Skip to content

L-Ewwel Kwadru Titulari

 

“L-Ewwel Kwadru Titulari”
Mija u għaxar snin ilu: Il-Kanonku S. Penza jirregala lill-Knisja ta’ Birżebbuġa, inkwadru tal-Madonna tad-Duluri.
kitba u riċerka ta’ Michael Balzia.
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2003.

 


caption

 

Mija u għaxar snin ilu: Il-Kanonku S. Penza jirregala lill-Knisja ta’ Birżebbuġa, inkwadru tal-Madonna tad-Duluri.

Fil-25 ta’ Marzu, 1893 (1), inżammet għall-ewwel darba f’Birżebbuġa l-“Via Matris” (2) bis-sehem ta’Don Saverio Mamo, rettur tal-Knisja ta’ Birżebbuġa, il-Kanonku Don Giovanni Bonnici, is-Sur Luigi Cafiero li dderieġa kor ta’ tfal u l-villeġġjant il-Kanonku Mons. Spir Penza li s-sena l-oħra, fil-fuljett tal-Festa, ġibna l-ħajja kif ukoll ħidmietu għall-poplu ta’ Birżebbuġa, artiklu miktub mill-Kanonku Jos. Bonello (3).

Għal din l-okkażjoni, il-Kanonku Penza rregala lill-Knisja ta’ Birżebbuġa (il-Kappella tas-Sagra Familja (4) ta’ Triq iż-Żurrieq), inkwadru magħmul biż-żejt fuq it-tila (49 pulzier u nofs bi 62 pulzier u nofs) wara li ppreżenta rikors fil-Kurja nhar is-6 ta’April, 1893, lill-Isqof Mons. Pietro Pace, sabiex tkun tista’ tintrebaħ indulġenza ta’ erbgħin jum għal min jgħid “Salve Regina” quddiemu (5). Id-digriet li kien iffirmat 5 t’ijiem wara, fil-Kurja ma jinstabx għaliex l-oriġinali jinstab fl-Arkivju tal-Parroċċa fid-dokument imsejjaħ ‘Ab Anno 1893, Ricorsi, Contratti, Diversi Docum’.  Fl-indiċi tar-Rikorsi tal-Kurja hemm biss nota: “Rito in originale dal ricorrente” (6).

Meta twaqqfet il-Kappella tad-Duluri fl-1907, dan l-inkwadru sab ruħu bħala l-ewwel inkwadru titulari tal-parroċċa. Għamel bosta żmien f’din il-kappella sakemm it-titular ewlieni illum jinstab fis-sagristija wara li kien sarlu intervent ta’ restawr.  Il-pittur ta’ dan l-inkwadru, li juri l-Madonna Addolorata ħdejn il-parti t’isfel tas-salib, bil-Bambin mejjet fi ħdanha u anġlu jikkonfortaha, mhux magħruf.

 

Referenzi:

  1. Malta, 4 di aprile, 1893. Mhux paġnata. L-istess ġurnal kien ħabbar din l-attività f’żewġ okkażjonijiet separati kemm nhar l-24 ta’ Frar 1893 taħt it-titlu “Festività Via Matris a Birzebbugia”, kif ukoll fil-ħarġa tal-21 ta’ Marzu, intitolata “Nuova festa a Birzebbugia”.
  2. Din id-devozzjoni Marjana hija qrib ħafna dik tal-“Via Sagra”, iżda fiha wieħed jikkontempla s-seba’ duluri tal-Madonna minflok l-erbatax-il stazzjoni li wieħed isib fil-“Via Crucis (Via Sagra). Mercati – Pelzer Dizionario Ecclesiastico, Vol III (P-Z), p. 1311.
  3. BIRŻEBBUĠA – Ħarġa Speċjali tal-Festa 2002 – Nru. 158, p.p. 19-23.
  4. Din il-kappella mibnija mis-saċerdot Dottor Antonio Albanese flimkien ma’ l-arkitett L. Ovidio Doublet fl-1865 kienet isservi bħala l-kappella viċendarja għall-inħawi ta’ Birżebbuġa qabel ma nbniet dik tad-Duluri mill-istess Kanonku Penza fl-1907. Fil-Viżta Pastorali li għamel l-Isqof Pietro Pace nhar l-4 ta’ Novembru, 1897, huwa kien amar sabiex fiha jibda jinżamm iż-Żejt tal-Morda. Waqt intervista li saret lil Ġorġ Abdilla fis-sena 1988 u mxandra fil-Fuljett Speċjali li kien ħareġ f’dik is-sena għall-okkażjoni tal-25 sena tal-Parroċċa, Ġorġ jġħid li twieled f’Birżebbuġa u tgħammed f’din il-Kappella minn Dun Saver. L-att tal-Magħmudija jinsab fl-Arkivju Parrokkjali tal-Parroċċa tal-Gudja.
  5. Arkivju Parrokkjali Birżebbuġa: Ab Anno 1893, Ricorsi, Contratti, Divesi Docum. Mhux paġnat.
  6. Arkivju Arċiveskovili Malta: Supplkhe 1889-94 (Indiċi).

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: