Skip to content

IL-VARA TITULARI

 

‘F’Għeluq il-50 Sena mill-Miġja tal-vara Titulari ta’ San Pietru f’Birżebbuġa 1959-2009′
Kitba ta’ Conrad D’Amato
Feature mill-‘Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa’, f’Jum Birżebbuga 6-9-2009

 

Kitba ta’ Conrad D’Amato; narrazzjoni ta’ Anton Falzon, muntaġġ ta’ Emanuel Francalanza u direzzjoni ta’ Arthur Grima.
 

Fl-ewwel snin wara t-twaqqif tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa fl-1913, il-festa titulari kienet f’ġieħ Marija Addolorata u kienet issir fit-tielet Ħadd ta’ Settembru.  Il-vara titulari attribwita lill-istatwarju Senglean Karlu Darmanin, kienet waslet f’Birżebbuġa fl-1910, u giet irregalata mill-kanonku Dun Achille Refalo.  Mal-bini tal-knisja parrokkjali l-ġdida, fuq xewqa ta’ l-Isqof Mauro Caruana, fl-1937 inbidel it-titular tal-parroċċa, fejn giet iddedikata lil San Pietru.  L-ewwel vara titulari ta’ San Pietru saret fl-1947 u kienet ġiet irregalata minn Karmnu Axiaq.  Din il-vara ta’ l-injam ġiet imżanżna fil-festa titulari tal-1948 u baqgħet toħroġ fil-purċissjoni sas-sena 1958.  Illum il-ġurnata din il-vara tinsab fil-kor tal-knisja parrokkjali.  Fl-1958 il-kappillan Dun Ġużepp Minuti ġietu l-idea li jaħdem vara titulari ġdida li tkun ikbar u aktar artistika.  Għalhekk kien qabbad lill-kavallier Vincenzo Bonello sabiex jagħmel id-disinn preliminari għal din il-vara.  L-abbozz finali jgib il-firma tal-iskultur Taljan Ferdinand Stuflesser li aktar ‘il quddiem kellu jkun l-awtur waħdieni tagħha.  Dan id-disinn ġie nspirat mill-istatwa ta’ l-irħam li tifforma parti mis-sett ta’ appostli u evanġelisti li hemm fil-Bażilika ta’ San Giovanni in Laterano f’Ruma.  Wara diversi negozjati bejn il-kappillan Dun Ġużepp Minuti u l-iskultur Stufflesser, nhar is-16 ta’ Mejju tal-1958 ġiet ordnata l-vara permezz tad-ditta ‘Pio Anastasi & Co.’, li kienu l-aġenti f’Malta ta’ dan l-iskultur.  Il-vara nħadmet ġewwa l-Belt sabiħa ta’ Ortisei li tagħmel parti mill-provinċja ta’ Bolzano fin-naħa ta’ fuq tal-Italja.  Ix-xogħol fuq il-vara kien lest f’Ottubru tal-1958 filwaqt li l-pedestall, li nħadem fuq disinn ta’ Emilio Giusti minn Bormla, sar f’nofs is-sena ta’ wara.  Fl-irċevuta li l-iskultur għamel naraw li l-vara u l-pedestall kienu swew is-somma ta’ 296 lira Sterlina, u aktar tard l-iskultur kien ħareġ irċevuta oħra ta’ 50 lira sterlina oħra sabiex il-pedestall ġie ndurat bid-deheb.  Il-vara u l-pedestall kienu ġew ippakkjati ġo żewġ kaxxi separati tal-injam, u wara xi ġranet maqbuda fi strajk li kien sar fil-portijiet Taljani, il-vara ġiet mogħbbija fuq vapur bl-isem SS Lido li salpa mil-Port ta’ Genoa u nhar it-Tlieta 28 ta’ Lulju tal-1959 daħal il-Port il-Kbir.  Dakinhar stess iż-żewg kaxxi kienu twasslu sal-kappella tas-Sagra Familja fejn infetħu u b’hekk il-vara u l-pedestall ġew armati fuq il-bradella.  Tliet ijiem wara, nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju, hekk kif spiċċat il-funzjoni tat-tielet jum tat-Tridu, il-vara akkumpajnata mill-Banda San Pietru inġarret lejn il-knisja parrokkjali fost il-ferħ tal-parruċċani, li dakinhar ħonqu kull rokna tal-knisja sabiex jaraw din il-vara dieħla għall-ewwel darba fil-knisja tagħha.  Il-vara ħarġet għall-ewwel purċissjoni nhar il-Ħadd 2 ta’ Awwissu, fejn dakinhar ġiet milqugħa mill-Banda San Pietru li taħt id-direzzjoni tas-surmast tagħha, il-Professur Carmelo Żammit, laqgħeta bid-daqq ta’ l-innu Omaggio a San Pietro li kien inkiteb mill-istess surmast direttur propju għal din l-okkażjoni.

Tul is-snin il-vara sarilha ħafna tibdil kemm fid-dehra tagħha kif ukoll fil-mod ta’ kif tiġi armata fil-knisja.  Naraw li fil-bidu tas-snin 70 kien sar id-damask mal-kolonni ta’ fejn tiġi armata u aktar ‘il quddiem anke saru sett linef ġodda.  Pero’ l-ikbar intervent sar fl-1974, fejn f’dik is-sena l-vara titulari giet mehuda għand l-isklutur Ċensu Apap fl-istudju tiegħu ġewwa tas-Sliema fejn dan skolpa fl-iktar dettall il-mantar tant sabiħ li għandha din il-vara.  Wara, il-vara ittieħdet il-Belt Valletta fil-ħanut tax-xogħol ta’ l-induratur Pawlu Xuereb li jinsab fi Triq San Kristofru fejn dan indura l-vara bid-deheb.  Ir-ritorn tal-vara titulari lura lejn Birżebbuġa kien wieħed memorabbli għall-ahhar, fejn il-vara telqet mix-xatt ta’ Marsaxlokk u twasslet sal-moll tal-Bajja s-Sabiħa fuq lanċa tas-sajd, u wara nġarret fuq l-ispalla lura lejn il-knisja parrokkjali akkumpanjata mill-Banda San Pietru, fost il-ferħ tal-parruċċani.  Hekk kif il-vara twasslet fuq iz-zuntier tal-knisja, il-kappillan Dun Ġużepp Minuti bierek mill-ġdid il-vara qabel din reġgħet iddaħħlet lura fil-knisja isbaħ minn qatt qabel.  Il-kappillan Dun Ġużepp Minuti nistgħu nqisuh bħala l-personaġġ li ismu jibqa’ marbut għal dejjem ma din il-vara titulari, tant li ta’ kull sena kien jimxi magħha tul it-triq kollha tal-purċissjoni.

Fost l-iktar aspetti interessanti li wieħed jista’ japrezza f’din il-vara, wieħed ma jistax ma jinnutax id-dettall impressjonanti tal-wiċċ, li għadu intatt kif ħallieh l-iskultur Ferdinand Stuflesser meta ħadmu.  Mal-wiċċ wieħed jista’ jinnota s-sandli tal-fidda li ġie rregalat minn Carmelo Polidano, il-manetti tal-fidda li kienu ingħataw b’rigal mill-kumpanija Shell, l-imfietaħ tal-fidda li kienu ġew irregalati mir-reffiegħa tal-istess vara fl-1981 u li ħadu post dawk oriġinali.  Is-salib pettorali tad-deheb li kien tal-Kappillan Dun Anġ Fenech, id-dijadema, iċ-ċrieket li naraw f’idejh li jirrapreżentaw wegħdiet differenti, il-gastri u l-fjuretti tal-ganutell u l-bradella artistika li saret fl-1984 fi żmien il-kappillan Dun Pawl Buttiġieġ.  Barra minn hekk tajjeb insemmu n-niċċa li saret fl-1987 u li tul is-sena fiha tinżamm il-vara bil-bradella b’kollox.  Tajjeb insemmu li riċentament tul il-parrokat tal-kappillan preżenti, il-vara kompliet tiġi mogħnija b’donazzjonijiet u wegħdiet minn diversi individwi.  Fosthom insemmu  l-erba’ panewijiet tal-bronż ta’ mal-bradella, girlanda tal-ganutell mal-bażi tal-vara u lazz tad-deheb ġdid mas-salib pettorali.  Din is-sena, il-vara ġiet irregalata b’ċurkett li kien tal-Mons. Ġużeppi Minuti.

Il-vara titulari ta’ San Pietru meqjusa fost l-isbaħ li nsibu fi gżiritna, hija tifkira ħajja tal-kappillan Dun Ġużeppi Minuti u l-parruċċani tiegħu, tifkira li ta’ kull sena tisraq l-attenzjoni ta’ kull min iżur il-lokalita’ ta’ Birżebbuġa fil-festa titulari tagħha.

 
Dan il-feature ġie mtella’ mill-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuga A.D. 1993 b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali Birżebbuġa.  L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa A.D. 1993 jibagħtu r-ringrazzjament tagħhom lill-Kunsill tal-ispazju li ta’ kull sena joffrilhom biex jintwera dan il-feature multiviżiv.  Dan il-feature bit-titlu ”F’Għeluq il-50 Sena mill-Miġja tal-vara Titulari ta’ San Pietru f’Birżebbuġa 1959-2009″, intwera fil-pubbliku għall-ewwel darba nhar il-Ħadd 6 ta’ Settembru 2009, fit-Teatru l-Grieg li hemm fil-Bajja s-Sabiħa, f’serata imtellgħa annwalment mill-Kunsill Lokali, fl-okkażjoni ta’ ‘Jum Birżebbuġa’.  Dan il-feature imtella’ mill-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, għandu kitba ta’ Conrad D’Amato; narrazzjoni ta’ Anton Falzon, muntaġġ ta’ Emanuel Francalanza u direzzjoni ta’ Arthur Grima.  Ħajr speċjali lill-Familja Minuti u lil Ivan Żammit.
 
 
4 Comments leave one →
  1. Charles Abela permalink
    July 29, 2011 11:46 am

    Xi ġmiel ta’ statwa. Ara veru għandna biex niftaħru! Prosit lil min għamel dan il-feature: jiġifieri s-Sur Emanuel Francalanza, Arthur Grima, Conrad Damato u Anthony Falzon. Well done! Meta tara din il-vara u tisma’ dak l-Innu bilfors li toħroġlok demgħa minn għajnejk!

    • Emanuel Brincat permalink
      July 29, 2011 11:51 am

      Naqbel miegħek mija fil-mija. Għalkemm ftit jafu biha, din il-vara hija fost l-isbaħ f’Malta. Bla dubju ta’ xejn! Prosit lin-nies ta’ Birzebbuġa. Għandkom vara biex titkessħu biha. Ibzgħu għaliha. Intom in-nies ta’ Birzebbuga tridu tiehdu hsiebha ghax haddiehor jista’ jigi jaqa’ u jqum minnha. Keep it up nies!

      • Renaldo Attard permalink
        July 29, 2011 11:57 am

        Veru vara sabiħa. Dak il-wicc ta’ San Pietru imbagħad xi ħaġa impressjonanti. Kemm hawn uċuħ f’Malta ta’ qaddisin maskili? L-iktar wieħed li jogħġobni huwa dak ta’ San Pietru Appostlu ta’ Birzebbuġa. Naħseb li meta ġie biex jaħdem din il-vara Ferdinand Stuflesser kellu l-anġli tal-Mulej miegħu jgħidulu kif.

  2. nelson permalink
    August 7, 2011 7:45 pm

    il veru prosit u interesanti……grazzi

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: