Skip to content

Oscar Borġ (1908-1967): Organista fil-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa

 

Oscar Borġ (1908-1967): Organista fil-Knisja Parrokkjali
kitba ta’ Conrad D’Amato, Segretarju Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2006.

 


caption

 

Fil-knisja, il-mużika għandha rwol importanti ħafna, b’mod speċjali fil-festi liturġiċi li jiġu ċċelebrati fiha. Hi l-mużika li tindaqq li tagħti l-ħajja lill-funzjoni li tkun qed tiġi ċċelebrata, u iktar minn hekk hi tip ta’ mużika li tindaqq li tagħti dinjità lil dik il-funzjoni partikolari.  Fost l-ewwel mużiċisti li kellha l-parroċċa ta’ Birżebbuġa żgur li ma rridux ninsew lil Oscar Borg li għal ħafna snin kien l-organista fil-knisja parrokkjali.

Oscar twieled nhar l-10 ta’ Frar ta’ l-1908 ġewwa Ħal-Tarxien. Ta’ età żgħira mill-ewwel wera interess fl-arti mużikali, anke jekk din kienet sejħa li ħassha b’mod naturali, għall-fatt li ħadd mill-familja tiegħu ma kien midħla tal-mużika. Meta tfarfar daħal jaħdem it-Tarzna, fejn hemm beda karriera li wasslitu sabiex laħaq foreman fuq Il-pipe workers.  Fis-26 ta’ April ta’ l-1942 iżżewweġ lil Karmena nee Degabriele minn Birżebbuġa, fil-knisja parrokkjali ta’ San Pietru li f’dak iż-żmien kien għadu għaddej il-bini fuqha. Minn dan iż-żwieġ Oscar kellu disa’ ulied li huma: Marlene, Frans, Josephine, Kelina, Doris, Charlie, Ċensina, Victor u Rose.

Oscar mill-ewwel integra ruħu fil-komunità parrokkjali ta’ Birżebbuġa, tant li kien beda jdoqq l-armonju l-antik li f’dak iż-żmien kien jinżamm wara l-artal maġġur. Matul il-ġimgħa kienet issir quddiesa għall-erwieħ mejtin fil-ħamsa u nofs ta’ filgħodu, u tul dawn il-quddisiet, Oscar kien idoqq l-armonju u jkanta fl-istess ħin. Hawn jispikka talent ieħor li kellu Oscar, il-vuċi tiegħu, u għalhekk ma kontx sorpriż meta sirt naf li għal xi żmien kien anke wieħed mill-vuċijiet fl-orkestra tal-famuż Surmast Frankie Diacono li kien idoqq f’diversi festi madwar Malta. Nhar ta’ Ħadd kien dejjem idoqq fil-quddiesa kantata tad-disgħa ta’ filgħodu, u miegħu kien ikun hemm jakkumpanjawh Ġużi Francalanza, Toni Francalanza, Alizew Galea, Alfred Sestito u Alfred Cachia bħala vuċijiet, flimkien ma’ Ġużeppi Scerri li kien idoqq l-armonju. Meta l-Kappillan Dun Ġużepp Minuti ra t-talent li kellu Oscar, ħa ħsieb sabiex jixtri armonju ġdid sabiex b’hekk dan it-talent ikun iktar gawdut mill-parruċċani.  Oscar kien ukol ikkompona mużika li kienet tindaqq fil-festi liturġiċi fil-knisja parrokkjali.

F’dak iż-żmien iċ-ċelebrazzjonijiet interni tal-festa titulari kienu fil-glorja tagħhom, bil-mużika immortali tal-famuż kompożitur Carlo Diacono, u l-orkestra kienet tkun immexxija minn ibnu Frankie Diacono. Oscar kien ikun preżenti flimkien mal-kantanti u l-mużiċisti sabiex minn wara l-artal maġġur kienu jimlew il-knisja bil-vuċijiet sbieħ tagħhom. L-ikbar xewqa li kellu Oscar kienet li jifforma kor sabiex ikun jista’ jkanta fil-festi liturġiċi, anke f’dik titulari, pero’ sfortunatament din ix-xewqa sabiħa li kellu baqa’ ma qatagħha qatt. Barra minn hekk tajjeb li nsemmu li Oscar kien jieħu ħsieb il-mużika li kienet tindaqq fil-festa tal-Kunċizzjoni ġewwa Bengħajsa. Hawn Oscar flimkien ma’ sħabu kienu jkantaw minn ġos-sagristija li tinsab wara l-kappella. Barra minn hekk Oscar kien ukoll jagħti l-lezzjonijiet tal-mużika lil diversi tfal u żgħażagħ fid-dar tiegħu, f’numru 73, Triq id-Duluri. Kienu wħud minn dawn l-istess żgħażagħ li bdew l-ewwel movimenti sabiex fl-1957 ġiet imwaqqfa l-Banda San Pietru.

Ta’ missier li kien, Oscar kien jaħdem ħafna għall-familja, u biex trabbi familja ta’ disa’ ulied f’dawk iż-żminijiet ma kinitx faċli. Il-mużika kien iżommha bħala passatemp, pero’ permezz ta’ dan il-passatemp kien jagħti l-ħajja lill-funzjonijiet li kienu jiġu ċċelebrati fil-knisja parrokkjali. Passatemp ieħor li kellu Oscar kien is-sajd bil-qasba. Ta’ bniedem metikoluż li kien, kien iħobb iqatta’ sigħat twal jistad għall-kwiet max-xtajta ta’ Birżebbuġa.  Oscar miet fl-21 ta’ Lulju ta’ l-1967 fl-għomor ta’ 59 sena u jinsab midfun fiċ-ċimiterju ta’ l-Addolorata.  Għalkemm il-ħoss ta’ l-armonju li kien idoqq Oscar siket, (għax postu ħadu l-orgni ta’ l-elettriku), pero’ l-istess armonju għadu hemm fil-gallarija ta’ l-orgni, tifkira sabiħa ta’ dan il-personaġġ li dejjem fittex li jagħti pjaċir lil kull min jisimgħu, u iktar minn hekk li jagħti glorja lil Alla permezz tat-talent mużikali tiegħu.

 

 

Ħajr speċjali lis-Sur Frans Borg (iben Oscar), tas-sehem tiegħu f’din ir-riċerka.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: