Skip to content

Il-Kavallier Ċensu Apap u l-Vara Titulari ta’ San Pietru

 

Il-Kavallier Ċensu Apap u l-Vara Titulari ta’ San Pietru.
kitba ta’ Conrad D’Amato.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2003.

 

stampa

caption

 

Introduzzjoni

Fi Frar li għadda, tħabbret il-mewt tal-Kavallier Ċensu Apap, li kien wieħed mill-aqwa skulturi li kellna f’pajjiżna fis-seklu għoxrin. Dan l-artist kien l-aħħar artist minn grupp ta’ artisti Maltin li studjaw fl-Italja fis-snin tletin. It-tifkiriet tiegħu jinsabu f’diversi  monumenti li ħallielna frott il-ħiliet artistiċi kbar li kellu. Dan il-ħsieb wassalni sabiex għal din is-sena nikteb xi ħaga dwar dan l-artist u l-konnessjoni kbira li għandu mal-vara titulari ta’ San Pietru.

 

Min kien Ċensu Apap

Ċensu Apap iben John u Marianne nee Grimes, twieled flimkien ma’ oħtu tewmija (li mietet ftit wara) nhar it-13 ta’ Novembru ta’ l-1909 ġewwa l-Belt Valletta.  Sa minn età tenera ċ-ċkejken Apap wera ġibda kbira lejn l-arti. Fl-età ta’ 14-il sena beda l-istudju tiegħu fl-arti waqt korsijiet ta’ filgħaxija li kienu jigu organizzati mis-soċjetà Maltija ta’ l-Arti Manifattura u Kummerċ.  Hawn Apap beda jitgħallem jimmudella fit-tafal taħt is-superviżjoni tas-sur Antonio Micallef (1883-1957). Aktar tard, meta kellu 16-il sena beda jattendi l-iskola ta’ l-Arti l-Belt Valletta taħt it-tmexxija tal-kavallier Edward Caruana Dingli (1877-1950). Fl-1927 Apap rebaħ borża ta’ studju rregalata mil-Gvern Malti li kienet tammonta għal tliet mitt lira.  B’hekk Apap mar jistudja l-iskultura fil-“British Academy of Art” ġewwa Ruma li dak iz-żmien kienet immexxija mil-professur Malti Antonio Sciortino (1879-1947).  Ġewwa Ruma Apap beda jgħaġġeb lil kullhadd bil-ħiliet artistiċi li kellu, għalhekk ma kinetx sorpriża li wara l-ewwel sena ta’ studju ġie l-ewwel f’kompetizzjoni prestiġjuża magħrufa bħala “The Golden Prize”.

Fl-1930 Apap irritorna lura Malta fl-1941 iżżewweġ lil Maria nee Bencini u kellhom tlitt itfal.  F’Jannar ta’ l-1931 rebaħ kompetizzjoni li wasslitu għall-ewwel kummissjoni pubblika tiegħu, li kien il-monument ta’ Fra Diego Bonanno li jinsab fi pjazza San Pawl il-Ħamrun. Dak iż-żmien Apap kellu biss 22 sena. Tul il-karriera tiegħu Apap ħadem diversi monumenti, fost dawn insibu: il-funtana tat-Tritoni l-Furjana (1959), il-Bust ta’ Nerik Mizzi fil-Belt (1964), il-monument ta’ Dante Alighieri l-Furjana (1965), ta’ l-Isqof Gonzi fil-Katidral ta’ l-Imdina (1971) u l-monumenti ta’ Pawlu Boffa (1976) u ta’ Ġorġ Borġ Olivier (1990), li qegħdin quddiem Kastilja. Barra minn hekk ħadem diversi bustijiet oħra li whud minnhom jinsabu fil-Mall il-Furjana.  Barra minn dawn Apap ħadem diversi bustijiet tal-familja Rjali li kważi kollha jinsabu barra minn xtutna. Fost dawn insibu l-bustijiet ta’ Lord Louis Mountbatten (1935) li jinsab Londra, tal-kontessa Edwina Mountbatten (1936), tal-Prinċipessa Eliżabbetta (1951), ta’ Sir Winston Churchill (1955) li jinsab fil-Barrakka ta’ fuq, żewġ bustijiet tad-Duka ta’ Edinburgh, wieħed fl-1954 u l-ieħor fl-1970, li qegħdin f’Edinburgh, żewġ bustijiet oħra tal-Prinċep ta’ Wales li saru fl-1961 u fl-1974, u jinsabu f’Buckingham Palace, u oħrajn.  Ġewwa l-Kanada fil-belt ta’ Fredericton li tagħmel mal-provinċja ta’ New Brunswick, hemm monument tassew sabiħ ta’ Lord Beaverbrook li Apap ħadem fl-1957.  L-aħħar kummissjoni artistika li kellu l-artist kien il-bust tal-President tar-Republika Guido De Marco, liema xogħol sar fl-1998 meta kellu 89 sena.  Apap tul ħajtu ġie onorat b’diversi unuri.  Fl-1947 sar surmast ta’ l-iskola ta’ l-Arti. Fl-1956 ir-reġina Eliżabetta II onoratu bl-OBE wara ismu, fl-1965 ġie onorat bil-medalja tad-deheb mis-soċjetà Maltija ta’ l-Arti Manifattura u Kummerċ. Fl-1968 il-gvern Taljan innomina lil Apap bħala “Cavaliere Ufficiale Repubblica Italiana”. Fl-1968 ġie onorat bil-“Phoenicia Trade Trophy Cultural Award”, u fl-1973 ħa l-investitura bħala kavallier ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann. Fl-1993 il-Gvern Malti nnominah bħala membru ta’ l-Ordni Nazzjonali tal-Mertu, u fl-1994 ġie onorat bl-unur “Premio Città di Valletta”.

 

Ix-xogħol fuq il-vara Titulari

Fl-1974 il-kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Ġużepp Minuti (li din is-sena qed jiċċelebra għeluq il-25 sena minn meta sar Monsinjur), iddeċieda li jindura l-vara ta’ San Pietru.  Pero` kien ġie deċiż li qabel ma l-vara tiġi ndurata isir xi tibdil fiha. Għalhekk il-kappillan Minuti kien avviċina lill-iskultur Ċensu Apap sabiex jieħu dan ix-xogħol f’idejh.  Dak iż-żmien Apap kien qed jesperjenza l-aqwa perjodu fil-karriera artistika tiegħu.  Meta tliet snin ilu kont qed nagħmel riċerka fuq il-vara titulari, kelli diversi kuntatti ma’ Ċensu Apap.  Illum napprezza ħafna u nibqa’ nżomm b’għożża kbira ittra partikulari li bagħatli, iffirmata minnu u li fiha kien żvelali xi dettalji tassew interessanti dwar x-xogħol li għamel fuq il-vara.

Dan ix-xogħol kien sar ġewwa l-istudju tiegħu li kien fi Strada Tonna f’Tas-Sliema. Dan ix-xogħol kien jikkonsisti fil-ħdim mill-ġdid tal-mantar ta’ San Pietru. Ir-raġuni li sar dan ix-xogħol, (skond kif kien qalli Apap) kienet, peress li l-iskultur Ferdinand Stufflesser li ħadem il-vara fl-1959, ħaseb li l-iskop li għalih saret il-vara, kien sabiex tinżamm għal sena sħiħa ġo niċċa, u mhux biex darba f’sena toħroġ f’purċissjoni.  Għalhekk hu kien ħadem il-mantar ta’ wara dahru sempliċi u kien jikkuntrasta sew mal-kumplament tal-libsa li hi ta’ stil Barokk massiv.

Barra minn hekk fuq l-ispalla l-leminija tal-vara, in-nies tar-raħal kienu jgħidu li San Pietru kellu ħotba, u għalhekk għadek sal-lum tisma’ lil min jgħid li x-xogħol sar għax San Pietru kien ħotbi. Pero skond ma qalli Apap dik ma kinetx ħotba, imma biċċa mil-panniċ (ġmieħ) tal-vara, li Apap bil-kapaċità li kellu għaraf kif irażżanha sabiex b’hekk id-dehra ta’ vara mill-faċċata ġiet isbaħ. Barra minn hekk Apap skolpa fl-aktar dettal il-mant kollu tal-vara, li jibda minn quddiem sidru, idur għal wara dahru u jibqa’ nieżel sa ħdejn saqajh.

B’hekk ħareġ dak il-mantar tant sabiħ li din il-vara tant hi magħrufa ghalih. Wara li tlesta dan ix-xogħol il-vara ttieħdet il-Belt għand l-induratur Pawlu Xuereb sabiex tiġi ndurata.

Jekk wieħed jifli bir-reqqa l-qaghda tal-mantar isib li l-panniċ idur mal-warrani kollu tal-vara u jispiċċa f’gozz żgħir maġenb is-sieq ix-xellugija tal-vara, wara l-ktajjen. Din is-sena fil-ġimgħa tal-festa nissuġerilkom sabiex tidħlu fil-knisja u taraw dan il-mant, għaliex dan jitgawda biss fil-ġimgħa tal- festa, peress li meta l-vara tkun fin-niċċa ma jkun jidher kważi xejn għajr l-ispalla tal-vara. Żgur li tagħtuni raġun jekk ngħidilkom li tibqgħu mistagħġbin bil-finezza mpekkabbli li ħallielna Apap. Qed ngħidilkom hekk għax fir-realtà x-xogħol jidher bil-wisq isbaħ minn meta tarah fuq ritratt.

Pero` minghajr ma rrid se jkolli naqa’ fuq ton negattiv. Dan għaliex xi snin ilu, waqt li konna qed innaddfu l-vara qabel il-ġimgħa tal-festa, sibna żewġ qasmiet żgħar fil-parti ta’ fuq tal-mant u li minn isfel ma jidhrux.  Hu fatt li ħadd ma jista’ jinnegah li l-vara għandha l-bżonn imminenti ta’ restawr u nduratura kompletament mill-ġdid. Dan l-appell ilu jingħad għal dawn l-aħħar 10 snin, pero’ sfortunatament dejjem waqa’ fuq widnejn torox. J’Alla li l-azzjoni li xi darba żgur trid tittieħed ma tiġix meħuda meta jkun tard wisq. Li kieku Ċensu Apap kellu jiġi u jara l-istat tal-biki li tinsab fih din il-vara, b’mod speċjali l-mant, żgur li ma kienx jibqa’ sieket mingħajr ma jlissen xi twiddiba.  Mhux biżżejed li ngħidu li għandna waħda mill-isbaħ vari ta’ Malta biex imbagħad tinsab fl-istat li hi. J’Alla li dan l-appell li qed nagħmel ikun l-aħħar appell minn sensiela ta’ appelli li diġà saru pero’ ma wasslu għal xejn.  Hi tassew ħasra!!!

 

Konklużjoni

Apap miet fil-15 ta’ Frar tas-sena 2003 u jinsab midfun fiċ-ċimiterju ta’ l-Addolorata.  Għalkemm Apap m’għadux magħna pero’ l-ispirtu tiegħu ikun fostna kull darba li l-vara f’Jum il-festa titulari toħrog mill-knisja fuq l-ispallejn ta’ wlied dan ir-raħal. Aħna l-Birżebbuġin għandna nqisu ruħna bħala ffurtunati, għat-tifkira sabiħa li għandna ta’ dan l-artist Malti ta’ fama mondjali, liema tifkira tinsab ma’ l-aktar ħaġa li hi marbuta ma’ qalbna, il-vara titulari ta’ San Pietru Appostlu.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: