Skip to content

Kappellel f’Birżebbuġa

 

Kappellel f’Birżebbuġa.
kitba ta’ Awtur mhux indikat.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2001.

 

stampa

caption

 

Kunċizzjoni ta’ Bengħisa.

Din il-kappella nbniet f’Bengħisa fl-1823 minn Dun Giacomo Gauci miż-Żurrieq wara talba li saret lill-Isqof Ferdinano Mattei fit-8 ta’ Marzu u milqugħa fil-25 ta’ April, 1823.  L-istess Isqof wara talba oħra mill-fundatur, b’digriet tat-22 ta’Ottubru, 1823, għamel il-kappella ġuspatronat. Il-kappella nbniet minn Mastru Frenċ Callus.

Mibnija mill-ġdid u mkabbra bejn is-snin 186l-62 min-neputi tal-fundatur, Dun Ġużepp Gauci, il-kappella tbierket b’mod sollenni mill-Isqof Fra Gaetano Pace Forno fil-15 ta’ Frar, 1862. Ix-xogħol tal-bini tmexxa minn Mastru Ġużeppi Callus. Fost ir-retturi li ħadu ħsieb din il-kappella nsibu lil Mons. Pietru Pawl Saydon li għal 30 sena stinka sabiex jaqleb il-Bibbja għall-Malti.  Illum il-kappella tinsab f’idejn l-amministratur tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa.

 

Sant’Anġlu Martri

Din il-kappella, illum imwaqqa’ b’ħidmet l-għadu fl-aħhar gwerra, kienet tinsab fir-raħal antik ta’ Ħal Far quddiem Wied Żnuber. Mibnija min-Nobbli Vallettan Vincenzo Viani, wara li nhar it-2 ta’ Jannar, 1702 l-Isqof Davide Cocco Palmeri laqa’ t-talba tal-fundatur, il-kappella tbierket u nfetħet għall-pubbliku minn Dun Ġakbu Dudingh fil-11 t’Ottubru ta’ l-istess sena. L-ewwel rettur kien Don Angelo Viani, iben il-fundatur. Fost l-artijiet li kellha sabiex minnhom setgħu jitħallsu kemm ir-rettur kif ukoll jsir l-ewwel Għasar u Quddiesa Kantata, f’Lejlet u nhar il-festa (5 ta’ Mejju), kien hemm dik ta’ ‘docchiena’, art fejn illum hemm mibnija l-Knisja Parrokkjali.

Nhar id-29 ta’ Jannar, 1704, għand in-nutar G.F. d’ Albrazzo saret fondazzjoni li fiha, għall-ewwel darba, il-kappella ngħatat it-titlu ta’ abbazzija. Il-kappella Sant’Anġlu ta’ Ħal Far kienet ġus-patronat tal-familja u tintiret mill-ewwel tifel tal-linja dixxendenti ta’ iben il-kbir tal-fundatur, Isidore.

 

Il-Kappella Għajnuna ta’ l-Insara

Il-Kappella Għajnuna ta’ l-Insara nbniet wara rikors magħmul mid-Duttur tal-Liġi Matteo Cachia (Castagna) milqugħ mill-Isqof Francesco Saverio Caruana fit-2 ta’ Settembru 1833.   II-kappillan taż-Żejtun,  Don Bartolomeo Sant kien irrikmanda l-bini ta’ din il-kappella f’dawn l-inħawi għas-sajjieda u gabillotti. II-kappella tbierket mill-Vigarju Ġenerali, Don Salvatore Lanzon fl-14 ta’ Mejju, 1834. Hija ġus-patronali u hemm diversi fondazzjonijiet ta’ quddies imħollija kemm mill-fundatur. Ħafna mill-abiti sagri li jinsabu fis-sagristija nħadmu mill-armla tal-fundatur, Marianna Żammit.  Fl-1953, f’għeluq il-120 sena mit-tlugħ tagħha saru festi kbar. Fis-sena ta’ wara, is-Sena Marjana saru xi festi fuq skala iżgħar.

Il-kwadru titulari tpitter minn A. Falzon u jixbaħ xi ftit kemm il-Madonna ta’ Sassoferrato kif ukoll l-istatwa tal-ġebel li tinsab quddiemha. Hija għandha artal wieħed tal-ġebel. Fatt kurjuż fuq din il-kappella huwa li din inbniet qabel dik ta’ San Ġwann Bosco ta’ Turin (1862-1866).

 

Sagra Familja

Fuq l-isem ta’ Sagra Familja, kemm Achille Ferris kif ukoll Pietru Pawl Castagna ma jaqblux. Huma jsostnu li din il-kappella hija ddedikata lil Sant’Anna.  Pero’ fit-talba tagħhom lill-Isqof tad-Djoċesi Fra Gaetano Pace Forno, il-Perit-fundatur Luigi Odivdio Doublett u s-saċerdot Dottor Antonio Albanese, urew ix-xewqa li din tkun ġus-patronat imsemmija għas-Sagra Familja. Fit-2 ta’ Ġunju, 1865 l-Isqof ħareg id-digriet wara rakkomandazzjoni mill-kappillan tal-Gudja Don Giovanni Battista Żammit.

L-ewwel ġebla tqiegħdet nhar l-Imnarja 1865.  Spiċċawha fl-istess sena u tbierket fl-24 ta’ Settembru 1865 mill-Kanonku Teżorier, Dr D. Tommaso Agius Caruana.  Inċidentalment, fuq il-kwadru ewlieni tal-kappella, fuq in-naħa tax-xellug (in-naħa t’isfel) hemm impittra l-arma tal-kunjomijiet Agius-Caruana. Hija għandha altar wieħed tal-ġebel.
L-ewwel rettur tagħha kien l-istess ko-fundatur, Don Antonio Albanese. L-aħħar wieħed kien Don Antonio Gaffiero mill-Imsida. Huwa laħaq fid-29 ta’ Novembru, 1919.

 

Id-Duluri

Mill-kappelli kollha li jeżistu f’Birżebbuġa, din hi l-iktar importanti għaliex għal xi żmien serviet bħala l-ewwel knisja parrokkjali. Din il-kappella, xejn għajr remissa tas-Sur Paolo Attard Montalto mill-Isla kienet tinsab wara l-lukanda ta’ Saverio D’Ambrosio. Hija nfetħet nhar l-14 ta’ Awissu, 1907 mill-Kanonku Bormliż Spiridione Penza.

Nhar l-1 ta’ Ottubru, 1907, Mons. Penza u s-Sur Attard Montalto ftehmu għand in-Nutar Francesco Camilleri li Penza kellu jħallas £4-10s fis-sena bħala ċens.  Biex ikabbar il-kappella, Mons. Penza, nhar l-1 ta’ Settembru 1909, quddiem in-Nutar Francesco G. Schembri, ftiehem mas-sid, is-Sinjur Attard Montalto li jokkupa żewġ remissi oħra qrib. Fl-14 ta’ Ottubru ,1912, skond l-Atti tan-Nutar Enrico Saydon tħallsu l-aħħar pagamenti biex inxtraw it-tliet remissi f’daqqa għas-somma ta’ £332.

Matul is-sitt snin sakemm twaqqfet parroċċa nhar id-9 ta’ Settembru, 1913, il-Kappella tad-Duluri sarulha diversi alterazzjonijiet. Fl-10 ta’ Ottubru, 1909, fuq pjanta ta’ Salv Sacco minn Bormla, inbdiet il-faċċata li spiċċawha f’Jannar tas-sena ta’ wara.  L-ewwel kappillan tal-Parroċċa ta’ Birżebbuġa kien il-Kanonku Carmelo Bugelli.
Meta nbniet it-tieni parroċċa msemmija għal San Pietru, din il-kappella għamlet xi żmien magħluqa sakemm fl-1947 ingħatat lis-Soċjetà tal-Mużew (Maskili).

 

Il-Kappella ta’ San Ġużepp

Il-Kappella ta’ San Ġużepp f’Birżebbuġa nbniet mill-kaptan tal-Kumpannija tal-Furjana fil-Milizzja Nazzjonali, Emmanuele Vincenzo Żammit wara li l-Papa Piju IX għamel lil dan il-qaddis patrun universali tal-Knisja Kattolika.

Din il-kappella gotika tbierket mill-Vigarju Generali Mons. Kanonku Kotni Carmelo Scicluna nhar is-27 ta’ Lulju, 1871. L-istess fundatur kiseb id-dritt li jagħmel festa esterna tal-patrun San Ġużepp fir-raba’ Ħadd ta’ Awissu ta’ kull sena.  Meta l-Isqof Mons. Pace Forno żar din il-kappella nhar l-14 ta’ Novembru, 1879 sab li din kienet ġuspatronat ta’ l-armla Maria Theresa Cachia Żammit.
Peress li din il-kappella nżammet magħluqa għaż-żewġ visti pastorali li kien għamel Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi fl-1947 u fl-1956 rispettivament, l-istess arċisqof f’ittra li bagħat lill-kappillan tal-parroċċa nhar it-13 ta’ Awissu, 1956, hu ordna lill-istess kappillan sabiex jinforma lis-sid li din kienet issa ġiet ipprofanata.

L-artal waħdieni ta’ din il-kappella huwa magħmul mill-irħam abjad fil-waqt li l-kwadru titulari li juri lil San Ġużepp iżomm lill-Bambin huwa tal-pittur magħruf Giuseppe Cali.
 

Nota:  Żewġ kappelli oħra li nsibu f ‘Birżebbuġa huma dik ta’ San Gorġ Martri u qabel ma nbena l-Freeport kien hemm dik ta’ ‘Our Lady Star of the Sea’ (Stella Maris).

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: