Skip to content

Il-Kappella tas-Sagra Familja f’Birżebbuġa

 

Il-Kappella tas-Sagra Familja.
kitba u riċerka ta’ Michael Balzia
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2002.

 


caption

 

Fis-sena 1861, saret talba minn Michele Albanese flimkien ma’ Luigi O. Doublet sabiex fl-inħawi ta’ Birżebbuġa tinbena kappella. Mar-rikors ntbagħtet pjanta tal-kappella proġettata.  Għalkemm dan kien milqugħ mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi Maltin, dan il-proġett qatt ma mmaterjalizza.

Il-kappella ddedikata lis-Sagra Familja nbniet f’Birżebbuġa fl-1865 wara talba li saret lill-Isqof Gaetano Pace Forno mill-istess arkitett Doublet flimkien mas-saċerdot Dottor Antonio Albanese. L-Isqof kien laqa’ t-talba nhar l-20 ta’ Frar parzjalment għaliex ried jinforma lill-kappillan tal-Gudja, Dun Giovanni Battista Zammit.

Fit-talba tagħhom lill-Isqof, Doublet u Albanese riedu li l-kappella tkun ġuspatronat lajkali minħabba li l-arkitett ried jagħti l-art ta’ fejn kellha tinbena (din kienet mogħtija lilu b’ċens perpetwu minn Gio. Batta Marmara’) filwaqt li Dun Antonio xtaq li jagħtiha dota ta’ ħames skudi fis-sena għaż-żamma tagħha.  Il-kappella kellha tinbena bi flus il-benefatturi.

Fir-risposta li l-kappillan tal-Gudja bagħat lill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi nhar l-14 ta’ Marzu, 1864, huwa ried li din il-kappella tkun tista’ tintuża għad-duttrina. Huwa ried ukoll li jidħol bi sħab mal-fundaturi billi jagħtiha ħames skudi oħra mill-Prebenda Parrokkjali għaliex ra li dawk imwiegħda kienu ftit wisq. Dun Żammit ikkonkluda li din il-kappella ma setgħetx tkun ġuspatronat għaliex l-art ma kinetx tal-fundatur.  Il-Kan. Vincenzo Paolo Galea (Vigarju Ġenerali) flimkien ma’ Dun Fil. Pullicino (Assessur tal-Kurja) irrikmandaw sabiex l-Isqof jilqa’ t-talba tal-Perit L.O. Doublet u Dr. Dun Antonio Albanese. Id-digriet uffiċċjali kien iffirmat mill-Isqof nhar it-3 ta’ Ġunju, 1865.  Fit-30 ta’ Lulju, 1865 saret il-fondazzjoni għand in-nutar Salvatore Scifo.

 

 

 L-ewwel ġebla tqiegħdet mill-Perit L.O. Doublet u tbierket minn Dun Antonio fid-29 ta’ Ġunju 1865. Spiċċawha fl-istess sena u tbierket nhar l-24 ta’ Settembru, 1865 mill-Kanonku Teżorier, Dr. D. Tommaso Agius Caruana. Fil-kwadru titulari ta’ din il-kappella, fuq in-naħa t’isfel fix-xellug, hemm impittra l-armi ta’ Agius u Caruana magħqudin f’arma waħda.

Din il-kappella f’forma ta’ salib Grieg għandha koppla (l-unika kappella f’Birżebbuġa li hija hekk), li tgħaqqad l-erba’ dirgħajn tas-saqaf.  Hija għandha altar wieħed tal-ġebel, żewġ sagristiji u gallerija ta’ l-orgni li tinsab fuq il-bieb prinċipali. Il-kappella kellha faċċata eleganti ħafna b’portiku jserraħ fuq erba’ kolonni kif ukoll żewġ kampnari. Dawn tħattew bejn l-aħħar tas-sena 1977 u Frar 1978. Wara li waqgħet f’idejn il-parroċċa, saret talba sabiex din tkun restawrata u tieħu l-ħajja mill-ġdid.  Bejn il-kampnari hemm xbieha tal-Madonna b’idejha miftuħin.

L-ewwel rettur tal-kappella wara l-fundatur kien Dun Carmelo Pace. Warajh laħaq Dun Feliċ Cutajar biex nhar it-2 t’Ottubru, 1907 inħatar Dun Alwiġ Maria Albanese. Meta Dun Alwiġ miet nhar id-29 ta’ Mejju, 1919, inħatar Dun Antonio Gaffiero mill-Imsida. Fil-Vista Pastorali li għamel l-Isqof Mons. Pietro Pace f’din il-kappella fi żmien Dun Pace (4 ta’ Novembru, 1897), huwa ordna sabiex fiha jibda jinżamm iż-Żejt tal-Morda.

Achille Ferris, fil-ktieb tiegħu ‘Descrizione Storica delle Chiese di Malta e Gozo’ kiteb li din il-kappella kienet iddedikata lil Sant’Anna.  Miegħu jaqbel Pietru Pawl Castgna. Pero’ fit-talba tal-Perit L. Ovidio Doublet u Dr. Dun Antonio Albanese hemm imniżżel ċar li din il-kappella kellha tiġi ddedikata lis-Sagra Familja.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: