Skip to content

Il-Vara ta’ San Ġużepp ta’ Birżebbuġa tagħlaq 40 sena

 

Il-Vara ta’ San Ġużepp tagħlaq 40 sena.
kitba ta’ Conrad D’Amato.
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2001.

 

caption

 

Waħda mill-isbaħ opri li nsibu fil-knisja parrokkjali, hi l-istatwa klassika tal-Patriarka San Ġużepp, maħduma fl-injam mill-iskultur Taljan Ferdinand Stuflesser fl-1961. Sabiex infakkru għeluq l-40 sena minn meta nħadmet u waslet fostna din il-vara, xieraq li nagħtu ftit tagħrif dwar ir-rabta li dan il-qaddis għandu ma’ raħalna.

 

Id-ditta Ferdinand Stuflesser

Din id-ditta tinsab fin-naħa ta’ fuq ta’ l-Italja, preċiżament f’Ortisei fil-provinċja ta’ Bolzano. Ġiet imwaqqfa fl-1875 minn Ferdinand Stuflesser (1855-1926). In-negozju tkompla minn ibnu Johann Stuflesser( 1883-1958). Johann kellu tifel li ssemma għal nannuh jiġifieri Ferdinand.  Kien proprju dan Ferdinand Stuflesser (1914-1998) li ħadem diversi xogħlijiet li nsibu fil-knisja tagħna. Illum il-ġurnata n-negozju jinsab fir-raba’ ġenerazzjoni tiegħu, u jinsab immexxi minn iben dan l-iskultur li wkoll jismu Ferdinand.  Fil-knisja tagħna nsibu diversi opri ta l-injam li nħadmu minn dan l-iskultur u li saru kollha fi żmien il-kappillan Dun Ġużepp Minuti (illum Monsinjur).

Fl-1957 dan l-iskultur kien ħadem sett tal-14-il stazzjon tal-Via Sagra. Dan is-sett tal-Via Sagra tant intghoġob li fl-1959 il-Kappillan Minuti ordna l-famuża vara titulari ta’ San Pietru kompluta bil-pedestall.  Din il-vara waslet Malta fit-28 ta’ Lulju ta’ l-1959 fuq vapor bl-isemS.SLido. Il-Kappillan Minuti ma waqafx hawn, u ftit wara ordna vara oħra din id-darba tal-Madonna tar-Rużarju, liema vara waslet Malta fit-13 ta’ Jannar ta’ l-1960 fuq vapur bl-isem S.S Coleiro. Wara dan kollu kien imiss li ssir vara oħra, din id-darba ta’ San Ġużepp.

 

Vara ta’ San Ġużepp

Meta wieħed jiġi biex jitkellem fuq il-vara ta’ San Ġużepp, isib storja ferm interessanti. L-ewwel ittra li nsibu fl-arkivju tal-knisja ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu ta’ l-1959, fejn l-iskultur kiteb lill-kappillan u spjegalu fil-qosor kif kellu f’moħħu li jagħmel il-vara ta’ San Ġużepp.  Fil-21 ta’ Settembru ta’ l-1960 il-Kappillan Minuti ordna l-vara u l-pedestall ta’ San Ġużepp, u x-xogħol kellu jkun lest f’Marzu tas-sena ta’ wara.

Fis-27 ta’ April ta’ l-1961 il-kappillan irċieva telegramma mingħand l-iskultur, fejn permezz tagħha ġie mgħarraf li x-xogħol fuq il-vara ta’ San Ġużepp kien lest.

Pero’ meta l-kappillan ra xi ritratti tal-vara li l-iskultur kien bagħatlu, dan xtaq xi tibdiliet fiha. It-tibdiliet li saru kienu jikkonsistu fil-ħdim mill-ġdid tas-sħaba li tinsab taħt iż-żewġ statwi, wiċċ San Ġużepp inżebagħ mill-ġdid biex b’hekk ġie jidher ftit ikbar fl-età milli kien, u l-ispalla u d-drigħ tal-lemin ta’ San Ġużepp inqatgħu. u ħarġu ‘1 barra lejn il-lemin bi tliet pulzieri.

Din il-vara inkluż id-dazju swiet is-somma ta’ 487 lira li 40 lira minnhom tħallsu mill-Kappillan Minuti u 60 lira tħallsu mill-Kanonku Dun Rikardu Attard. Din il-vara waslet Malta fl-20 ta’ Ottubru 1961 fuq vapur bl-isem S.S Citta` Di Messina.

Bhal-leħħa ta’ berqa, l-aħbar li f’Birżebbuġa kienet waslet vara mill-isbaħ ta’ San Ġużepp ġriet ma’ Malta kollha, tant li ħafna nies minn diversi rħula ġew jarawha u kulħadd baqa’ mistagħġeb bix-xogħol kolossali li fiha.  Fost dawn in-nies kien ġie jaraha l-Arċisqof Gonzi.  Meta ra l-isbuħija indeskrivibbli ta’ din il-vara kien wera x-xewqa mal-Kappillan Minuti li jieħu din il-vara għall-parroċċa tal-Kalkara. Għall-grazzja ta’ Alla llum il-ġurnata din il-vara artistika tinsab miżmuma b’għożża kbira fil-knisja tagħna.

 

Il-vara fid-dettal

Din il-vara klassika, li hi magħmula minn zokk wieħed, tirrapreżenta lil San Ġużepp bħala l-missier putattiv ta’ Ġesu. Din il-vara li hi waħda barokka turi lil San Ġużepp bilwieqfa fuq sħaba b’ħarstu ‘l isfel, b’idejh il-leminija biswit l-ispalla ta’ Ġesu, u b’idejh ix-xellugija qed iżomm ix-xettru (bastun) bil-ġiljuwa fuq. Oriġinarjament dan ix-xettru u l-ġiljuwa kienu ta’ l-injam, pero ftit żmien wara li wasal Birżebbuġa dan ix-xettru sar tal-fidda. Il-ġiljuwa ta’ fuq hi xoghol mill-isbaħ fil-fidda martellat.

F’riġlejn San Ġużepp wieħed jilmaħ sandli tal-fidda li kien sar b’wegħda. Fl-id il-leminija naraw ċurkett tad-deheb li kien ingħata b’wegħda minn Giovanna Farrugia. Fuq sider San Ġużepp wieħed jilmaħ salib u ġiżirana tad-deheb. Dari dawn kienu fuq sider il-vara titulari ta’ San Pietru. Pero’ meta l-vara titulari ġiet irregalata b’salib li kien jilbes il-Kappillan Dun Anġ Fenech (li fi żmienu nbniet il-knisja) meta kien kanonku, dan is-salib u l-ġiżirana ngħataw lil San Ġużepp. Ma’ ras San Ġużepp naraw diadema tal-fidda li fuqha hemm miktub il-kunjom Caruana.

L-istatwa l-oħra turina lit-tfajjel Ġesu fl-età ta’ madwar seba’ snin, bilwieqfa quddiem San Ġużepp b’idejh miftuħin. F’riġlejh naraw sandli ndurat bid-deheb u ma’ rasu naraw diadema bbanjata bid-deheb.  L-ilbies taż-żewġ statwi hu sempliċi pero maghmul bi ħsieb u b’dettall. Meta wieħed iħares lejn l-uċuħ taż-żewġ statwi jibqa’ impessjonat bis-sbuħija u l-ħlewwa li toħroġ minnhom.

Bla dubju ta’ xejn dawn jirriflettu l-ħila artistika li kellu dan l-iskultur. Jekk il-vara hi sabiħa, mela xi ngħidu għall-pedestall barokk tagħha li żgur hu l-isbaħ wieħed li għandna fil-knisja tagħna. Dan hu ta’ l-injam indurat bid-deheb.

Fil-faċċata ta’ quddiem naraw skudett u fih hemm skolpita l-faċċata tal-knisja ta’ Birżebbuġa. Fil-ġnub hemm skudett fuq kull naħa, u fuq naħa naraw il-ġilju, u fuq in-naħa l-oħra naraw ix-xettru u l-kuruna. Fil-faċċata ta’ wara naraw skudett iehor u fih hemm skolpiti fl-iktar dettall l-għodda tal-mastrudaxxa. Din l-istatwa hi l-itqal waħda li nsibu fil-knisja (itqal minn San Pietru) u tiżen 310 kilos.

 

Festa ta’ San Ġużepp

Għalkemm f’Birżebbuġa qatt ma kien hawn fratellanza ta’ dan il-qaddis, pero’ hekk kif waslet il-vara l-kappillan beda jorganizza l-festa interna ta’ dan il-qaddis. Għall-bidu l-festa kienet issir fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju, pero ftit żmien wara bdiet issir fit-tieni Ħadd, peress li fl-ewwel Ħadd kienet taħbat mal-festa ta’ l-istess qaddis f’Ħal Għaxaq, festa li kienet popolari mal-Birżebbuġin. Il-festa kienet tibda s-Sibt filgħaxija billi jitkanta l-Għasar. L-għada l-Ħadd l-quddiesa tad-disgħa kienet tkun waħda kantata u fl-erba’ u nofs ta’ filghaxija kien jerġa’ jitkanta l-Għasar. Fil-ħamsa kienet toħroġ il-quddiesa solenni bil-priedka fuq il-ħajja tal-qaddis u wara toħroġ il-purċissjoni. Il-purċissjoni kienet tgħaddi mill-Misraħ il-Knisja, Triq Santa Katarina, Triq il-Knisja, Triq il-Bajja s-Sabiha, Triq Birżebbuġa għall-misrah fejn terġa’ tidhol fil-knisja. L-innu ta’ dan il-qaddis li kien jindaqq fil-knisja, inkiteb mill-magħruf Dun Karm Scerri u versi ta’ Patri Henry F.S.C.

Fl-1977 l-festa ġiet trasferita għat-tielet Ħadd minħabba l-Karnival. Dik is-sena l-festa kienet saret fil-15 ta’ Mejju, l-għada tal-konsagrazzjoni solenni tal-knisja parrokkjali. Fl-14 ta’ Mejju l-knisja kienet armata kif tkun armata fil-festa titulari għall-konsagrazzjoni tagħha mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, u dakinhar kien inħaraq xi nar li l-kappillan kien xtara għal din l-okkażjoni. L-għada l-festa ta’ San Ġużepp saret b’mod normali. Is-sena 1978 kienet l-aħħar sena tal-Kappillan Minuti, u fil-festa li saret fl-14 ta’ Mejju, San Ġużepp ra għall-aħħar darba d-dawl tax-xemx. Dakinhar ma kienx hemm reffiegħa biżżejjed biex joħroġ u minn hawn u minn hemm xi żagħżagħ żgħar fl-età, iddeċidew li joħorġuh huma, pero hekk kif waslu fuq iz-zuntier tant ħassewh tqil li flok daru d-dawra tal-purċissjoni daru dawra mal-knisja. Hekk kif waslu fejn il-kampnar tant għajjew li daħlu l-knisja mill-ġenb taz-zuntier. Wara laħaq il-Kappillan Dun Karm Frendo li dan baqa’ jorganizza l-festa pero’ mingħajr purċissjoni. Fl-1980 wara l-mewt tal-Kappillan Frendo laħaq il-Kappillan Dun Pawl Buttiġieġ. Mill-1981 il-festa ta’ San Ġużepp f’Birżebbuġa kienet spiċċat għal kollox, kull ma kienet issir il-quddiesa ta’ l-għodda fl-1 ta’ Mejju, quddiesa li għadha ssir sal-lum.

 

Konklużjoni

Illum il-ġurnata din il-vara għadha tinżamm b’għożża kbira fil-knisja tagħna. Sfortunatament din il-vara messha destin hekk ikrah, li diġà ċaħħadha mid-dawl tax-xemx għal 23 sena u se jċahħadha għal għomorha kollu. Pero’ d-devozzjoni lejn din ix-xbiha li fuq kollox tirrapreżenta lill-Partiarka San Ġużepp għadha qawwija fostna sal-ġurnata tal-lum. Kull storja fiha l-episodji sbieħ u anke koroh tagħha. Pero’ ssib min jgħid li l-ġrajjiet koroh għandhom jinħbew u jintesew. Iżda fir-realtà l-verità hi din li hi u jkun għajb kbira għalina jekk naħbu mqar farka waħda mill-verità sħiħa.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: