Statwa Titulari l-antika ta’ San Pietru Appostlu f’Birżebbuġa
Statwa Titulari San Pietru (l-antika) |
|
stampa |
caption |
|
Nhar l-Erbgħa, 2 ta’ Awissu, il-vara titulari tal-parroċċa tagħna tagħlaq 30 sena minn mindu nħarġet proċessjonalment għall-ewwel darba fit-toroq ta’ Birżebbuġa.(1) Hija ħadet post dik li llum tinsab fil-kor tal-Knisja Parrokkjali. Din l-ewwel statwa, ta’ l-injam (2), inħadmet fl-“Arte Sacra” ta’ Ruma (3) u ngħatat lill-parroċċa mill-benefattur Carmelo Axiaq.(4) Kien il-Ħadd, 28 ta’ Diċembru 1947 li din l-istatwa nġiebet f’Birżebbuġa mill-Knisja Konventwali ta’ San Franġisk ta’ Putirjal, il-Belt Valletta, fejn inżammet għal xi ftit żmien wara li ddaħħlet f’Malta(5). F’Birżebbuġa, l-istatwa ta’ San Pietru tniżżlet quddiem il-Knisja Parrokkjali u wara li ddawret mat-toroq prinċipali ta’ Birżebbuġa u San Ġorġ akkumpanjata mill-Banda Santa Katarina taż-Żurrieq, għall-ħabta ta’ xi t-3.30pm meta waslet fuq iz-zuntier tbierket mill-Vigarju Ġenerali, l-lsqof Emmanuele Galea (6). Għal xi żmien, l-abbozz tal-vara ġie espost fil-Knisja Parrokkjali. Dan għadu miżmum mill-familjari ta’ l-istess Axiaq sa llum. L-istess benefattur, xi snin wara rregala wkoll pedestall għall-istess statwa. Dan sar għand l-iskultur Carmelo Tonna tar-Rabat .(7) Nagħlaq dan l-artiklu b’silta minn rapport ta’ wieħed li kien preżenti għat-tberik ta’ din l-istatwa titulari fejn qal: “Kienet xena tassew li tqanqlek! Statwa ta’ San Pietru, sabiħa tassew li qisha qed tkellmek, riesqa fuqek bil-mod il-mod qisha l-figura ta’ San Pietru, Appostlu u Kap tal-Knisja, li niżel mis-smewwiet biex jieħu ħsieb il-Knisja li qiegħda taħt il-patroċinju tiegħu. Ħaġa ta’ l-għaġeb tassew: il-poplu deher mimli bil-ferħ u bl-entużjażmu, bħal meta familja li tkun nieqsa mill-missier, tilqa’ lill-Kap tagħha”.
Referenzi: 1. Il-Berqa Nru. 3410 tal-Ħamis, 6 ta’ Awissu 1959, p. 1. 2. Il-Berqa, Is-Sibt, 27 ta’ Diċembru, 1947, p. 5. 3. Il-Berqa, Ibid. 4. Il-Berqa, Ibid. 5. Il-Berqa, l-Erbgħa 31 ta’ Diċembru, 1959, p.3. 6. Il-Berqa, Ibid. A.A.M.-Suppliche 1953 Vol. 1 – 212 . Ir-rikors biex isir dan il-pedestal sar tliet darbiet. Wara li l-‘Giunta Diocesana’ ma laqgħetx żewġ rikorsi; 258/48 u 622/52 minħabba l-istil barokk li bih tħażzeż il-pedestall li ma kien jaqbel xejn ma’ l-istil tal-Knisja Parrokkjali, hija approvat id-disinn nhar l-14 ta’ April 1953. Waqt li r-rikors ġie ppreżentat mill-Kappillan Dun Mikiel Spiteri nhar is-16 ta’ Marzu 1953, id-digriet ta’ l-approvazzjoni ħareġ nhar it-18 ta’ Marzu, 1953. |
|