Skip to content

It-Tużell u l-Ġirandola ta’ Birżebbuġa jiċċelebraw l-Anniversarji

 

It-Tużell u l-Ġirandola Jiċċelebraw l-Anniversarji
kitba ta’ Conrad D’Amato f’isem L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2004.

 


caption

 

Fi żmien il-Kappillan Dun Ġużepp Minuti (1954-1978), fil-knisja parrokkjali ta’ Birżebbuġa saru diversi opri li sal-lum il-ġurnata għadhom isebbhu dan it-tempju l-aktar fil-ġranet tal-festa titulari. Fost dawn l-opri nsemmu t-tużell tal-festa u l-ġilandra tal-kwaranturi.  Dawn kienu nxtraw flimkien ma’ xi affarijiet oħra mill-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex fl-1964 (40 sena ilu).

 

It-Tużell

It-tużell ferm sabiħ li naraw armat fuq l-altar maġġur fil-ġranet tal-festa nħadem fl-1924 (80 sena ilu) minn Mastru Mikiel Farrugia (magħruf bħala Tas-Seba’ Soldi) mir-Rabat Għawdex fuq disinn tiegħu stess.

Inħadem fil-ħanut tax-xogħol tiegħu li kien fi Triq il-Karità (illum Triq Mons. Arċipriet Alfons Marija Hili).  Dan Mikiel barra li kien skultur kien ukoll surmast magħruf f’Għawdex. Infatti hu kien surmast tal-Banda San Ġużepp ta’ Għajnsielem u tal-Banda Victory tax-Xagħra. Kien ukoll solista mal-Banda La Stella tar-Rabat Għawdex.

Dan it-tużell hu maħdum fuq stil barokk, sintendi kif kien jixraq lill-Bażilika Għawdxija.  Is-sopraporti ta’ mad-dawra fihom xogħol ferm fin u dettaljat ta’ skultura.  Fuq quddiem naraw skolpit il-ħaruf li jissimbolizza l-isem u d-Demm ta’ Kristu (il-festa ta’ Corpus Cristi).  Fuq wara tat-tużell naraw skolpita l-arma tal-martirju ta’ San Ġorġ.   Kien hemm xi żmien meta din l-arma kienet se tiġi modifikata sabiex tiġi tirrappreżenta l-martirju ta’ San Pietru.   Pero’ kienet ġiet mehuda deċiżjoni li l-arma tibqa’ kif skolpiha Mastru Mikiel Farrugia fl-1924, sabiex b’hekk tibqa’ tifkira ħajja ta’ l-oriġini ta’ dan it-tużell.

Dan it-tużell meta kien għadu Għawdex kien jintrama il-ġranet tal-kwaranturi biss, jiġifieri fil-ġranet ta’ bejn Corpus u l-festa tal-Qalb ta’ Ġesu. Mhux magħruf kemm sewa flus sabiex inħadem lanqas kemm kienet xtratu l-parroċċa ta’ Birżebbuġa, pero’ xi nies anzjani fosthom il-mibki Monsinjur Dun Ġużepp Minuti kienu jsemmu s-somma ta’ madwar 700 lira li ma kinitx somma żgħira għal dak iż-żmien.

 

Il-Ġilandra

Wara li tlesta t-tużell, in-nies tal-Belt Victoria ħadu ħsieb sabiex jagħmlu ġilandra li tkun tixraqlu.  Din saret fl-1929 (75 sena ilu) fuq disinn tal-magħruf Abram Gatt minn Bormla.  Mhux magħruf l-iskultur li ħadimha pero’ jista’ jkun li nħadmet minn Mikiel Farrugia wkoll.

Abram Gatt twieled fl-4 ta’ Ottubru ta’ l-1863 minn Ġużeppi u Reġina xebba Cassar, u miet fit-28 ta’ Marzu 1944 fid-dar tiegħu f’numru 39, Triq San Ġużepp, Ħaż-Żebbuġ (60 sena ilu). Kien ħaddiem it-tarzna u kien disinjatur tajjeb u mfittex ħafna fi żmienu. L-opri li ddisinja jinsabu mxerrdin ma’ Malta u Għawdex kollha.

Din il-ġilandra meta kienet għadha fil-Bażilika ta’ San Ġorġ kienet tintrama fil-kwaranturi u fil-ġranet tal-Milied. Illum il-ġurnata f’Birżebbuġa narawha armata ta’ kull sena fil-festa ta’ Corpus u tibqa’ armata tul il-kwaranturi sal-festa tal-Qalb ta’ Ġesu. Bħat-tużell hi maħduma fuq stil barokk u fiha ħafna xoghol dettaljat ta’ skultura. L-istellarju kbir ta’ warajha jkompli jagħmel din il-ġilandra iktar maestuża u timla l-altar meta jkun armat b’24 gandlier fil-ġranet tal-kwaranturi. Dawn iż-żewġ opri sbieħ u artistiċi saru fi żmien l-Arċipriet Alfons Marija Hili benefattur kbir tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, li kif diġà rajna t-triq fejn inħadem it-tużell ġiet imsemmija għalih.

 

 Kif Sabu Ruħhom Birżebbuġa?

Meta l-Arċipretali ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Bażilika, kien hemm xi opri li ma setghux jibqgħu jintramaw. Eżempju post it-tużell ħaditu dik it-tribuna ferm sabiħa li naraw illum, li hi replika tat-tribuna li hemm fil-Vatikan.  Għalhekk kienet ġiet meħuda deċiżjoni li dawn l-affarijiet jinbiegħu lill-parroċċi oħra f’Malta u Għawdex. Meta l-Kappillan Minuti sema’ bl-aħbar mill-ewwel interessa ruħu. Peress li f’Birżebbuġa ma kienx hawn tużell l-ewwel li pprova jixtri kien it-tużell li kien jintrama fil-festa titulari ta’ San Ġorġ, pero’ dan kien diġà nħataf mill-parroċċa ta’ San Lawrenz il-Birgu.  Kien fadal it-tużell l-ieħor (li qed nitkellmu dwaru), pero’ kienu diversi l-parroċċi li xtaqu jixtru dan it-tużell, fosthom iż-Żrieraq li xtaqu dan it-tużell sabiex jibqa’ jintrama fil-kwaranturi. Għalhekk il-Kappillan Minuti ma ħeliex żmien; tela’ minnufih Għawdex u ta kelma lill-Prokuratur tal-Bażilika Mons. Anton Grech Vella li hu kien se jixtri t-tużell tal-kwaranturi, il-ġilandra u xi affarijiet oħra.

Pero’ l-kappillan ma kellux flus biżżejjed sabiex jixtri dawn l-opri, għalhekk hu kien avviċina lis-Sur Pawl Mifsud (minn tar-Raxxin) u talbu sabiex jisilfu s-somma meħtieġa għal dan il-għan, li dan min-naħa tiegħu mill-ewwel laqa’ l-istedina tal-kappillan. Mat-tużell u l-ġilandra kienu nxtraw tużell ieħor ta’ kuljum (li għadu qatt ma ntrama), ġilandra oħra li tintrama fil-festa tar-Rużarju, sett ta’ sitt appostli li jintramaw fil-festa titulari fuq l-altar maġġur u sett gandlieri li jintramaw fuq l-altar tar-Rużarju. Dawn kienu nġiebu fuq trakk tas-Sur Fredu Schembri (id-Dubbu) f’Novembru ta’ l-1964.

Qabel nagħlaq nixtieq insellem il-memorja tal-Kanonku Dun Nikol Vella Apap mir-Rabat Għawdex li miet madwar sentejn ilu, u li kien strumentali fir-riċerka li l-Għaqda tagħna għamlet fuq dawn l-opri.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: