Skip to content

L-Artal Maġġur ta’ Birżebbuġa jagħlaq 50 Sena

 

L-Artal Maġġur Jagħlaq 50 Sena
kitba u riċerka ta’ Conrad D’Amato f’isem L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa.
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2005.

 


caption

 

Introduzzjoni

Ħamsin sena ilu fil-parroċċa tagħna kien għadu kif tlesta proġett ambizzjuż ħafna. Dan kien l-artal maġġur li llum isebbaħ lil dan it-tempju. Dan il-proġett li kien mifrux fuq perjodu ta’ madwar tliet snin, kien ġie varat mill-kappillan Dun Mikiel Spiteri u inawgurat fi żmien il-kappillan Dun Ġużepp Minuti.

 

L-Artal l-antik

L-artal li kien hemm qabel, dari kien fil-knisja l-antika tad-Duluri.  Dan kien inġieb flimkien ma’ xi affarijiet oħra meta l-parroċċa ġiet trasferita mill-knisja l-antika għall-knisja l-ġdida ta’ San Pietru fl-1938. L-artal ma kienx tpoġġa eżatt fejn hemm l-artal il-maġġur illum, pero’ iktar ‘il ġewwa, taħt il-ħnejja ta’ l-arzella li hemm fil-kor tal-knisja.  Dan ma kienx tpoġġa bi żball, pero’ kien tpoġġa skond kif jitlob l-istil Sikolu Normann li bih hi mibnija din il-knisja. L-artal kien tal-irħam, u sfortunatament ma nafux la meta sar u lanqas min ħadmu, għalkemm fl-arkivju tal-knisja hemm disinn ta’ artal jixbħu ħafna.  Dan l-artal għadu merfugħ fil-bini tal-knisja għalkemm b’xi partijiet minnu neqsin.

 

Kif nibtet l-idea li jsir artal ġdid?

Nhar is-7 ta’ April tal-1952, kien intemm l-itwal parrokat li s’issa kellha Birżebbuġa, dak tal-kappillan Dun Anġ Fenech li dam kappillan għal 28 sena sħaħ. Tul dan il-parrokat twil, dan il-kappillan bil-għajnuna tal-parruċċani ta’ dak iż-żmien kien bena l-knisja parrokkjali ta’ San Pietru. (ara programm tal-festa 2001). Warajh Dun Mikiel Spiteri sar it-tielet kappillan ta’ Birżebbuġa, u ħa l-pussess nhar il-15 ta’ Ġunju 1952.  Nistgħu nimmaġinaw lil dan il-kappillan jidħol għall-ewwel darba fil-knisja bħala kappillan tagħha, u jara knisja fil-veru sens tal-kelma, ġebel u saqaf, nieqsa minn dak kollu li hu bżonnjuż.  Żgur li kellu programm ta’ proġetti li xtaq iwettaq tul il-parrokat tiegħu, u ħass li kellu jibda mill-artal peress li dak li kien hemm kien sempliċi wisq u ma kien jixraq xejn ma’ l-istil tal-knisja. Pero’ ħadd, inkluż il-kappillan innifsu, ma bassar li dan il-parrokat kellu jkun wieħed mill-iqsar parrokati li kellha din il-parroċċa. Wara sentejn f’Birżebbuġa, f’Novembru ta’ l-1954, Dun Mikiel Spiteri laħaq Arċipriet fil-parroċċa ta’ raħal twelidu, ż-Żejtun. Il-kura ta’ din il-parroċċa wiritha Dun Ġużepp Minuti li ħa l-pussess ta’ kappillan fil-21 ta’ Novembru ta’ l-1954. Dan, min-naħa tiegħu, kompla fuq dak li ħalla l-kappillan Spiteri u tul l-24 sena li dam jamministra lil din il-parroċċa sa’ l-1978, rama din il-knisja b’dak kollu li llum isebbaħha.

 

L-Artal il-Ġdid

Fl-1954, il-kappillan Dun Mikiel Spiteri kien ikkummissjona lill-kavallier Vincenzo Bonello sabiex jiddisinnja artal. Ta’ dan ix-xogħol, nhar it-8 ta’ Novembru ta’ l-1955 tħallas is-somma ta’ LM25 mingħand il-kappillan Dun Ġużepp Minuti. Dan l-artal ġie ordnat mill-Kappillan Spiteri għand id-ditta ta’ l-irħam Armando Battelli ta’ Pietrasanta l-Italja, permezz ta’ l-aġent V. Anastasi & Co. L-irċevuta uffiċċjali tiegħu li ġġib id-data tat-28 ta’ Frar ta’ l-1955, turi li l-artal ġie jiswa LM1,780, li kienet somma ġmielha għal dak iż-żmien! Dan minbarra spejjeż oħra li jinkludu l-vjaġġ bil-vapur, garanziji, tqegħid tiegħu fil-post, u spejjeż oħra. Ġie ippakkjat f’diversi kaxxi ta’ l-injam u beda l-vjaġġ tiegħu minn Livorno għall-Port il-Kbir fuq il-vapur S.S Lido, (l-istess vapur li fl-1959 inġiebet fuqu l-vara titulari ta’ San Pietru).

Sadanittant l-artal l-antik ġie żarmat sabiex jagħmel il-wisa’ għall-artal il-ġdid. Ġie deċiż li dan l-artal jintrama’ iktar ‘il quddiem, sabiex fil-post fejn kien hemm l-artal l-antik, issir tribuna b’erba; kolonni kbar ta’ l-irħam; u fuqha ssir statwa ta’ San Pietru ta’ l-irħam li tikkumplimenta ma’ dan l-artal. Pero’ meta dan l-artal tpoġġa f’postu, il-kappillan Minuti ra li l-ispiża għal din it-tribuna kienet waħda kbira, l-aktar meta kien għad fadal madwar LM300 x’jinġabru għall-artal, u għall-fatt li kien hemm proġetti iktar importanti minn din it-tribuna xi jsiru bħall-paviment ta’ l-irħam, il-qniepen u oħrajn. Għalhekk il-kappillan Minuti ġieh il-ħsieb li sakemm jagħmel it-tribuna, il-vara titulari l-antika jpoġġiha taħt l-arzella fil-kor tal-knisja, u jordna vara titulari ġdida, liema vara saret fl-1959.  Sfortunatament din it-tribuna baqgħet qatt ma saret bil-konsegwenza li l-kor tal-knisja għadu vojt.

Sabiex dan l-artal jitpoġġa f’postu kien meħtieġ li l-presbiterju jinfirex minn mal-pilastri ta’ l-arkata sal-kolonni ta’ quddiem l-arkata. Għalhekk wara appell li kien sar mill-kappillan Minuti, ħafna rġiel voluntiera kienu ħadmu sabiex jimlew bil-ġebel l-ispazju meħtieġ għall-presbiterju l-ġdid. Inzerta li fil-Qrendi kien qed jitpoġġa l-paviment ta’ l-irħam fil-knisja parrokkjali mill-marmista Taljan E. Lombardi. Il-kappillan Minuti fiss kien avviċinah u dan aċċetta li jpoġġi l-artal f’postu bi ħlas ta’ LM33.

 

L-Artal fid-dettall

L-istil ta’ dan l-artal hu wieħed romanesk, li jikkumplimenta ħafna ma’ l-istil tal-knisja. Jekk wieħed jiflih fid-dettall jibqa’ mpressjonat bl-iskultura ferm fina u dettaljata li fih.  Il-preġju tiegħu huma l-mużajċi bl-emblemi figurattivi tal-ħajja ta’ San Pietru, u l-erba’ simboli ta’ l-evanġelisti li d-dettall tagħhom hi xi ħaġa ta’ l-għaġeb. L-ewwel tabernaklu kien tal-bronż u nħadem fil-post fejn inħadem l-artal. Fl-1963 dan il-tabernaklu ġie maqlugħ u mqiegħed fuq l-artal tal-kurċifiss. Floku ġie maħdum tabernaklu ġdid tal-fidda b’partijiet skulturati, ndurati bid-deheb u mżejjen b’ħaġar prezzjuż, djamanti, avorju, qroll u lapis-lazuli, li sewa s-somma ta’ LM700 miġbura minn diversi benefatturi. Ix-xogħol tal-fidda u nduratura sar għand id-ditta F. Cassar & Sons ta’ Bormla, u x-xogħol prezzjuż ta’ l-ornamenti sar għand id-ditta Giov. Ascione ta’ Torre del Greco, viċin Napli.

 

Imbagħad il-kappillan kompla dan il-proġett billi għamel Battisteru ta’ l-irħam tassew sabiħ, u l-paviment ta’ l-irħam mal-knisja kollha. Wara l-konċilju Vatikan it-tieni (1962- 1965), inħadem l-artal mejda ta’ l-injam li sfortunatament ma jikkumplimenta xejn ma’ l-artal. Hawn tajjeb li ngħidu li minn wara dan il-konċilju ma baqgħux jinħadmu artali bħal dan, minħabba li s-saċerdot beda jqaddes iħares lejn il-pubbliku.

Nistedinkom sabiex l-ewwel darba li tidħlu fil-knisja tmorru tammiraw dan l-artal, u tapprezzaw ir-rigal sabiħ li ħallewlna missirijietna 50 sena ilu, fuq kollox il-post fejn tul il-ġurnata kollha tinżamm il-preżenza ta’ Ġesu fl-Ewkaristija.

 

 

Referenzi:

  • (A)rkivju (P)arrokkjali (B)irżebbuġa – Marmo, File 23 – (file fuq ix-xogħol kollu ta’ l-irħam fil-knisja.)

  • APP – Ricevi Chiesa Erigenda (1950-1970)

  • APP – Lavori in lengo. Vol. 2

  • APP – Fuljett Speqali tal-festa.  Ħarġa numbru 69 Lulju-Awissu l985.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: