Skip to content

Il-Vara ta’ San Pietru tagħlaq 40 sena (1999)

 

stampa

 

‘Il-Vara ta’ San Pietru tagħlaq 40 sena’
minn Arthur Grima
f’isem l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa.

Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 1999.

 
Din is-sena l-parroċċa ta’ Birżebbuġa se tfakkar żewġ Anniversarji li għandhom x’jaqsmu mal-vara titulari ta’ San Pietru.  Kien proprju sentejn ilu meta fakkarna l-50 sena mill-miġja ta’ l-ewwel vara titulari — dik li iżjed magħrufa bħala ta’ San Pietru ‘iż-żgħir’.  Din is-sena jaħbat l-40 sena minn meta waslet fostna l-vara titulari li għandna llum.  Barra minn hekk jaħbat ukoll il-25 sena minn meta din l-istess vara ġiet indurata.
Mela bħal ma semmejna, fil-parroċċa kien diġà kellna vara ta’ San Pietru li kienet toħroġ fil-festa titulari, iżda din kienet xi ftit żgħira.  Wara li din il-vara damet toħroġ għal 11-il sena (1947-1958), kien qiegħed jinħass il-bżonn li tinbidel u tinġieb waħda ikbar li tkun artistikament isbaħ.  Kien fis-sena 1958 meta l-kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Ġużepp Minuti (illum Monsinjur), flimkien man-nies tar-raħal ħasbu sabiex issir vara ġdida.  II-Kappillan Minuti avviċina lil Chev. Vincenzo Bonello u permezz tad-ditta Pio Anastasi & Co, li kienu l-aġenti f’Malta ta’ l-iskultur Ferdinando Stuflesser, saru l-kuntatti meħtieġa sabiex jibda x-xogħol fuq il-vara l-ġdida.  Dan Ferdinando Stuflesser kellu l-istudio tiegħu ġewwa Ortisei, fil-provinċja ta’ Bolzano fl-Italja.  Id-disinn li ntgħażel għal din il-vara kien bħal dak ta’ San Pietru li hemm fil-Bażilka ta’ San Giovanni fil-Lateran f’Ruma.
 
Id-Ditta Ferdinand Stuflcsser
Qabel ma ngħid xi ħaġa dwar din id-ditta, nuri l-apprezzament tiegħi lejn Ferdinand Stuflesser għall-interess ġenwin li ħa meta ikkuntatjajtu dwar il-vara ta’ San Pietru li għandna f’Birżebbuġa.
In-negozju ta’ Ferdinand Stuflesser illum jinsab fir-raba ġenerazzjoni.  Din id-ditta twaqqfet fil-bidu ta’ dan is-seklu.  In-negozju nbeda minn Ferdinand Stuflesser (1855-1926) li kien miżżewweġ lil Anna Maria Senoner (1855-1923).  Dawn jaħbtu l-bużnanniet ta’ Ferdinand Stuflesser li qiegħed imexxi d-ditta ‘llum.  Dan in-negozju jinsab fin-naħa ta’ fuq ta’ l-Italja, preċiżament f’Ortisei fil-provinċja ta’ Bolzano.
In-negozju tkompla minn iben Ferdinand li kien jismu Johann Stuflesser (1883-1958).  Johann Stuflesser kellu tifel li ssemma għall-fundatur tad-Ditta Stuflesser, jiġifieri Ferdinand.  Kien proprju dan Ferdinand Stuflesser (1914-1998) li skolpa l-vara titulari tant għal qalb il-poplu ta’ Birżebbuġa.  Ferdinand Stuflesser miet fit-12 ta’ Diċembru 1998.
Bħalissa n-negozju qiegħed f’idejn iben l-iskultur tal-vara ta’ San Pietru li wkoll jismu Ferdinand.  Fost it-tagħrif li bagħatli dan Ferdinand, qalli li għadu għaddej bix-xogħol tal-familja u għal quddiem għandu tamiet kbar għax fil-fatt għandu wkoll żewġ subien li jinsabu mexjin fuq l-istess linja tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom.  Mill-ġdid nirringrazzja lill-famlja Stuflesser għat-tagħrif li bagħtuli u talli tant kienu ġentili miegħi.
 
Il-Vara Titulari
Wara li fl-1958 ġie deċiż li l-vara tinħadem fl-Italja mid-ditta Ferdinand Stuflesser. il-Kappillan Dun Ġużepp Minuti kien ħa interess personali tant li mar xi darbtejn fil-post fejn kienet qiegħda tiġi skolpita l-vara sabiex isegwi x-xogħol.  Ta’ min wieħed isemmi hawnhekk li din il-vara li hija ta’ l-injam, inħadmet minn zokk wieħed.  Is-somma li tħallset għal din il-vara kienet ta’ ‘l fuq minn 500 lira — somma li kienet mhux ħażin għal dak iż-żmien.  Madankollu, il-poplu ta’ Birżebbuġa wera l-irġulija tiegħu u din is-somma kienet miġbura minn fost kulħadd.
Meta l-vara tlestiet. tqiegħdet f’kaxxa u bdiet it-triq lejn Malta.  Hawnhekk irridu nsemmu li l-vara nqabdet għal xi żmien f’port Taljan minħabba strajk li nzerta kien hemm dakinhar.  Dan ħasseb mhux ftit lill-Kappillan għax kollox kien juri bċ-ċar li din il-vara mhux se tasal f’Malta sal-festa.
B’xorti tajba, l-istrajk ma damx wisq, u b’hekk il-vara setgħet titgħabba fuq il-vapur S.S. Lido fejn wara yjaġġ ta’ ftit jiem waslet Malta.  Dan kien nhar it-28 ta’ Lulju, 1959.  Sabiex ma jinħeliex iżjed żmien, xi rġiel minn Birżebbuġa flimkien mal-Kappillan, erħewlha lejn ix-xatt tal-Marsa, minn fejn għabbew il-vara fuq trakk u wassluha f’Birżebbuġa.  Bħal leħħa ta’ berqa ġriet l-aħbar li waslet il-vara ta’ San Pietru u n-nies erħewlha lejn il-Kappella tas-Sagra Familja fi Triq iż-Żurrieq sabiex jaraw din il-kaxxa tinħatt u tiddaħħal fil-Kappella sabiex il-vara tkun tista’ tintrama u tittieħed lejn il-Knisja Parrokkjali.  Hekk kif infetħet il-kaxxa u beda jitneħħa t-tiben li kien idawwar il-vara, beda ħiereġ il-ġmiel tal-vara l-ġdida li issa kienet tal-poplu ta’ Birżebbuġa.
Fil-jumejn li l-vara għamlet fil-Kappella Sagra Familja, il-vara ntramat u tqiegħdet fuq bradella.  Nhar it-30 ta’ Lulju, 1959, il-vara ttieħdet fuq l-ispallejn lejn il-Knisja.  Hekk kif il-vara daħlet fil-Knisja, in-nies infexxet f’ċapċip kbir.  Il-vara tbierket mill-Kappillan Minuti, li issa ra xewqa oħra tiegħu maqtugħa.
L-ewwel purċissjoni b’din il-vara l-ġdida saret fil-festa titulari tas-sena 1959, eżattament nhar il-Ħadd 2 ta’ Awissu.  Kemm ċapċpet bil-qalb il-ġemgħa meta l-vara feġġet fil-bieb tal-Knisja u l-Banda San Pietru daqqet l-Innu Popolari!  L-ewwel grupp ta’ reffiegħa li refgħu dik il-vara kienu kważi kollha minn Bengħajsa.  Biss dawk li xtaqu jerfgħu biċċa matul it-triq, kienu mistiedna jerfgħu huma wkoll.  La qiegħed insemmi r-reffiegħa, interessanti l-fatt li sa ftit snin ilu kien hemm żewġ gruppi ta’ reffiegħa — bħalma hemm illum — biss wieħed minn dawn il-gruppi kien ikun magħmul minn Bengħajsin.
 
Il-Vara fid-dettal
Bħalma għidna, din il-vara hija skolpita fl-injam minn zokk wieħed.  It-tul tal-vara huwa ta’ madwar 8 piedi.  L-istil tal-vara hu barokk għall-aħħar u l-ħarsa ta’ wiċċ San Pietru mill-ewwel tagħtik l-impressjoni li dan għandu kmand (bħala l-ewwel Papa).  Biss il-ħlewwa li toħroġ mill-istess wiċċ malajr tibdillek il-fehma u tfakkrek fit-tjubija li dan l-Appostlu kellu lejn kulħadd.  L-idejn il-leminija merfugħa ‘1 fuq waqt li maħruġa ‘1 barra tagħtik l-impressjoni li dan San Pietru qiegħed ibierek jew isellem.  F’idejh l-oħra, dik xellugija, jidher iżomm par imfietaħ li jfissru s-setgħa li għandu għall-Bieb tal-Ġenna.  Fis-sena 1981, grupp ta’ reffiegħa irregalaw sett imfietaħ ġodda tal-fidda ibbanjati bid-deheb li ħadu post dawk oriġinali.  Fl-istess id ix-xellugija, taħt abtu, hemm ktieb li jfisser it-tagħlim ta’ l-Evanġelju.
Il-libsa li liebes San Pietru hija ta’ kulur aħdar ċar waqt li l-mantar għandu kulur kannella ċar.  Il-kulur tal-qalba ta’ l-inforra flimkien mal-paniġġ ikomplu jagħmlu din il-vara aktar ħajja.  F’riġlejn din il-vara wieħed isib par sandli li fl-1979 kienu saru tal-fidda b’wegħda minn Carmelo Polidano (iz-Zizz). Biswit ir-riġlejn niltaqgħu mal-ktajjen li għandhom it-tifsira tal-ħelsien mill-ħabs.  Dawn il-ktajjen ingħataw b’rigal mill-kumpanija Shell.  Meta fis-sena 1974 din il-vara kienet indurata, kienet skolpita forma ta’ blata biex dawn il-ktajjen jogħlew aktar ’il fuq u b’hekk jitgawdew aktar.
Fis-swaba ta’ idejh it-tnejn niltaqgħu ma’ żewġ rużetti li kienu mogħtija mill-Parroċċa.  Fuq sider il-vara wieħed jilmaħ salib tad-deheb imdendel ma’ lazz li jispiċċa b’ġummiena fuq wara.  Dan is-salib tħalla mill-Monsinjur Dun Anġ Fenech li kien Kappillan ta’ Birżebbuġa (1923-1952).  F-aħħar, fuq ras il-vara nsibu dijadema ibbanjata bid-deheb b’għadd ta’ ħaġar ikkulurit mad-dawra.
 
Il-Pedistall
Jekk tassew sabiħa hija l-vara titulari ta’ San Pietru, xejn inqas ma huwa l-pedistall li hemm taħt il-vara.  Dan il-pedistall hu wkoll ta’ l-injam u sar mid-ditta ta’ Ferdinand Stuflesser.  Id-disinn tal-pedistall huwa ta’ Emilio Giusti minn Bormla.  Fil-pedistall, li huwa ndurat bid-deheb, insibu erba’ faċċati li t-tnejn tal-ġnub huma l-istess simboli tal-‘Pax’ (tirrappreżenta lil Kristu u tfakkarna li San Pietru kien martri ta’ Kristu), filwaqt li fil-faċċati: fuq in-naħa ta’ wara insibu l-arma tat-Trirenju, waqt li fuq quddiem hemm l-arma tal-martirju ta’ San Pietru.  Interessanti l-fatt li meta saret il-bradella l-ġdida fl-1984, dan il-pedistall kien imdawwar ta’ wara quddiem.  Din il-bradella l-ġdida li qed insemmu saret fl-1984 fuq disinn ta’ Frans Treeby.  L-imgħallem li ħadimha kien Ġużeppi Galea ta’ Ħal Luqa. L-iskultura saret minn John Suda.  Wara li l-vara ta’ San Pietru tqiegħdet fuq il-bradella l-ġdida, fl-1987 kien imiss li ssirilha niċċa ġdida biex ġo fiha titqiegħed kompluta b’kollox tul is-sena kollha.  Fuq il-bradella, fil-ġranet tal-Festa jitqiegħdu erba’ gastri ndurati bid-deheb li huma xogħol Salvu Bugeja.  Bħal fil-każ tas-sandli, dawn il-gastri wkoll ġew irregalati minn Carmelo Polidano (iz-Zizz).  F’dawn il-gastri jitqiegħdu l-fjuretti tal-ganutell.  Dawn kienu regalati mill-Fratellanza tas-Sagrament.  Mad-dawra ta’ riġlejn il-vara tintrama’ wkoll girlanda tal-ganutell.  Ix-xogħol tal-ganutell sar fil-Qrendi.
 
L-Induratura
Barra l-40 sena mill-miġja fostna tal-vara titulari, din is-sena jaħbat ukoll il-25 sena minn meta din l-istess vara ġiet indurata.  Kien fis-sena 1974 meta l-vara tgħabbiet fuq trakk u ttieħdet lejn il-Belt Valletta fil -ħanut ta’ l-induratur Pawlu Xuereb.  Qabel ma beda x-xogħol ta’ l-induratura kien meħtieġ li din il-vara tintmess xi ftit.  Fil-fatt minn wara, in-naħa ta’ l-ispalla tax-xellug, il-mantar kien ġie skolpit iżjed fid-dettal.  Il-finezza ta’ dawn id-disinji huma tassew sbieħ u b’hekk il-vara ħadet bixra isbaħ minn qatt qabel.
Sabiex tibqa’ mfakkra din il-ġrajja ta’ meta l-vara kienet indurata, meta tlestiet u waslet biex tinġieb lura fil-Parroċċa, din il-vara inġiebet minn fuq il-baħar fuq lanċa tas-sajd.  Din il-lanċa kienet ta’ ċertu Vincent Camilleri (tax-Xnakk).  Mill-belt Valletta l-vara twasslet fuq trakk sa Marsaxlokk minn fejn bdiet id-dawra fuq il-lanċa li ntemmet fil-Bajja ta’ Birżebbuġa akkumpanjata minn bosta biċċiet tal-baħar.  Hekk kif il-lanċa trakkat mal-moll in-naħa ta Wied il-Buni, in-nies infexxew f’ċapċip li jtarrax.  Malli l-vara tniżżlet fuq il-moll, il-Banda San Pietru li kienet fil-post, daqqet l-Innu Popolari.  Minn hemm il-vara ntrefgħet fuq l-ispallejn u akkumpanjata mill-banda, twasslet sal-pjazza tal-Knisja Parrokkjali fejn ittelgħet fuq iz-zuntier u tqiegħdet fuq il-bankun.  F’nofs iz-zuntier, il-Kappillan Dun Ġużepp Minuti, għamel diskors ta’ l-okkażjoni fejn fost l-oħrajn irringrazzja lill-benefatturi kollha u faħħar ix-xoghol sabiħ ta’ l-induratur.  Qabel ma l-vara ddaħħlet lura fil-Knisja, din reġgħet tbierket mill-kappillan Minuti.
 
Għeluq
Permezz ta’ dawn l-erba’ kelmiet li ktibt fuq dawn iż-żewġ anniversarji, naħseb li tajna ħarsa fuq fuq lejn dak li ġara tul dawn is-snin kollha.  Illum, grazzi għall-ħidma ta’ dawk ta’ qabilna, għadna nistgħu ingawdu dan il-ġojjell.  Biss, mingħajr tlaqliq, wieħed irid isemmi li hemm bżonn li nieħdu ħsieb din il-vara bis-serjetà. Jekk ma nagħmlux hekk, nistghu nitilfu dak li għandna tant għal qalbna.  Dan qiegħed ngħidu għax xi snin ilu meta fil-Knisja kienu qegħdin isiru xi xogħlijiet, il-vara seta’ ġralha xi ħsarat.  Ghalhekk ikun prudenti jekk nieħdu azzjoni issa qabel ma jkun tard wisq.
Ma nistax nagħlaq dan l-artiklu mingħajr ma niftakru f’dawk il-benefatturi, li wħud minnhom ma għadhomx magħna, li taw sehemhom f’din il-vara.  Jien persważ li dawk li ħallewna diġà raw lil San Pietru.  Aħna li għadna hawn, nittamaw li aħna wkoll għad irridu niltaqgħu mal-patrun tagħna SAN PIETRU fil-Ġenna.
 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: