Skip to content

Il-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa

 

‘Il-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa’
minn Michael Schembri
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: 75 Sena Parroċċa’, Ħarġa Speċjali tal-Festa, Festa 1988.

 

Il-Bini tal-Knisja l-Ġdida

 
Il-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa nbniet bit-tħabrik tal-Kappillan Dun Anġ. Fenech.  L-lsqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, Dom Mauro Caruana, meta ra l-iżvilupp li kien qed iseħħ f’Birżebbuġa, wera lill-Kappillan ix-xewqa tiegħu li tinbena knisja akbar billi l-knisja ċkejkna tad-Duluri kienet ġa saret żgħira għall-poplu ta’ dan ir-raħal.
 
Nhar il-Ħadd, 14 ta’ Marzu, 1926, intgħażlet l-art fil-Brolli fejn kellha titla’ I-Knisja l-ġdida ddedikata lil San Pietru fil-Ktajjen li tfasslet mill-Perit Godwin Galizia.  Imbagħad fid-29 ta’ Awwissu ta’ l-istess sena sar it-tberik u t-tqeghid ta’ l-ewwel ġebla mill-lsqof Caruana.  Ix-xogħol mexa b’ritmu mgħaġġel tant, li wara ħdax-il sena, il-Knisja għalkemm mhix lesta setgħet tintuża billi kellha parti minnha kompluta.  Kienet biss il-gwerra li fixklet ix-xogħol billi dan kellu jieqaf għal erba’ snin minħabba l-attakki li spiss kienu jwettqu I-ajruplani ta’ l-għadu.
 

Nistgħu ngħidu li l-Knisja għandha l-forma ta’ Salib Ruman: magħmul mill-korsija, il-kor, il-kappelluni u l-presbiterju u fiha wkoll in-navi mal-ġenb tal-korsija.  Billi ma fihiex ħafna altari, il-knisja hija mdawla b’bosta twieqi kbar mal-ħitan tagħha.  Fiha biss tliet altari: l-altar maġġur (bit-tabernaklu) fin-nofs tal-knisja, u żewġ altari laterali, wieħed fuq kull naħa li kif jitlob l-istil Romanesk, jinsabu f’abside ‘l ġewwa mill-kappelluni u huma ddedikati lill-Madonna tar-Rużarju u lill-Kurcifiss.  Is-saqaf tal-Knisja hu ċatt, u hu maqsum fi kwadranti żgħar bir-rużuni fil-kaxxi li jiffurmaw gradilji.  Bejn in-navi u l-korsija kif ukoll bejn il-kappelluni u l-presbiterju nsibu sistema ta’ arkaturi mserrħin fuq kolonni taż-żonqor.  Kolonni oħra ta’ l-istess materjal jinsabu fil-kor fejn hemm il-kuritur żgħir taħt il-post fejn hemm it-titular tal-Knisja.  Bħala kejl il-Knisja hi twila 50 metru u wiesgħa madwar 17-il metru.  Id-disin tal-faċċata m’hu komuni xejn f’pajjiżna.  Fiha arkatura kbira bejn żewġ pilastri kbar.  L-arkatura tħaddan fiha l-portiku, il-gallerija u l-fontispizju bis-salib fuqu waqt li l-pilastri huma żewġ kampnari ċatti bħal torrijjet.  ll-kampnar proprju jinsab lejn ix-xellug ta’ min iħares lejn il-faċċata jiddomina ħafna t-tul tiegħu u l-qniepen sbieħ li fih.  Fuq quddiem tal-Knisja nsibu zuntier kbir fil-pjazza waqt li wara I-Knisja hemm id-dar tal-Kappillan u Ċentru Parrokkjali.  Il-Knisja ġiet ikkonsagrata nhar is-Sibt 14 ta’ Mejju, 1977, u hi l-ewwel Knisja li kkonsagra I-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

  

 

Opri fil-Knisja

 
Daqqa t’għajn ħafifa nistgħu nagħtuha lejn xi opri sbieħ li twettqu fil-Knisja bit-tħabrik tal-Kappillani u s-sehem u l-ġenerożita’ tal-parruċċani.  L-opra ewlenija hi bix-xieraq, l-altar maġġur imżanżan fl-1955 biex ħa post l-altar ta’ qablu li kien inġieb mill-knisja l-oħra.  L-altar ta’ l-irħam sar fi Pietrasanta, l-ltalja, fuq disinn tal-Kav. V. Bonello.  Fih tabernaklu sabiħ ferm, maħdum mid-ditta G. Cassar ta’ Bormla, u llum l-altar hu attrezzat b’dawk l-affarijiet li jixirqulu.  It-tqegħid ta’ l-altar ġie segwit bit-tqegħid tal-paviment ta’ l-irħam Knisja kollha.  Tlesta fl-1961 u qam ’iI fuq minn Lm2500 dak iż-żmien.  FI-1964 il-Kumpanija SHELL, waqt li ċċelebrat għeluq il-50 sena tagħha f’Malta, irregalat lill-Knisja l-fonti tal-Magħmudija, ta’ l-irħam ukoll.  Dan tbierek nhar it-Tlieta, 25 ta’ Awissu, 1964.  lllum il-fonti qiegħed fuq l-altar maġġur.  Fid-19 ta’ Lulju 1969, l-Arċisqof Gonzi kkonsagra sett ta’ ħames qniepen ġodda li nħadmu fl-Olanda mid-Ditta “Petit & Fritsen”.  Issemmew għal San Pietru, id-Duluri, San Ġużepp, San Pawl u Santa Katerina rispettivament meta nibdew mill-kbira.
 
San Pietru fil-Ktajjen
 
Opra mill-isbaħ hi l-vara titulari ta’ San Pietru fil-Ktajjen, skolpita fl-injam fl-1959, mid-Ditta ‘Stuflesser’ ta’ Bolzano, l-ltalja, u li ġiet indurata fl-1974.  Fil-fatt, dil-vara ħadet post l-oħra (ta’ l-injam ukoll) li kienet saret fl-1947, u li ħallas għaliha s-Sur Carm Axiaq.  Peress li din kienet ċkejkna għall-purċissjoni, saret il-ġdida li tixbaħ sew lill-istatwa ta’ San Pietru mis-sett ta’ I-Appostli li hemm fil-Bażilika “San Giovanni fil-Lateran”, Ruma.  FI-1984, iżżanżnet għall-festa l-bradella u l-bankun ta’ l-istatwa.  Ix-xogħol ta’ I-injam sar minn Ġużeppi Galea waqt li l-iskultura saret minn Charles Camilleri.  Imbagħad beda l-ippjanar biex issir niċċa kbira li fiha San Pietru jidħol bil-bradella b’kollox.  L-injam u l-iskultura nħadmu mill-istess persuni li ħadmu I-bradella u tlestiet għall-festa ta’ l-1987.  Ma rridux ninsew dawk il-voluntiera li ħadu ħsieb ix-xogħol fuq ġewwa, fosthom il-ħjata u t-tqegħid tal-bellus wara I-istess statwa.
 
Statwi Oħra
 
Fil-Knisja nsibu statwi oħra li tqiegħdu għall-qima tal-poplu.  ll-vara tad-Duluri kienet isservi bħala l-ewwel statwa titulari tal-Parroċċa li lilha kienet iddedikata I-Knisja l-qadima.  Nafu li fl-1910 ġa kienet f’Birżebbuġa.  L-istatwa ta’ Sant Antin ukoll kienet fil-Knsija l-qadima u l-oriġini tagħha jinsab imniżżel fuq plakka mwaħħla fil-bażi ta’ l-istatwa.  Tgħid: “Fl-okkażjoni tal-Ġublew Episkopali ta’ L-Eċċ. T. Rev.ma Mons. Pietro Pace D.D., Arċisqof ta’ Rodi, Isqof ta’ Malta, il-patrijiet Minuri Franġiskani Konventwali, b’qima jagħtu. 19 April 1902.”  Imbagħad insibu l-istatwa ta’ San Ġużepp u dik tal-Madonna tar-Rużarju li huma fl-injam u saru fl-istess post fejn kienet saret l-istatwa ta’ San Pietru (il-ġdida) u fejn saret il-Via Sagra.  Hemm ukoll il-bust ta’ I-Ecce Homo, il-Madonna ta’ Fatima u I-Madonna ta’ Lourdes, imma dawn huma tal-kartapesta.  II-Kurċifiss il-Kbir li jinsab wara l-bieb tal-Knisja, hu xogħol mill-isbaħ fil-kartapesta u nħadem minn Ġużeppi Caruana (ta’ Marċjol) minn Bormla.
 
Ċentru Parrokkjali
 

FI-1981 beda x-xogħol ta’ bini ta’ Ċentru fuq in-naħa ta’ wara tal-Knisja.  ll-bini, li jinkludi fost l-oħrajn żewġ swali u xi kmamar oħra, beda jintuża lejn l-1983 u fih isiru diversi attivitajiet reliġjużi u soċjali.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: