Skip to content

Inkwadri Titulari fil-Kappelli Tagħna

 

Inkwadri Titulari fil-Kappelli Tagħna
kitba ta’ Michael Balzia.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2003.

 

stampa

caption

 

San Gorġ Martri

Sfond Storiku

Il-Kappella nbniet kważi mill-ġdid min-Nobbli Gregorio Bonici fl-1683. Fis-sena 1625, Palmerus Montana kien għamel xi tiswijiet meħtieġa. Bdiet terġa’ tintuża mis-sena 1907 wara li tbierket mill-Isqof Spiridione Polomeni.

 

Storja ta’ l-Inkwadru

Fit-22 ta’ April,1659, l-Isqof Miguel Balaguer de Camarasa ddikjaraha profanata u ordna li l-kwadru titulari jittieħed fil-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun, li taħtu kienet taqa’.  Fir-Rapport tal-Vista Pastorali ta’ l-Isqof Davide Cocco Palmieri (1685-1687), hemm imniżżel li l-inkwadru kien antik ħafna.  F’dik tal-Vista Pastorali ta’ l-Isqof Giacomo Cannaves (1717), hemm miktub li l-inkwadru titulari b’San Gorġ riekeb fuq żiemel sar fl-1713.  F’Manuskritt li jinstab fil-Bibljoteka Nazzjonali, Valletta (Libr. 422), jinsab miktub li dan sar minn Bartolomeo Garagona bi flus Luciano Tolossenti.

 

Sinjali Partikulari

Kopja ta’ dik ta’ Mattia Preti li tinsab fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta.

 

Qisien

78 pulzier għoli b’55 pulzier wiesa’ b’elissi ta’ pied għoli.  Magħmula mit-tila u ngastata fi gwarniċ tal-ġebel.

 


 

 

Sant’Anġlu Martri

 Sfond Storiku

Inbniet fl-1702 min-Nobbli Vincenzo Viani mill-Belt Valletta u twaqqgħet b’ħidmet l-għadu fi żmien l-aħħar Gwerra Dinjija (1940-43).

 

Deskrizzjoni ta’ l-Inkwadru

Peress li l-inkwadru titulari ma jinstabx, id-deskrizzjoni tiegħu tinsab fil-“Visitatio” ta’ l-Isqof Davide Cocco Palmieri (1709 – Arkivju tal-Kurja, Floriana, Vol. XXVIII) li jgħid li fin-naħa ta’ fuq kien hemm impittra il-Kunċizzjoni, fin-nofs Sant’Anġlu, Martri Karmelitan (1220 w.k.) fil-waqt li fin-naħa t’isfel San Sidor, Isqof u Konfessur u San Vinċenz Ferreri, Konfessur.  Għal xi żmien, f’din il-pittura kien hemm ix-xbieha tal-fundatur Vincenzo, ħaġa li l-istess Isqof aċċetta li ssir minħabba l-età tiegħu (46 sena) u li kellha titħassar għal kollox wara l-mewt tieghu.  L-Inkwadru titulari fi gwarniċ tal-ġebel kien jinstab taħt skultura f’forma ta’ ħamiema, tirrappreżenta l-Ispirtu s-Santu (Visitatio Alpheran de Bussan – 1728-29, Vol.XXXII).

 


 

 

Immakulata Kunċizzjoni

 

Sfond Storiku

Inbniet fl-1823 minn Dun Ġakbu Gauci miż-Żurrieq u tkabbret min-neputi tal-fundatur, Dun Ġużepp Gauci fl-186l-1862.

 

Qisien

57 pulzier u nofs għoli u 54 pulzier wiesa’.

 

Sinjali Partikulari

Hemm min jaħseb li dan l-inkwadru kien it-titular ta’ l-ewwel kappella u jidher li fin-naħa t’isfel tiegħu kienet żdiedet biċċa oħra ma’ dik li kien diġa’ hemm.  L-Inkwadru huwa magħmul mit-tila u huwa ingastat fi gwarniċ tal-ġebel.  Pittur mhux magħruf.

 


 

 

 Madonna Għajnuna ta’ l-Insara 

 

Sfond Storiku

Inbniet fl-1833 minn Dr Matteo Cachia (Castagna) u hija ġus-patronali.  Ħafna mill-abiti sagri nħadmu mill-armla tal-fundatur, Marianna, xebba Żammit.

 

Qisien

33 pulzier wiesa’ bi 43 pulzier u tlett kwarti għoli.

 

Sinjali partikulari

Fit-tarf tal-komma ta’ l-id ix-xellugija tal-Madonna, hemm l-inizzjali tal-pittur (Antonio Falzon) kif ukoll id-data 1834.  Quddiem il-Kappella (Auxilium Christianorum) tinsab statwa tal-ġebel li hija kopja eżatt tal-kwardu u li ngħatat indulġenza fl-1861 mill-Isqof Gaetano Pace Forno.

 

Il-Pittur

Antonio Falzon twieled fil-Furjana fl-1805 u kien alliev ta’ Giuseppe Hyzler u ta’ Tommaso Minardi f’Ruma. Huwa miet fl-1865.

 

Inċiżjoni

Fl-1833, Giovanni Farrugia pinġa u għamel inċiżjoni fuq dik tal-pittur Sassoferrato li kien ħa l-idea ta’ Raffaello Sanzio. Taħt din hemm miktub “Thronus Meus in Columna Nubis”. (It-tron tiegħi fil-kolonna tas-sħab).

 


 

 

San Ġużepp

 

Sfond Storiku

Din il-kappella nbniet fl-1871 minn Emmanuele Vincentius Żammit wara li l-Papa Piju IX għamel lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali. Illum tinsab ipprofonata.

 

L-Inkwadru

Fin-nuqqas ta’ l-inkwadru, il-‘Tortafoglio Maltese” tal-31 ta’ Marzu, 1871 jagħti deskrizzjoni tiegħu fejn Giuseppe Cali li kien fil-bidu tal-karriera brillanti tiegħu jingħata eloġju għal kif irnexxielu jpinġi kemm lil San Ġużepp kif ukoll lil Bambin b’mod vivaċi:- “Quanto riguarda il merito artistico diciamo, che il dipinto e` una novità nel nostro paese. Dignitoso e’ l’atteggiamento del Santo – esso ispira devozione ed amore. La testa e’ qualche cosa di artistico.  II Bambino – di forme divine – occupa maestrevolmente il luogo in cui e’ sito. II colorito di tutto il Quadro senza essere chiassoso, e’ vivavissimo.  Certi colpi di pennello qua e la’ sono di grande pregio di lavoro”.  L-inkwadru jirrappreżenta lil San Ġużepp joffri rigali lil Bambin. Il-pittura hija ffirmata.  Jingħad li Cali pinġa x-xbieha tal-Bambin fuq it-tifel tiegħu stess waqt li uża wieħed mill-gabillotti li kien jħallas il-qbiela għandu bħala San Ġużepp.

 

Il-Pittur

Giuseppe Cali twieled fil-Belt Valletta nhar l-14 ta’ Awissu, 1846.  Fl-1871, iżżewweġ lil Perigina Pace u kellu 10 ulied.  Ta’ sbatax-il sena mar Napli fejn studja fl-“Accademia di Belle Arti” taħt il-pittur neo-klassiku Giuseppe Mancinelli. Hemmhekk għamel ħbieb ma’ Domenico Morelli, li kien esponent tan-Naturaliżmu.  Dawn iż-żewġ pitturi influwenzawh fix-xogħol tiegħu l-aktar f’dak bikri.  Cali miet fil-Belt nhar l-1 ta’ Marzu 1930.  Huwa kien ukoll skultur, litografu u pittur tal-minjatura kif ukoll ritrattista.

 


 

 

Sagra Familja

 

Sfond Storiku

Il-Kappella tas-Sagra Familja nbniet mis-saċerdot Dottor Antonio Albanese u l-perit Luigi Ovidio Doublett fis-sena 1865. Għamlet xi żmien bħala s-sede tal-Knisja ta’ Birżebbuġa qabel ma l-Kanonku Spiridione Penza fetaħ dik tad-Duluri fl-1907. L-ewwel rettur tagħha kien l-istess ko-fundatur waqt li l-aħħar wieħed kien Don Antonio Gaffiero mill-Imsida li laħaq nhar id-29 ta’ Novembru, 1919.

 

Qisien

63 pulzier bi 45 pulzier u nofs.

 

Sinjali Partikulari

Fuq in-naħa t’isfel tax-xellug ta’ l-inkwadru meta wieħed iħares lejh mill-faċċata, jinsab skudett b’żewġ armi magħqudin tal-kunjomijiet Agius u Caruana.  Inċidentalment, fl-24 ta’ Settembru 1865, il-Kappella tbierket mill-Kanonku Teżorier, Dr D. Tommaso Agius-Caruana.  Il-Pittura magħmula fuq it-tila tinsab ingastata fi gwarniċun tal-ġebel.

 

Il-Pittur mhux magħruf

 


 

 

 

Duluri ta’ Marija Santissima

 

 

Sfond Storiku

Infetħet mill-Kanonku Spiridione Penza fl-1907.  Fl-10 ta’ Ottubru, 1909, fuq pjanta ta’ Salv Sacco minn Bormla, inbniet il-faċċata. Nhar id-9 ta’ Settembru, 1913, saret l-ewwel Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa bl-ewwel kappillan Dun Karm Bugelli.  Fl-1947, ingħatat lis-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M., Sezzjoni Maskili.

 

Storja ta’ l-Inkwadru

Dan l-inkwadru kien irregalat lill-Knisja ta’ Birżebbuġa mill-‘Kanonku Spiridione Penza wara li fil-25 ta’ Marzu 1893 inżammet għall-ewwel darba fir-raħal il-“Via Matris”.  Nhar is-6 ta’ April 1893, Penza ppreżenta rikors fil-Kurja lill-Isqof Mons. Pietro Pace, sabiex tkun tista’ tintrebaħ indulġenza ta’ 40 jum għal min jgħid “Salve Regina” quddiemu.  Meta infetħet il-Kappella tad-Duluri fl-1907, ir-rigal ta’ Penza sar l-inkwadru titulari ewlieni tal-parroċċa.  L-inkwadru tad-Duluri magħmul miż-żejt fuq it-tila, illum jinstab fis-Sagristija tax-xellug tal-Parroċċa (in-naħa tal-Kunvent tas-Sorijiet).  Floku, fl-istess kappella, fuq l-altar uniku, għal xi żmien kien hemm kurċifiss ta’ daqs normali tal-kartapesta.  Żewġ statwi li jirrapreżentaw lid-Duluri u San Ġwann ta’ l-istess qies żdiedu aktar tard.

 

Qisien

49 pulzier u nofs għoli bi 62 pulzier u nofs wiesa’.

 

Il-Pittur mhux magħruf.

 


 

 

Stella Maris f’Kalafrana

 

Sfond Storiku

Din l-ispeċi ta’ kappella kienet tinsab ħdejn is-“South Slip” f’Kalafrana u għaddiet f’idejn l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi mill-Gvern Malti fl-1972, wara l-iffirmar tal-ftehim ġdid bejn Malta u l-Ingilterra, liema ftehim kien iffirmat nhar is-26 ta’ Marzu, 1972. Iċ-ċwievet kienu ppreżentati lill-Arċisqof Gonzi mill-Ministru tal-Bini Pubbliku u Xogħlijiet, l-Onor. Lorry Sant, nhar l-14 ta’Lulju, 1972. Ħadd ma jaf fuq il-bidu tagħha.

 

It-Titular

Bħalma wieħed jista’ josserva, l-altar ma kellux Inkwadru Titulari iżda kurċifiss imwaħħal ma’ panew. Ir-ritratt ittieħed fl-1961.

 


 

 

Ħajr lil:

Rev. Nikola Pace, Kappillan.

Dr Alexander Cachia Zammit u s-Sinjura tiegħu.

Is-Sur Jason Blake.

Is-Sur Ġużeppi Schembri.

Is-Sinjura Margaret Demajo u l-familja White.

Staff tal-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta, Valletta.

Staff ta’ l-Arkivju Nazzjonali, Rabat, Malta.

Il-Kanċillier Mons. C. Zammit, il-Viċi-Kanċillier Kan. Jos. Bonello u l-Istaff tal-Kanċellerija tal-Kurja ta’ l-Arċisqof, Floriana.

 

One Comment leave one →
  1. PHILIPPE AGIUS permalink
    May 18, 2012 7:34 pm

    sNIN ILU JIENA KONT TAJT U GHAMILT PITTURA TA KRISTU MSALLAB F KAPPELLA ZGHIRA, AKTARX DIN TWAQQET..KIEN STIL MODERN..
    JIENA L ARTIST PHILIPPE AGIUS …NIXTIEQ INKUN NAF FEJN QWEGHDA DIN IL PITTURA LI JIENA GHAMILT

    THANKS

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: