tad-dinja.   Hija ħaġa ovvja li l-belt tal-Vatikan huwa ċ-ċentru ta’ l-attenzjoni ta’ ħafna popli, konferma ta’ dan, jekk qatt kien hemm bżonn, huwa l-affluss ta’ pellegrini li ta’ kuljum iżuruh biex jaraw, jisimgħu u jakklamaw il-Vigarju ta’ Kristu.

Bħala parti mill-proċess ta’ l-Unifikazzjoni ta’ l-Italja, fl-1870, Ruma, (inkluż it-territorji Papali) ġiet ikkonkwistata u magħquda mar-Renju ta’ l-Italja u għal 59 sena l-Papa kien virtwalment priġunier fil-Vatikan stess, fejn qatt ma ħareġ minn hemm sakemm fil-ġurnata storika tal-11 ta’ Frar 1929 ġie ffirmat il-Patt tal-Lateran (jew il-Konkordat tal-Lateran) minn Benito f’isem ir-Re ta’ l-Italja Vittorio Emmanuele III u l-Kardinal Pietro Gasparri għan-nom tal-Papa Pius XI, u li fih ġiet solvuta l-kwistjoni Rumana.  Il-Patt ġie ratifikat fis-7 ta’ Ġunju 1929 u b’hekk is-Santa Sede bdiet tirrikonoxxi l-Istat ta’ l-Italja, b’Ruma kapitali tagħha, u min-naħa l-oħra, l-Italja rrikonoxxiet is-sovranità tal-Papa fuq il-belt tal-Vatikan u żgura indipendenza assoluta ta’ dan l-istat il-ġdid.

Fost l-artikli fil-ftehim milħuq insibu li r-reliġjon Kattolika Appostolika Rumana għandha tkun l-unika reliġjon ta’ l-Italja; li l-Italja għandha tissupplixxi lill-belt tal-Vatikan b’ammont adekwat ta’ ilma; li jiġi kostruwit stazzjon tal-ferrovija; li kull attentat jew insult fuq il-Qdusija Tiegħu, għandu jiġi punit u meqjus daqs li kieku sar fuq ir-Re ta’ l-Italja; li l-istat jirrikonoxxi ż-żwieġ Kattoliku u każi ta’ annulament jiġu riżervati għall-qrati ekkleżjastiċi; li r-reliġjon ikun mgħallem fl-iskejjel primarji u sekondarji dejjem taħt il-ħarsien ta’ l-isqfijiet.

Dan l-avveniment hekk kbir intlaqa’ bi pjaċir mid-dinja Kattolika Rumana, fejn anke hawn Malta kienu saru festi ta’ l-okkażjoni bi priedki, mixgħela, kant tat-Te Deum u Programmi Mużikali. Il-patt ġie kkonfermat mill-Kostituzzjoni ta’ l-Italja ta’ l-1948 sakemm fl-1985 ġie ffirmat konkordat ġdid b’xi alterazzjonijiet għal dak oriġinali.

Il-belt tal-Vatikan hija biċċa art ta’ 0.44km kwadru, li tinsab fuq l-għolja tal-Vatikan fil-punent tax-xmara Tiber, fil-kapitali Taljana Ruma. Kienu ħafna dawk l-artisti u arkitetti magħrufa tar-rinaxximent Taljan li ġew ikkummissjonati minn Papiet diversi biex jaħdmu fuq bini li nsibu fil-belt tal-Vatikan. Bla dubju l-aktar impressjonanti hija l-Bażilika ta’ San Pietru li hija ċ-ċentru dinji tar-reliġjon Kattolika Rumana. L-ewwel ġebla tal-Bażilika attwali (qabilha kien hemm oħra mibnija fil-bidu tar-raba’ seklu) tqiegħdet fit-18 ta’ April 1506 mill-Papa Gulio II, filwaqt li ġiet konsagrata fit-18 ta’ Novembru 1626 mill-Papa Urbano VIII. Fost l-artisti li ħallew it-timbru tagħhom f’din il-Bażilika maestuża nsemmu lil Bramante, Michelangelo u Gianlorenzo Bernini. Taħt il-bażilika nsibu l-fdalijiet tal-qabar ta’ l-Appostlu San Pietru li ħa l-martirju tiegħu fl-inħawi fi żmien l-Imperatur eċċentriku Neruni madwar is-sena A.D. 64.  Mifruxa quddiem il-Bażilika għandna l-Pjazza San Pietu, kapolavur ta’ Berini, imdawra b’284 kolonna u b’140 statwa jserrħu fuqhom.

Bini ieħor importanti huwa l-palazz tal-Vatikan. Dan jikkonsisti f’kumpless ta’ bini li jinkludi aktar minn elf sala, fosthom l-appartamenti Papali, l-uffiċċji governattivi tal-Knisja, kappelli, mużewijiet u libreriji.  L-aktar popolari minn dawn hija l-Kappella Sistina bl-affreski fantastiċi li saru minn Michelangelo bejn l-1508 u 1512 u li kienu rrestawrati bejn l-1980 u l-1990, u s-swali ta’ Raffaele, b’affreski ta’ l-artist Taljan Raffaele.  M’għandniex xi ngħidu li l-Mużewijiet tal-Vatikan huma uniċi, u jinkludu l-Mużew Gregorjan ta’ l-arti Eġizzjana, Mużew Pio Clementino b’kollezzjoni ta’ antikitajiet, il-Mużew Charamonti li għandu kollezzjoni ta’ skulturi Griegi, Il Braccio Nuovo u l-Pinacoteca Vaticana inawgurata fl-1932 b’xogħlijiet ta’ artisti bħal Giotto, Guercino, Caravaggio, Poussin u oħrajn. II-librerija għandha kollezzjoni mprezzabbli ta’ manuskritti antiki u aktar minn miljun volum ta’ kotba. Postijiet oħra li ta’ min isemmi huma Il Cortile del Belvedere, Cortile San Damasco, il-Palazz tal-Gvernatur u l-Ġonna tal-Vatikan.

Il-gvern ċivili tal-belt tal-Vatikan huwa mmexxi minn Gvernatur u Kunsill li huma appuntati u responsanbli lejn il-Papa.  Il-liġi hija dik kanonika, u l-qrati huma parti mis-sistema ġudizzjarja tal-Knisja. Il-Papa għandu l-poteri assoluti eżekuttivi leġislattivi u ġudizzjarji, madankollu, peress li l-Papa għandu xogħol vast fil-qadi ta’ dmirijietu bħala r-ragħaj spiritwali, huwa jingħata pariri mill-kulleġġ tal-Kardinali li fil-prattika jamministraw il-gvern tal-Knisja. Il-korp amministrattiv responsabbli lejn il-Papa huwa msejjaħ il-Kurja Rumana.  Ir-relazzjoni diplomatika ta’ l-affarijiet barranin hija rappreżentata mis-segretarju ta’ l-istat. Sa mis-seklu 16, il-gwardji Svizzeri għandhom f’idejhom is-sigurtà interna u l-protezzjoni tal-Papa.  Huma jilbsu uniformi mill-isbaħ, iddisinjata minn Michelangelo. Il-Pjazza San Pietru hija suġġetta taħt l-awtorità tal-pulizija Taljana.  L-istat Vatikan għandu l-munita (l-istess valur tal-Lira Taljana) u s-sistema postali tiegħu. Jimmaniġġja r-radju tal-Vatikan, is-sistema telefonika u s-servizzi telegrafiċi. Jippubblika gazzetta ta’ kuljum, “L’Osservatore Romano”, kif ukoll ġurnal uffiċjali fix-xahar. Fit-territorju tiegħu nsibu stazzjon tal-ferrovija.  Il-popolazzjoni tal-belt tal-Vatikan hija stmata madwar 750 persuna.

Il-Papa preżenti, Ġwanni Pawlu II (isem proprju: Karol Wojtyla), imwieled ġewwa Wadovice fil-Polonja fit-18 ta’ Mejju 1920 huwa l-265 Papa u ilu Papa sa mis-16 ta’ Ottubru 1978. Dan il-Papa għandu importanza kbira għalina l-Maltin għaliex huwa l-ewwel Papa li niżel fuq gżiritna waqt żjara uffiċjali fil-25, 26 u 27 ta’ Mejju 1990. Barra minn hekk bħala parti mill-pellegrinaġġ li l-Qdusija Tiegħu għamel fuq il-passi ta’ San Pawl, huwa żar pajjiżna għat-tieni darba.  Din iż-żjara, imsejha “Pietru fil-Gżira ta’ Pawlu”. Li żgur għadha friska f’qalb kull wiehed u waħda minnha seħħet bejn it-8 u d-9 ta’ Mejju 2001, fejn f’ċelebrazzjoni fil-Furjana, is-Suċċessur ta’ San Pietru, ibbeatifika lill-ewwel Maltin: Dun Ġorġ Preca, il-Kjeriku Nazju Falzon u Suor Adeodata Pisani.


No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: