Skip to content

Il-Kappellel f’Birżebbuġa

 

Il-Kappellel f’Birżebbuġa
kitba u riċerka ta’ Awtur mhux Indikat
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 1988.

 

stampa

caption

 

IL-KAPPELLA TAL-MADONNA GĦAJNUNA TA’ L-INSARA

Din il-kappella tinsab fil-Bajja ta’ San Ġorġ u qiegħda biswit il-Kappella l-oħra ta’ San Ġużepp.  Qabel ma ngħid xi ħaġa fuqha ta’ min isemmi li d-dar ta’ maġenbha kienet ġa mibnija fis-seklu dsatax.  Din id-dar kienet proprjeta` ta’ Dr. Matteo Cachia (Duttur tal-liġi) li bi flusu bena l-Kappella ddedikata lill-“Madonna Għajnunata’ l-lnsara”, wara rikors milqugħ mill-lsqof Francesco Saverio Caruana fit-2 ta’ Settembru 1833.  Għalkemm il-Kappella hija ċkejkna fid-daqs tagħha, għandha stil arkitettoniku sabiħ ħafna.  Fiha nsibu altar wieħed, tal-ġebel, li fuqu hemm kwadru tassew sabiħ impitter minn A.Falzon.  Għal dak li huwa quddies fil-Kappella kien isir minn dejjem taħt forma privata.  Hemm fondazzjoni ta’ 10 quddisiet imħollija mill-fundatur u 12 oħra mħollija mis-Sinjorina Gaetana Cachia Randon.  lllum din il-Kappella tinsab f’idejn Dr. A. Cachia Zammit, li l-imsemmi Dr. Matteo Cachia jaħbat in-nannu tiegħu.  Tbierket fl-14 ta’ Mejju, 1834, mill-Vigarju Ġenerali, Mons. Salv. Lanzon.

 

IL-KAPPELLA TA’ SAN ĠORĠ

Din hija t-tielet kappella li nsibu f’dawn l-inħawi u x’aktarx li din il-bajja ħadet l-isem ta’ San Ġorġ proprju minn din il-Kappella.  Din il-kappella hija l-ewwel waħda li nbniet ġewwa Birżebbuġa li f’dak iż-żmien kienet tagħmel parti mill-Parroċċa taż-Żejtun.  Ma nafux meta nbniet.  Fost id-dati li wieħed isib fuq din il-Kappella hemm dik 1625, l-ewwel darba li ġiet irranġata u 1659 meta ġiet ipprofanata għax kienet fil-periklu li taqa’.  Fil-fatt, insibu li fl-1683 reġgħet inbniet kważi mill-ġdid min-nobbli Girgor Bonnici li kien benefattur kbir tagħha.  ll-bieb ewlieni tagħha qiegħed moħbi wara ridott f’għamla ta’ nofs tond.  Fuq dan l-istess bieb hemm kampnar żgħir.  Il-kappella għandha altar wieħed bi kwadru fuqu li jirrappreżenta lil San Ġorġ fuq iż-żiemel.  ll-pittura l-antika kienet tal-pittur Senglean, Garagona, waqt li dik li hemm illum hija riċenti, kopja tajba ta’ dik ta’ Mattia Preti li hemm fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, il-Belt.  F’din il-Kappella għadu jsir quddies fiha nhar ta’ Ħadd, fosthom waħda bl-lngliż għall-Komunita’ Ngliża f’Malta.

 

IL-KAPPELLA TA’ SANT’ ANĠLU

Din il-Kappella benefiċjali u Abbazija ddedikata lil Sant’ Anġlu, martri Karmelitan, issa tinsab imwaqqgħa.  Inbniet fl-1702 min-nobbli Ċensu Viani f’Ħal Far.  ll-kappella minn ġewwa kienet dekorata b’xogħol tal-lavur fil-ġebla Maltija.  Kien fiha wkoll altar wieħed u kwadru ta’ l-istess qaddis.  Fih kien hemm imdaħħla wkoll il-Kunċizzjoni, San Vinċenz Ferreri, San Sidor u għall-bidu l-figura tal-fundatur innifsu.  Ma’ din il-Kappella kien hemm palazz sabiħ ħafna li x’aktarx kien ir-residenza tas-sajf tal-familja Viani.  Idawru dan il-bini kollu kien hemm ġonna l-ġmiel tagħhom, u min jiftakar jgħidlek kemm kien hemm varjeta’ ta’ siġar tal-frott.  Fil-Kappella kien isir il-quddies fil-Ħdud u festi u l-festa tal-qaddis kienet issir fil-5 ta’ Mejju b’quddiesa kantata u Għasar Solenni.  L-aktar nies li kienu jiffrekwentawha kienu l-bdiewa li kienu joqogħdu f’dawk l-inħawi.  Kienet ħasra li dawn in-naħat, fl-aħhar gwerra dinjija, kienu l-mira ta’ ajruplani ta’ l-għadu u, ħasra akbar, li biex tinbena r-runway ta’ Ħal Far, kellha titwaqqa’ din il-Kappella.  lllum tlifna ġawhra oħra tal-wirt storiku ta’ gżiritna.

 

IL-KAPPELLA TAD-DULURI

Minn fost il-kappelli kollha li nsibu ġewwa Birżebbuġa din għandha storja speċjali, peress li kienet l-ewwel Knisja Parrokkjali, fl-1913.  ll-bini ta’ din il-Kappella jaf il-bidu tiegħu għal tliet remissi (li tħattew kważi għal kollox) li kienu tas-Sur Attard Montalto, fuq xewqa tal-Kan. Dun Spir Penza minn Bormla.  Dun Spir kien jiġi għas-sajf f’Birżebbuġa u meta jkun hawn kien jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tan-nies.  ll-faċċata tal-knisja, dik li naraw illum, saret fis-snin 1909-10.  Fiha nsibu portiku wiesa’ jistrieħ fuq erba’ kolonni kbar; iżjed ‘il fuq hemm żewġ kampnari b’qanpiena f’kull wieħed minnhom.  ll-knisja minn ġewwa għandha għamla ta’ T.  L-altar maġġur ta’ l-injam u li sar wara li dak ta’ l-irħam intrama fil-Knisja Parrokkjali l-ġdida, kellu fuqu żewġ statwi, waħda tal-Madonna u l-oħra ta’ San Ġwann, waqt li f’nofshom kien hemm Kurċifiss kbir.  ll-pittura tal-kwadru titulari, dak tad-Duluri, illum tinsab merfugħa fil-Knisja l-ġdida.  ll-quddies li kien isir fiha waqaf, hekk kif tlestiet parti mill-Knisja l-ġdida, fl-1937.  lllum, l-użu ta’ din il-Kappella huwa ta’ MUSEUM għas-Subien sa mis-sena 1947.

 

IL-KAPPELLA TAS-SAGRA FAMILJA

Fid-29 ta’ Ġunju tas-sena 1865 tqiegħdet l-ewwel ġebla ta’ din il-Kappella fuq pjanta ta’ L.O. Doublett, ko-fundatur ma’ Dun Antonio Albanese minn Bormla.  It-tberik tagħha sar mill-istess Kan. Dun Antonio.  Il-proprjetarji tagħha kienu l-familja Albanese li bi flushom ħallsu għall-biċċa l-kbira tal-bini tagħha flimkien ma’ xi bdiewa li kienu joqogħdu f’dawk l-inħawi.  Il-Kappella minn ġewwa għandha għamla ta’ salib.  L-a!tar waħdieni tagħha huwa tal-ġebel imżejjen bil-lavur.  Fuq l-altar insibu kwadru li jirrappreżenta lis-Sagra Familja.  Interessanti wkoll hija l-koppla żgħira li għandha.  Fil-faċċata ta’ barra nsibu żewġ kampnari li bejniethom hemm statwa tal-Madonna.  Portiku l-ġmiel tiegħu, imserraħ fuq 8 kolonni, kien jipproteġi l-bieb ewlieni.  lllum dan il-portiku m’għadux hemm għax kien tneħħa bejn l-aħħar tas-sena 1977 u l-bidu tal-1978 minħabba li kien ta’ periklu wara li ġarrab xi ħsarat.  Ta’ min isemmi li qabel ma Birżebbuġa saret Parroċċa fl-1913 din il-Kappella kienet tintuża biex isir il-quddies fiha u baqgħet tintuża għal xi żmien wara wkoll.  Dun Anton Gaffiero, mill-lmsida, kien l-aħħar rettur tagħha.  lllum, dan il-post qed jintuża mil-Legion of Mary biex jagħmlu l-laqgħat tagħhom.

 

IL-KAPPELLA TA’ SAN ĠUŻEPP

Fil-Bajja ta’ San Ġorġ insibu t-tieni kappella, iddedikata lil San Ġużepp u li kienet inbniet fl-1871 minn Emm. Vincenzo Zammit.  L-istil tal-bini tagħha huwa dak gotiku, li ftit insibu bħalu fil-gżira tagħna.  Id-daqs tagħha mhux kbir ħafna, infatti, fiha nsibu altar wieħed ta’ l-irħam u fuqu kien hemm pittura sabiħa tal-pittur famuż Ġużeppi Cali’.  Wieħed jista’ jilmaħ l-istil gotiku tal-kappella fil-bieb ta’ barra, fit-twieqi, fis-saqaf kif ukoll fil-kampnar li qiegħed fuq wara.  Id-dar li hemm ma’ din il-Kappella kienet proprjeta’ tal-familja li bniet l-istess Kappella.  Għalkemm illum ma jsirx quddies fiha, qabel kien isir quddies lil tal-familja.  Ħasra li llum din il-Kappella tinsab mitluqa kważi għal kollox.  Kienet tbierket fis-27 ta’ Lulju 1871 mill-Vigarju Ġen. il-Konti Carm. Scicluna.  Kienet issir ukoll festa esterna fil-bajja ta` San Ġorġ fir-4 Ħadd ta’ Awwissu ta’ kull sena.

 

IL-KAPPELLA TAL-KUNĊIZZJONI

Din il-Kappella tinsab f’Bengħajsa.  Dawn l-inħawi huma kollha raba’, infatti din il-kappella tinsab imdawra b’xi rziezet li fihom għadhom jabitaw in-nies.  Din il-Kappella nbniet fl-1822-1823, iżda erbgħin sena wara reġgħet inbniet mill-ġdid bis-saħħa ta’ Dun Ġużepp Gauci, saċerdot miż-Żurrieq: neputi ta’ Dun Ġakbu Gauci li kien bena l-ewwel waħda.  ll-Kappella għandha altar wieħed li fuqu hemm kwadru sabiħ ferm – ħasra li ma nafux min pittirha.  Is-saqaf tagħha huwa dak troll.  Fil-faċċata minn barra, insibu kampnar b’qanpiena waħda li ttellgħet fl-1947.  Tajjeb li nsemmu wkoll, li xi sentejn ilu din il-Kappella ġiet restawrata min-nies ta’ dawk l-inħawi.  Quddies dejjem kien isir fiha, infatti llum qiegħda ssir waħda kull nhar ta’ Ħadd fis-7.00 ta’ filgħodu.  Isem li baqa’ marbut ma’ dan il-post huwa dak ta’ Mons. Pietru Pawl Saydon li għamel żmien joqgħod hawn waqt li kien qed jaqleb il-Bibbja għall-Malti mill-ilsna oriġinali.  Tbierket b’mod solenni mill-lsqof Gaetano Pace Forno fil-15 ta’ Jannar 1862.  Ir-Rettur tagħha bħalissa hu Dun Ġużepp Berry.

 

IL-KAPPELLA TA’ STELLA MARIS (KEWKBA TAL-BAĦAR)

Waħda mir-raġunijiet li din il-Kappella ingħatat dan it-titlu kienet għax proprju tinsab ftit metri ‘l bogħod mill-baħar, in-naħa ta’ Kalafrana.  Ma nafux eżatt meta nbniet, iżda x’aktarx fl-aħħar tas-snin tletin. L-istil tal-bini tagħha huwa sempliċi ħafna.  Hija tesa’ madwar il-mitt ruħ.  Sas-snin 70 kien għadu jsir il-quddies fiha, l-iżjed għal dawk il-familji li kienu joqogħdu fil-Flats tal-Gvern ġewwa Kalafrana.  lllum, din il-Kappella tal-H.M.S. Falcon tinsab magħluqa u abbandunata għal kollox; dan minħabba li f’dawn l-inħawi qed isir il-proġett ta’ Marsaxlokk.

 

KAPPELLA RAGĦAJ IT-TAJJEB

Fl-20 ta’ Novembru 1983, il-Kappillan Dun Pawl Buttiġieġ fetaħ u bierek kappella quddiem il-Housing Estate tal-Gvem fi Triq San Ġwann.  Din il-kappella hi ddedikata lir-Ragħaj it-Tajjeb u l-iskop tagħha kien li taqdi l-ħtiġijiet tan-nies ta’ dawn l-inħawi.  Matul il-ġimgħa fiha jsir it-tagħlim tad-duttrina u l-quddiesa ta’ kull nhar ta’ Ħadd fil-għodu, kif ukoll quddiesa kull l-ewwel Tlieta tax-xahar, fil-għaxija.  Bħalissa l-Kappella għandha bħala Rettur lil Dun Frans Schembri.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: