Skip to content

Noti Awtobiografiċi minn Mons. Ġużeppi Minuti

 

Noti Awtobiografiċi minn Mons. Ġużeppi Minuti.
(F’Għeluq is-60 sena minn mindu ħa l-quddiesa)
kitba ta’ Mons. Ġużeppi Minuti
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2000.


caption

 

Twelidt f’Bormla fil-11 ta’ Mejju 1916 u tgħammidt fil-Kolleġġjata u Parroċċa ta’ l-Immakulata Konċezzjoni fl-14 ta’ Mejju 1916.

Għaddejt mill-iskejjel tal-kindergarten għand is-Sorijiet Franġiskani, tal-Gvern, il-Liceo, l-Università u s-Seminarju minn 3 snin sa 24 sena.

Iċċelebrajt l-ewwel Quddiesa Solenni fit-2 ta’ Ġunju 1940 fil-Kolleġjata ta’ Bormla fil-festa solenni tat-tifkira ta’ l-Inkoronazzjoni tal-Kwadru Titulari ta’ l-Immakulata Konċezzjoni.

Fl-10 ta’ Ġunju 1940 bdiet il-gwerra u filgħodu kmieni nxteħtu xi bombi mit-Taljani fuq Bormla.

Ħallejt Bormla mal-familja tiegħi. (Ommi u t-tfal, u missieri kien xogħol fit-Tarzna). Dakinhar stess morna ż-Żejtun bil-karozzin rifuġjati għand in-nanniet u z-zijiet.

Fiż-Żejtun bdejt naħdem xogħol pastorali bil-quddiesa u qrar ta’ kuljum.

Kont nieħu ħsieb tal-bdiewa ta’ Ħal-Tmiem (limiti taż-Żejtun) fil-kappella ta’ Santa Marija ta’ Ħal-Tmiem. Kont inqaddes filgħodu kmieni ħafna fil-Ħdud u l-Festi u xi drabi nhar ta’ xogħol ukoll, u anki xi drabi fil-kappella ta’ Sant’Antnin (limiti ta’ Wied il-Għajn).

Fl-istess żmien il-Patri Fizzjal tal-R.M.A. Fr. Ferriggi qabbadni miegħu biex ngħinu fil-quddies u qrar fil-fortizza tas-suldati u nhar ta’ Ħadd ġieli kelli nqaddes tliet darbiet, waħda f’Santa Marija u tnejn fil-fortizzi differenti ta’ San Nikola, Delimara, San Ġakbu u St. Peter. Kont immur mal-Patri bix-xaretta bil-pony jew bil-mutur. Rajt ħafna bombi neżlin u amministrajt il-Ġriżma lil xi suldati maqtulin.

Fl-1941 l-Isqof Emmanuel Galea għażilni bħala Kappillan tiegħu u kont inservi kuljum fil-bżonnijiet tiegħu u domt inservih sal-1949 filwaqt li kelli wkoll ix-xogħol li semmejt.

Fl-1942 dħalt ngħallem fis-Seminarju, li dak iż-żmien kien qiegħed fil-Ħamrun, u bqajt ngħallem sal-1944 meta l-Isqof Galea impjegani fil-Kurja ta’ l-Arċisqof.

Hawn dħalt għall-ewwel darba bħala kopista u wara sentejn l-Arċisqof Gonzi għażilni bħala Pro-Segretarju tiegħu, u bqajt naħdem hemm sal-1949.

Fl-1946 l-Arċisqof Gonzi bagħatni nissostitwixxi lill-Kappillan ta’ Ħal Kirkop Dun Mikiel Spiteri, u wara nofsinhar mill-Kurja kont immur bil-mixi miż-Żejtun u norqod hemm u domt ftit iktar minn xahar.

Fl-istess perjodu, bejn l-1944 u l-1946, kont immur Hal Tarxien biex inqaddes nhar ta’ Ħadd għax il-Kappillan ma kellux qassisin biżżejjed.

Fl-1948 l-Arċisqof bagħatni nissostitwixxi l-Kappillan ta’ Ħal Għaxaq għax kien marid u domt xahrejn nieħu ħsieb in-nies ta’ Ħal Għaxaq.

Fl-1949 l-Arċisqof Gonzi ħajjarni nersaq għall-eżami ta’ Kanonku Penitenzier f’Bormla u wara li għaddejt fil-15 ta’ April 1949 irċevejt in-nomina ta’ Kanonku Penitenzier mid-Doteria Apostolica tal-Vatikan u f’Mejju ħadt il-pussess ta’ Kanonku Penitenzier f’Bormla.

F’Bormla domt sa Diċembru 1949, meta tajt l-eżami għall-parrokat ta’ Ħal Balzan. Mill-eżami għaddejt u f’Jannar ta’ 1950 ħadt il-pussess ta’ Kappillan ta’ Ħal Balzan. Domt naħdem f’Ħal Balzan sa Settembru 1954.

Meta ivvaka l-parrokat ta’ Birżebbuġa bir-rinunzja ta’ Dun Mikiel Spiteri, ħareġ il-konkors għall-eżami.  Tajt l-eżami u għaddejt u rċevejt in-nomina ta’ Kappillan ta’ Birżebbuġa fit-2 ta’ Ottubru 1954. Ħdimt ħafna bil-qalb f’Birżebbuġa u għamilt ħafna xogħlijiet ta’ bżonn u domt 24 sena, sas-sena 1978.

Fis-7 ta’ Novembru 1973 l-Arċisqof Gonzi ħatarni bħala Kanonku Onorarju tal-Kolleġġjata ta’ Bormla.

Fit-28 t’Awwissu 1978 l-Arċisqof Mercieca bagħatli n-nomina ta’ Kanonku Kordinatur ta’ Mons. Antonio Cilia, u għalhekk irrinunzjajt għall-Parroċċa biex naqdi d-doveri tiegħi ta’ Monsinjur tal-Kattidral – pero l-Isqof għamilni Vigarju Ekomeniku ta’ Birżebbuġa sakemm jinħatar Kappillan ġdid.  Imbagħad wara li sar il-Kappillan Frendo jiena ħallejt għal kollox il-Parroċċa fil-21 ta’ Settembru 1978.

Wara l-mewt ta’ Mons. Antonio Cilia, l-Arċisqof, f’Awwissu 1979 ħatarni bħala Kanonku Effettiv tal-Katidral, bdejt naħdem fil-Kurja bħala Church Property Manager u domt ħames snin sa l-1983.

Imbagħad dħalt fil-Kunsill ta’ l-Amministrazzjoni tal-Katidral bħala membru sakemm miet l-Amministratur Dun Pawl Said, u b’digriet ta’ l-Arċisqof ġejt magħżul bħala Segretarju Amministrattiv fl-1985 u bdejt naħdem ta’ Amministratur tal-Beni tal-Kattidral sa Novembru 1993 meta ġrali l-inċident bil-karozza tal-linja.

Sofrejt ħafna operazzjonijiet u domt sentejn sa l-1995 nikkura ruħi fl-isptarijiet, l-ewwel fl-I.T.U. imbagħad fil-ward ta’ l-isptar St. Lukes, u fl-isptar Żammit Clapp u fil-London Bridge Hospital ta’ Londra, u fl-1996 erġajt ħadt saħħti u komplejt bix-xogħol ta’ għajnuna pastorali lill-Kappillan u l-Kleru ta’ Birżebbuġa, u kuljum nieħu ħsieb il-quddiesa tas-Sorijet tal-Karità ta’ Birżebbuġa.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: