Skip to content

Il-Bażilika ta’ San Pietru F’Ruma

 

Il-Bażilika ta’ San Pietru F’Ruma.
kitba ta’ Michael Schembri
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2006.

 

stampa

caption

 

Fit-18 ta’ April, 1506, il-Papa Ġulju II qiegħed l-ewwel ġebla tal-Bażilika l-ġdida ta’ San Pietru f’Ruma.  Għalhekk din is-sena tfakkar għeluq il-500 sena mit-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-Bażilika preżenti.

F’messaġġ minn Castelgandolfo, nhar l-għada ta’ l-Għid, il-Papa Benedittu XVI, fakkar dan l-anniversarju billi stieden lill-insara biex ikunu bħal ġebel ħaj li jifforma l-Knisja u qal: “Fil-kuntest ta’ l-Għid, illum nixtieq naqsam magħkom il-ferh ta’ anniversarju importanti ħafna: il-500 sena, eżattament fit-18 ta’ April, 1506, minn meta l-Papa Ġulju II qiegħed l-ewwel ġebla tal-Bażilika l-ġdida ta’ San Pietru, struttura li s-sbuħija tagħha tiġbed l-ammirazzjoni minn madwar id-dinja kollha.”

“Nixtieq infakkar sew lill-Papiet li stinkaw biex jinbena dan il-bini kbir fuq il-qabar ta’ l-Appostlu San Pietru, lill-artisti li għarfu jżejnuh, kif ukoll lill-ħaddiema fl-uffiċċju ta’ l-inġinier prinċipali tal-Vatikan li jħarsu u jippreservaw dan il-kapolavur ta’ arti u ta’ fidi.”

“Jalla din l-okkażjoni sabiħa tal-500 anniversarju terġa’ tqajjem fil-Kattoliċi kollha x-xewqa biex isiru ġebel ħaj(1 Pietru 2,5) għall-bini tal-knisja li fiha jiddi d-dawl ta’ Kristu bl-imħabba u tkun xhieda quddiem id-dinja.”

Il-Bażilika ta’ San Pietru ġewwa Ruma hija waħda mill-akbar knejjes Kristjani fid-dinja, knisja li tiġbed eluf kbar ta’ pellegrini u turisti mid-dinja kollha. Din il-knisja l-aktar qaddisa u importanti għalina l-Kattoliċi, għandha firxa ta’ 22,000 metru kwadru u tilqa’ fiha madwar 60,000 ruħ. Hija firxa li fuqha nkitbu l-ġrajjiet ta’ żmien l-Imperatur Neruni li kien waħħal fl-Insara li qabbdu n-nar dawk in-naħat u bl-iskuża ta’ hekk, hu beda l-moħqrija u l-martirju ta’ numru kbir minnhom, fosthom, skond it-tradizzjoni, kien hemm il-Patrun tagħna San Pietru (madwar A.D. 67), li fuq il-qabar tiegħu hi mibnija t-tieni bażilika li naraw illum.

Għal tliet mitt sena sħaħ l-Insara kienu ppersegwitati bil-kbir, persekuzzjonijiet li ntemmu meta spiċċa l-Imperatur Djokleżjanu (A.D. 284-305). Ftit tas-snin wara, l-ewwel Imperatur Kristjan, Kostantinu (306-337), iben Santa Elena, beda jibni xi knejjes ġewwa Ruma, bl-aqwa waħda tkun dik li nbniet fuq il-qabar ta’ San Pietru fuq l-għolja tal-Vatikan. Dan kien bejn is-snin 318 u 328.

Din l-ewwel knisja fuq il-qabar ta’ San Pietru, kellha pjanta bażilikali, jiġifieri kien fiha korsija rettangolari fin-nofs u navi fuq kull naħa tagħha li jkunu magħqudin ma’ l-istess kursija b’kolonnar.  Fir-ras tal-kursija kien hemm abside jiġifieri l-ħajt jagħlaq nofs tond. B’kollox kellha ħames navi (inkluża l-kursija), 118-il metru tul u 64 metru wisa’, miżmuma minn 88 kolonna, u kienet imżejna bi rħam, tapizzeriji, u ġebel prezzjuż barra numru kbir ta’ reċipjenti tal-fidda u tad-deheb. Ġara iżda, li wara 1000 sena bdew jidhru sinjali ta’ tmermir, ksur, u partijiet ta’ ħitan li bdew iċedu u għaldaqstant lejn il-bidu tas-seklu 16 kien deċiż li titwaqqa’.

Nhar il-Ħadd, 18 ta’ April, 1506, il-Papa Ġulju II qaddes quddiesa fuq artal għoli qabel ma bierek l-ewwel ġebla li fiha tpoġġew xi midalji tad-deheb ta’ żmien ir-renju qasir tiegħu. Kellhom jgħaddu 120 sena biex tlestiet u dan wara li mhux inqas minn 7 periti, b’kull wieħed iżid u jnaqqas mill-pjanti ta’ dak ta’ qablu. U biex minn żmien ir-Rinaxximent għaddejna għal dak Barokk … mill-ewwel arkitett, Bramante, għal Raffael,  Antonio da Sangallo, għal Michelangelo li spiċċa l-bini safejn tibda l-koppla. Din u mbaghad ingħalqet minn Giacomo della Porta. Matul dan is-seklu ta’ bini kien hemm xi diżgwid jekk il-knisja tkunx forma ta’ salib Grieg (id-dirgħajn kollha ndaqs) jew Latin (id-driegħ wieqaf itwal mid-driegħ mimdud; bl-għażla taqa’ fuq ta’ l-aħħar meta Carlo Maderno żied in-nava u l-faċċata bejn l-1607 u l-1614. Il-knisja kienet ikkonsagrata mill-Papa Urbanu VIII fit-18 ta’ Novembru 1626.

Il-Bażilika l-ġdida hi twila 186 metru. 97.5 metru wiesgha u d-dawra tal-ħajt taghha minn barra fiha 1.778 metru.  Il-knisja fiha 11-il kappella b’44 artal, 11-il koppla, 778 kolonna, 395 statwa u hi mogħnija b’135 panew tal-mużajċi u bosta xoghlijiet oħra ta’ arti imprezzabbli.   Fuq kollox f’dan it-tempju nsibu l-qabar ta’ l-Appostlu patrun tagħna u li fuqu hemm  it-tribuna, xogħol Gian Lorenzo Bernini.  It-tribuna fiha mad-90 tunnellata ta’ bronż li kienu qalgħuh mill-koppla tal-Panteon illum Bażilika ta’ Santa Maria ad Martyres.  Monument kbir ieħor hu l-Artal tas-Siġġu, li hu s-simbolu ta’ l-Awtorità Petrina, miżmuma minn erba’ isqfijiet, tnejn mill-Knisja tal-Lvant. Mad-dawra ta’ taħt il-koppla hemm miktub bil-Latin il-kliem li Ġesu qal lil San Pietru: TU ES PETRUS ET SUPER HANC PETRAM AEDIFICABO ECLESIAM MEAM ET TIBI DABO CLAVES REGNI CAELORUM – jiġifieri ‘Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-knisja tiegħi u nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet.’

Il-misraħ ta’ quddiem il-Bażilika huwa mdawwar minn simetriku, xogħol ieħor ta’ Bernini.  Hemm ukoll obelisk. twil 37 metru. Li kien inġieb Ruma mill-Eġittu fi żmien l-Imperatur  Caligula (A.D. 37-41).  Fl-1586, fi żmien, il-Papa Sistu V, dan il-monument tmexxa għal fejn hu llum u kellhom jintużaw 900 raġel u 50 żiemel.

Ta’ min jinnota li fl-1939, waqt xi tħaffir u tiftix li kien qiegħed isir fil-qabar ta’ Piju XI ġewwa l-grotti ta’ taħt il-Bażilika, instab qabar antik stil Ruman, u oqbra oħra antiki kważi eżatt taħt l-artal l-għoli. Magħhom instab madum bl-isem fuqu ta’ l-Imperatur Marcus Aurelius. Hu meqjus li dan il-madum hu ta’ madwar is-sena A.D. 160, jew aħjar erba’ snin biss mill-mewt ta’ San Polikarpju li kien dixxiplu ta’ San Ġwann. Taħt nett sabu xi għadam ta’ raġel li minn kalkoli xjentifiċi jidher li seta’ kellu madwar is-70 sena. Kliem Grieg, minqux fuq biċċa ġebla, misjuba qalb l-istess tifrik, juri hekk: ‘Petros Eni’, li bil-Malti, nistgħu nittraduċuha: Pietru ġewwa. Fir-rapport ta’ l-iskavi, inkiteb li għalkemm ma nistgħu qatt nippruvaw li l-qabar huwa bilfors ta’ San Pietru, ma nstabet l-ebda evidenza arkeoloġika li tikkuntradixxi din it-tradizzjoni. Jingħad ukoll li r-ras ta’ San Pietru tneħħiet minn hemm fis-sena 846, għal raġunijiet ta’ sigurtà minħabba t-theddida ta’ l-invażjoni tas-Seraċini.  Din ittieħdet fil-Bażilika tal-Lateran, fejn għadha sal-lum.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: