Skip to content

Intervista ma’ Dun Ġorġ Żammit, l-ewwel Saċerdot minn Birżebbuġa

 

Intervista ma’ Dun Ġorġ Żammit, l-ewwel Saċerdot minn Birżebbuġa
kitba u riċerka ta’ Awtur Mhux Indikat
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 1988.

 


caption

 

Dun Ġorġ, x’tifkiriet għandek ta’ Birżebbuġa fi tfulitek?

Twelidt fl-1924, 64 sena ilu!  Iż-żmien ta’ tfuliti kien iż-żmien ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.  Dak iż-żmien Birżebbuġa kienet għadha prinċipalment post ta’ villeġġjatura.  ll-biċċa l-kbira tad-djar kienu jkunu vojta għal disa’ xhur mis-sena u l-ftit tfal li konna noqogħdu Birżebbuġa s-sena kollha, konna nafu sew lil xulxin.  Kien hemm skola waħda għas-subien u l-bniet bi klassi waħda għal kull sena.  U billi konna nibqgħu flimkien għal seba’ snin minn Stage One sa’ Standard Five konna qisna familja waħda.  Kważi fit-toroq kollha kien hemm partijiet (plots jew għelieqi sħaħ) għadhom mhux mibnija u niftakarni nilgħab ġo fihom mal-ftit tfal ta’ l-istess eta’ tiegħi li konna noqogħdu fl-istess blokka bini.

 

Meta, u kif ħassejt il-vokazzjoni għas-saċerdozju?

Jien ma niftakarx meta ħassejt il-vokazzjoni u lanqas kif.  Iz-zijiet u ommi kienu jgħiduli li minn mindu bdejt nitkellem kont dejjem ngħid li rrid insir qassis.  Ma għandi ebda ideja li ġie xi perjodu f’ħajti li ma kontx konvint li Alla jridni nsir qassis; pero` meta bdejt nikber bdejt nifhem li t-tweġiba għas-sejħa t’Alla mhix iva ta’ darba, imma iva għas-siegħat twal ta’ studju anki meta ma jkollokx aptit tistudja, iva għal konsegwenzi taċ-ċelibat, iva għall-ubbidjenza lejn l-lsqof, iva għad-dedikazzjoni totali u kontinwa għal Alla u għall-proxxmu.  Biex nieħu dawn id-deċiżjonijiet għinuni ħafna l-kuntatti tiegħi mas-Soċjeta’ tal-MUSEUM u man-nies qaddisin bħal Dun Ġorġ Preca u Dun Anton Vella tas-Siġġiewi.

 

Nixtieqek issa tgħidli xi ħaġa dwar il-jum ta’ l-Ordinazzjoni tiegħek?

L-Ordinazzjoni tiegħi kienet fit-2 ta’ April, 1949.  Ġejt ordnat saċerdot mill-Arċisqof Gonzi fil-Konkattidral ta’ San Ġwann.  Konna grupp ta’ 25, minnhom 20 saċerdoti djoċesani u 5 patrijiet. (Minn dan il-grupp mietu 6 R.I.P.)  ll-ferħ li tħoss fil-jum ta’ l-Ordinazzjoni u ta’ l-ewwel ġranet ma tinsieh qatt!  L-ewwel quddiesa solenni għamiltha fl-Għid il-Kbir.  ll-parrinijiet kienu iz-ziju, George Schembri, u l-Professur Pietru Pawl Saydon.  Għall-okkażjoni s-Surmast Ġużeppi Scerri kien ikkompona l-mużika għall-quddiesa.  ll-paniġierku għamlu Dun Anton Camilleri MSSP li kien kuġin t’ommi.  Qabel il-quddiesa solenni kien sar riċeviment f’sala li kienet tintuża għat-teatrini f’Żurrieq Road.  ll-banda taż-Żurrieq akkumpanjatni b’marċ sal-knisja.  Meta wasalna quddiem l-Azzjoni Kattolika, il-parrinu tal-Griżma tiegħi, Michael Vella, ippreżentali kalċi f’isem il-poplu ta’ Birżebbuġa.

 

Dun Ġorġ, wara li sirt saċerdot, fejn għamilt l-ewwel ħidmiet pastorali tiegħek?

Malli sirt saċerdot l-Arċisqof talabni nibda ngħallem is-Seminarju.  Fil-ġurnata libera mis-Seminarju kont immur f’St.Michael’s School, l-iskola tal-MUSEUM ngħallem u nagħmel ix-xogħol ta’ Direttur Spiritwali.  Xogħol pastorali ieħor kont nagħmlu f’Birżebbbuġa u fl-oqsma tal-MUSEUM tas-subien u tal-bniet f’Malta kollha.  Dan ix-xogħol bqajt nagħmlu għal 13-il sena sakemm fl-1962 mort il-Brazil.

 

Ftit taż-żmien wara, inti tlaqt minn Malta biex tmur il-missjoni fejn domt għal ħafna snin.  X’taf tgħidli dwar din l-esperjenza?

Il-Brażil domt seba’ snin (1962 – 1969).  Kont ili nisma’ bin-nuqqas kbir ta’ saċerdoti fil-Brazil u bdejt inħoss is-sejħa għall-missjoni tikber fija.  Sena qabel kienet mietet ommi u dik is-sena Birżebbuġa kellha x-xorti li tara tliet saċerdoti ġodda u għalhekk jiena ħassejt li kienet okkażjoni sabiħa biex immur il-Brazil.  Fil-Brazil il-maġġoranza kbira tas-saċerdoti huma barranin.  Minħabba n-numru żgħir ta’ qassisin il-parroċci huma enormi, speċjalment fiż-żoni tal-kampanja u hemm ħafna każi ta’ saċerdot wieħed li jieħu ħsieb ta’ ħafna parroċċi f’daqqa.  Hemm naħat fil-Brazil fejn hemm saċerdot wieħed għal kull 40,000 Kattoliku!  Il-Brazil kont għal qalbi ħafna iżda sfortunatament kont nimrad sikwit b’mard allerġiku u fl-aħħar kelli nitlaq.  Wara vaganzi f’Malta fl-1969 mort nagħmel xogħol pastorali fid-Djoċesi ta’ Brooklyn, New York, fl-Amerika fejn bqajt sal-1981.  It-tnejn kienu esperjenzi sbieħ u immaturawni ħafna.

 

Issa li erġajt tinsab lura Malta, x’inhi l-ħidma tiegħek hawn fostna?

Lura Malta mill-1981 sal-1983 kont Viċi-Rettur tas-Seminarju Maġġuri f’Tal-Virtu`, ir-Rabat.  Mill-1983 sal-1986 kont kappillan tal-parroċċa ta’ l-lngliżi f’Malta kollha.  FI-1986 irtirajt u mort il-Brazil għal 4 xhur.  Bħalissa x-xogħol tiegħi pastorali hu fiż-żona ta’ Bir-id-Deheb fil-knisja tal-Madonna tal-Ħniena.  Minn Ottubru tal-1987 ‘l hawn qiegħed ukoll ngħallem fis-Seminarju u issa sejjer nagħmel esperjenza pastorali fil-Libja.

 

Fl-aħħarnett, nixtieqek tgħidli kif taħsibha dwar il-Parroċċa ta’ Birżebbuġa, minn meta tiftakarha int sa llum, meta qegħdin niċċelebraw il-75 sena mit-twaqqif tagħha?

Għalkemm ma noqgħodx Birżebbuga l-kuntatti tiegħi ma’ pajjiż twelidi ma jaqtgħu qatt speċjalment billi ħuti u l-biċċa l-kbira tan-neputijiet joqogħdu Birżebbuġa.  Sikwit ikolli okkażjoni nipparteċipa f’servizzi reliġjużi u attivitajiet oħra tal-parroċċa.  Minn mindu kont żgħir sal-lum il-parroċċa ta’ Birżebbuġa kienet ixxurtjata u mbierka bil-kappillani u l-qassisin li kellha li lkoll ħadmu biex il-parroċċa jkollha knisja sabiħa u komunita’ magħquda fil-fidi u fl-imħabba, b’numru kbir ta’ lajċi li jieħdu l-fidi tagħhom u l-ħajja reliġjuża tagħhom bl-ikbar serjeta` u jinvolvu ruħhom b’dedikazzjoni ġeneruża fl-attivjtajiet organiżżati mill-Kunsill Parrokkjali.  Imqar jekk taqra fuljett jew programm ta’ festa tinduna mill-ewwel li Birżebbuġa hija mimlija ħajja.  J’Alla l-Mulej ikompli jberikha u jqaddisha.  Amen.

 

Grazzi ħafna Dun Ġorġ.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: