Skip to content

Il-Kappella tas-Sagra Familja: Triq iż-Żurrieq, Birżebbuġa

 

Il-Kappella tas-Sagra Familja: Triq iż-Żurrieq, Birżebbuġa
kitba u riċerka ta’ Awtur mhux indikat
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2005.

 

Il-Kappella tas-Sagra Familja minn ġewwa, li ġiet restawrata biex illum qed isservi bħala l-Kappella tal-Adorazzjoni Perpetwa.

 

Fl-20 ta’ Frar, 1864, Dun Antonio Albanese, minn Bormla, flimkien mal-Perit Luigi Ovidio Doublet, minħabba li l-poplu ta’ Birżebbuġa kien beda jikber sewwa, ressqu rikors quddiem l-awtoritajiet tal-Knisja sabiex jibnu oratorju jew kappella. Mill-Knisja Arċimatriċi tal-Gudja kien hemm bogħod madwar is-seba’ kilometri u għalhekk, ħafna nies kienu qed jibqgħu bla sagramenti. Flimkien, huma talbu li dan l-oratorju jkun ġuspatronat lajkali u, għal dan il-għan, il-Perit Doublet offra l-art li kienet għandu b’ċens perpetwu waqt li Dun Anton offra ħames skudi (madwar 42 ċenteżmu) fis-sena għaż-żamma tagħha.

Fir-risposta tiegħu, il-kappillan tal-Gudja, dak iż-żmien Dun Gio Batta Żammit, mhux biss ħeġġeġ biex tinbena, imma offra ħames skudi oħra mill-Prependa tal-Parroċċa tiegħu, filwaqt li Gio Batta Marmara, sid iċ-ċens ta’ l-art, ta wkoll il-kunsens tiegħu biex tinbena din il-Kappella.  Fit-30 ta’ Lulju, 1865, saret il-kitba tal-fondazzjoni għand in-Nutar Salvatore Scifo wara li kien ingħata d-digriet meħtieġ mill-Isqof fil-21 ta’ Ġunju, 1865.

L-ewwel ġebla ta’ din il-kappella tqiegħdet nhar l-Imnarja, fid-29 ta’ Ġunju, 1865 mill-istess Dun Antonio Albanese, bħala delegat ta’ l-Isqof Gaetano Pace Forno u nbniet skond pjanta li saret mill-istess Perit Doublet.  Il-kappella għandha għamla ta’ salib Ruman b’koppla fin-nofs, għandha żewġ sagrestiji żgħar u l-faċċata tagħha kienet imżejna b’portiku fuq il-kolonni u żewġ kampnari bl-istatwa tal-Madonna tal-Medalja Mirakoluża fin-nofs bejn il-kampnari.

Matul is-snin, din il-kappella ntużat għal bosta ħtiġijiet differenti.  Skond informazzjoni li waslitilna minn anzjani, jidher li qabel ma nbniet il-Kappella tad-Duluri, jiġifieri fl-1908, kien isir il-quddies regulari u ġieli saru xi magħmudijiet, liema magħmudijiet kienu rreġistrati fil-Parroċċa tal-Gudja. Bħala xhieda ta’ kemm kienet importanti fil-kura spiritwali tan-nies ta’ l-inħawi, fl-istess kappella nsibu bħal fil-parroċċi, il-kaxxa fejn jinżamm iż-żejt tas-Sagrament tal-Morda. Jidher ukoll li l-kappella kienet mgħammra b’kollox, jiġifieri kellha tapezzerija tad-damask għal kullimkien, fil-gallerija ta’ l-orgni kienet tinġieb l-orkestra, l-artal kien jintrama bl-apparat kollu inkluż il-ventartal u l-kanupew, kif ukoll fis-sagrestija hemm l-għamara fejn kien jinżamm l-ilbies, il-kotba u l-bżonnijiet liturġiċi l-oħra marbutin maċ-ċelebrazzjonijiet li kienu jsiru.  Jidher ukoll li minbarra s-Saċerdot Albanese, dak iż-żmien kien jiġi wkoll l-Isqof Gaffiero sabiex iqaddes f’din il-kappella. Ġara mbagħad li, wara t-twaqqif tal-Parroċċa fl-1913, aktarx li ma tantx baqgħet importanti u għalhekk insibu li bejn is-snin tletin u sittin tas-seklu għoxrin, kienet tintuża għat-tagħlim tad-duttrina min-nisa tal-MUSEUM u jissemma kemm-il darba li kien jiġi jgħallem fiha l-Beatu Ġorġ Preca li f’Malta tant xerred id-devozzjoni lejn il-Medalja Mirakoluża.  Mill-1964, wara li l-MUSEUM bnew ċentru femminili qrib il-Knisja – fi Triq is-Sajjied – twaqqaf fil-Parroċċa il-Leġjun ta’ Marija u għalhekk bdew issa jsiru fiha l-laqgħat ta’ din l-għaqda, kif ukoll beda jinżamm fiha l-armar tal-festa ta’ barra u bżonnijiet oħra fosthom, armar qadim tal-Knisja Parrokkjali u materjal relatat mal-fieri li kienu jsiru f’Wied il-Buni. Illum, dak l-armar li kien baqa’ ttieħed fil-maħżen li nbena għal dan il-għan fi Triq Santa Rita u l-kappella għadha tintuża biss mis-sezzjoni tan-nisa tal-Leġjun ta’ Marija.

Il-portiku u l-Kampnari kienu ġarrbu l-effetti taż-żmien u n-nuqqas ta’ manutenzjoni u għalhekk kienu tneħħew minn ħaddiema tal-Gvern fil-bidu tas-sena 1978. Fil-faċċata l-istatwa tal-Madonna baqgħet hemm wieqfa bħal biex donnha tfakkarna fl-istess għaqda li fiha tiltaqa’ u li bħal Dun Ġorġ tal-MUSEUM; qed ukoll ixxerred fil-familji l-istess devozzjoni lejn dan it-titlu Marjan. Minħabba din l-istatwa, huma ħafna llum dawk li jsibu l-din il-kappella bħala l-Kappella tal-Legion of Mary billi din ix-xbiha tal-Madonna hija assoċċjata ma’ l-istess għaqda.

  • B’digriet tad-9 ta’ Frar 2001, il-Kappella tas-Sagra Familja ġiet fdata taħt il-kura u l-amministrazzjoni tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa.

  • B’digriet ieħor ta’ l-20 ta’ Lulju 2001, ġiet milqugħa t-talba biex saru t-tiswijiet meħtieġa.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: