Skip to content

Intervista mas-Sur Ġorġ Abdilla, ta’ 88 Sena

 

Intervista mas-Sur Ġorġ Abdilla, ta’ 88 Sena
kitba u riċerka ta’ Awtur Mhux Indikat
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 1988.

 

caption

 

Tgħidilna ftit fejn twelidt u tgħammidt?

Jien twelidt Birżebbuġa u ġejt mgħammed hawnhekk ukoll.  Iżda billi dak iż-żmien Birżebbuġa ma kinetx parroċċa, kellhom iġibu lill-Kappillan tal-Gudja jgħammidni hawn.  Għalhekk, iċ-ċertifikat tal-Magħmudija rrid inġibu mill-Gudja.  Tgħammidt fil-Kappella tas-Sagra Familja li tinsab f’Żurrieq Road.  Il-kappillan ma nafx min kien, pero’ lil ommi nismagħha tgħid li kien hawn ċertu Dun Saver mis-Siġġiewi.

 

Fejn kont tattendi skola u duttrina f’dak iż-żmien?

Ta’ ħames snin bdejt nattendi l-iskola, iżda billi hawnhekk ma kienx hawn skola, kont immur Ħal-Għaxaq u domt immur ħames snin u nofs.  Hekk kif niġu lura mill-iskola, konna mmorru fil-Kappella ta’ San Ġorġ, fejn kien jiġi wieħed miż-Żejtun jgħallimna d-duttrina.  Imbagħad, Dun Karm Bugelli, li kien għadu mhux kappillan, kien jiġi jgħallimna d-duttrina fil-Kappella tad-Duluri.

 

Tgħidilna xi ħaġa dwar fejn għamilt l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma ta’ l-lsqof?

L-Ewwel Tqarbina għamiltha fil-Knisja tad-Duluri.  Il-Griżma ta’ l-lsqof dari ma kinetx issir bħal-lum.  L-lsqof kien jiġi għand familja, kunjomhom “Asphar”, pero` ma kenux ikunu jafu l-ġurnata eżatta.  Għadni niftakar li l-libsa li għamluli lanqas kienet lesta għal kollox u kelli nilbisha bil-labar.  Suppost, bħala parrinu kellu jiġi z-ziju minn Bormla, iżda billi ma kellux ċans jiġi, ommi talbet liċ-“Chief Writer” tad-Depot.  Dan qalilha li jaċċetta bil-qalb kollha u, fil-fatt, hu kien il-parrinu tiegħi.

 

X’taf tgħidilna rigward il-Kappella tad-Duluri u l-festa li kienet issir f’Settembru?

ll-quddies f’din il-kappella kien isir kuljum fil-ħamsa ta’ filgħodu u nhar ta’ Ħadd, fil-ħamsa u fis-sebgħa.  Niftakar, fil-festa konna nerfgħu fl-istatwa tmienja min-nies – anke jien ġieli rfajt fiha.  Iżda kien il-kappillan li jiddeċiedi x’għandu jsir.  Din il-purċissjoni kienet issir kif suppost, bil-fratelli u l-banda.

 

Naħseb li tiftakar il-bidu tal-Knisja parrokkjali l-ġdida.  X’taf tgħidilna dwarha?

ll-post magħżul għall-bini tal-knisja l-ġdida kien il-Brolli, in-naħa ta’ fejn kien hemm razzett magħruf bħala “Tal-Plajtier” – għax hemmhekk kollu raba’ kien.  Kienet inqalgħet ftit tal-polemika meta ġiet biex titqiegħed l-ewwel ġebla.  ll-knisja parrokkjali kienet iddedikata lid-Duluri u meta ġew biex jibnu l-ġdida, sirna nafu li se jiddedikawha lil San Pietru.  Mhux kulħadd ħa gost b’din il-bidla.  Meta l-ġurnata tat-tqeghid ta’ l-ewwel ġebla waslet, id-29 ta’ Awissu 1926, dawk li kienu kontra, telgħu fuq borġ ġebel (n-naħa ta’ fejn illum hemm il-Kunvent tas-Sorijiet, wara l-Knisja) iħarsu lejna.  Niftakar li l-Kappillan, Dun Anġ Fenech, kien għajjat lili u lil Ġużeppi Camilleri tal-MUSEUM u hekk kif ġie l-lsqof Dom Mauro Caruana, ħadna nsellmulu.  Niftakar il-kappillan jgħidlu: “Eċċellenza, dawn ‘ir-right hand u l-left hand tiegħi”.  “Prosit, ħej”, qallu l-lsqof.  “Nifirħilkom, mela oqogħdu wieħed ’l hawn u l-ieħor ‘l hemm”.  Kif morna fuq il-post imħejji għall-funzjoni kien hemm min beda jwarrab.  Imma ma kien inqala’ xejn – ħadu fastidju biss.  Niftakar lill-lsqof ibierek il-pedamenti tal-Knisja li kienu ġa tlestew, imbagħad il-perit Joseph Terreni newwillu kazzola bit-tajn u wara li qiegħed pergamena b’kitba bil-Latin u medalji u xi flus, l-lsqof kaħħal il-ġebla u qiegħdha f’postha.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: