Skip to content

Il-Kanonku Dun Spiridione Penza

 

Il-Kanonku Dun Spiridione Penza.
kitba u riċerka tal-Kan. Jos. Bonello.
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2002.

 


 

  1. Fundatur tad-Domus ‘Sagra Familja’ ta’ Bormla

  2. Kanonku ta’ Bormla u Monsinjur Kamrier Sigriet tal-Papa

  3. Delegat ta’ l-Isqof biex Birżebbuġa ssir Parroċċa

  4. Prokuratur tal-Knisja ta’ San Pawl f’Bormla

 

Fost il-qassisin Bormliżi li ħadmu bis-sħiħ fil-qasam soċjali, edukattiv u reliġjuż, jissemma Dun Spir Penza, saċerdot ta’ l-affari tiegħu, u ta’ spiritwalita’ profonda li ħadem kemm felaħ qalb it-tfal u ż-żgħażagħ biex ikomplu jitgħallmu d-duttrina u jieħdu formazzjoni nisranija. Kien il-fundatur tal-Domus ‘Sagra Familja’ u kien is-saċerdot delegat mill-Isqof ta’ Malta biex Birżebbuġa ssir parroċċa.

 

Min kien?

Mons. Spiridione Penza twieled Bormla fit-18 ta’ Novembru 1860.  Il-ġenituri tiegħu kienu M’Angelo Penza u Anġolina Muscat.  Ordna qassis f’Ruma fis-17 ta’ Novembru 1881. Meta kien żagħżugħ ħadem fost il-Bormliżi. Kien jagħmel siegħat twal iqarar.  Kien Prokuratur tal-Cassa SS. Viatico meta ta kontribut kbir f’ħafna opri artistiċi li saru fil-Kolleġġjata ta’ Bormla. Ta’ min isemmi l-ventartal tal-Maġġur u d-dekorazzjoni tal-Kappella tas-Sagrament, is-Salib tal-Via Sagra u affarijiet oħra. Kellu għal qalbu ħafna l-knisja ta’ San Pawl, fejn waqqaf il-kongregazzjoni tal-Figlie di Maria u kien jorganizza bl-ikbar serjetà funzjonijiet fil-Ġimgħa l-Kbira bis-Sepulkru b’kollox. Wara l-quddiesa tiegħu fl-istess knisja, kien idum iqarar ħafna.

Barra li kien Kanonku ta’ Bormla, fil-15 ta’ Ottubru, 1915, wara rakkomandazzjoni ta’ l-Isqof Portelli, sar Monsinjur Kamrier Sigriet tal-Papa, bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu. Miet ta’ 63 sena fid-dar fejn kien joqgħod nru. 165, Strada S. Michele, Bormla, nhar il-15 ta’ April 1924 u ġie midfun fiċ-Ċimiterju ta’ l-Addolorata, fil-qabar tal-familja.

 

Fundatur tad-Domus ‘Sagra Familja’

L-għan ewlieni ta’ dan id-Domus kien li jiġbor fih fil-ħinijiet liberi, tfal u tfajliet, mhux biss biex jirċievu l-edukazzjoni nisranija u jżommuhom okkupati, imma wkoll biex jitgħallmu jħitu, jsajru, jirrakkmaw u affarijiet oħra tant meħtieġa. F’ċentru populat fil-qalba tal-ħaddiema tat-Tarzna bħala ma hija Bormla, il-ħsieb ta’ Dun Spir kien veru barka ta’ Alla.

Dun Spir irnexxielu jsib grupp ta’ nisa li minn rajhom offrew ruħhom li jgħallmu b’xejn lil dawn it-tfal u tfajliet. Fl-1921 f’dan id-Domus kienu diġa’ jattendu mal-250 ruħ, bejn tfal, ħaddiema tfajliet, studenti u apprendisti. Id-Domus twaqqaf kanonikament fl-1914, u t-tberik u l-ftuħ uffiċjali sar mill-Isqof Portelli, li fid-diskors tiegħu faħħar ħafna l-inizjattiva ta’ Dun Spir, u fisser is-siwi morali u materjali ta’ din l-opra tant meħtieġa għal dawk in-naħiet tal-Kottonera. Dak iż-żmien Bormla kellha popolazzjoni ta’ xi 20,000 ruħ u kienet tinħass sewwa l-ħtieġa li jkun hawn post biex titwettaq ħidma hekk importanti fost il-poplu.

 

Is-Salesjani u d-Domus

Waħda mill-ewwel sorijiet Salesjani kienet Sr. Rożina Felice, Bormliża u t-tieni soru Maltija li daħlet mas-Salesjani. Fl-1929 ġiet iżżur il-familja tagħha f’Bormla u ltaqgħet ma’ Dun Spir u rat ukoll id-Domus. Mill-ewwel Mons. Penza wera x-xewqa li jgħaqqad jew li jafda d-Domus f’idejn is-Salesjani, tant li l-ewwel membri ta’ dan id-Domus kienu lesti li jieħdu l-libsa tas-Salesjani.

L-Arċisqof Dom Mauro Caruana kien ‘jaf sewwa’ bil-korrispondenza li kienet għaddejja bejn id-Domus u s-Salesjani. Iżda għal xi raġuni jew oħra, x-xewqa ta’ din l-għaqda mas-Salesjani ma kellhiex isseħħ, imma xorta waħda Dun Spir u l-membri komplew bil-ħidma għall-ġid tat-tfal u t-tfajliet ta’ Bormla. L-ewwel Superjura kienet Vinċenza Said, u meta miet Mons. Spir Penza, floku daħal Mons. Antonio Galea.

 

Fil-gwerra ta’ l-1940-1944

Id-Domus fl-aħħar gwerra ġie milqut u ġġarraf, u meta reġa’ nbena żidulu sala rikreattiva.  Imma wara l-gwerra fetħu dar fi Triq il-Gendus (Strada Toro) li llum inbidlet F’Dar u Uffiċċju Parrokkjali. Is-Superjura kienet Rosina Falzon u Direttur sar Dun Edgar Huntingford. Wara li d-dar fi Triq San Mikiel reġgħet inbniet u nfetħet madwar l-1963, u kompliet tagħti s-servizz tagħha, saret post għat-tagħlim tad-duttrina għat-tfal u kienet issir quddiesa kuljum. B’inizjattiva ta’ l-Arċipriet il-Kan. Dun Joe Mifsud, id-Domus illum qiegħed jiġi restawrat u hemm il-ħsieb li jsir Kumpless Parrokkjali għall-ġid tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. J’Alla dak li beda Penza nkompluh aħna.

 

Dun Spir u Birżebbuġa

Birżebbuġa saret parroċċa fis-16 ta’ Settembru 1913, meta f’din iż-żona kien hemm ftit inqas minn 1,000 ruħ. Birżebbuġa kienet għadha raħal żgħir u post ta’ vileġġjatura. Żgur li l-bidu ta’ din parroċċa huwa dovut għall-ħeġġa u l-ħidma li ma naqsu qatt tal-Kanonku Penza, li f’dan iż-żmien kellu d-dar tiegħu għas-sajf eżatt quddiem fejn illum hemm il-knisja tad-Duluri. L-Isqof ta’ Malta kien għażlu biex jieħu ħsieb it-twaqqif ta’ din il-parroċċa, bħala Delegat tiegħu.

Dun Spir stinka u ħadem ħafna biex Birżebbuġa ssir parroċċa, tant li fit-13 ta’ Lulju, 1907 talab lill-Isqof Pietru Pace biex jagħtih il-kunsens tiegħu biex ikun jista’ jibni kappella fuq biċċa art tal-Baruni Montaldo li kienet f’Żurrieq Rd; quddiem il-kappella żgħira tas-Sagra Familja. Meta mbagħad dan il-proġett ma sarx, Dun Spir reġa’ talab lill-Isqof biex jibni kappella proviżorja ddedikata lid-Duluri.

Din il-kappella kellha tkun l-ewwel knisja parrokkjali ta’ Birżebbuġa, fejn Dun Spir għamel ħafna xogħol pastorali, sakemm saret parroċċa fis-16 ta’ Settembru 1913, meta l-ewwel Kappillan, il-Bormliż Dun Karm Bugelli, beda l-ħidma pastorali tiegħu. II-pussess ta’ l-ewwel Kappillan sar fil-knisja tad-Duluri, li dak iż-żmien kienet il-patruna titulari ta’ Birżebbuġa. Dun Karm Bugelli temm ħidmietu bħala Kappillan fit-18 ta’ Marzu 1921. It-tieni Kappillan kien Dun Anġ Fenech li stinka u ħadem ħafna biex tinbena l-knisja l-ġdida ddedikata lil San Pietru fil-Ktajjen.

 

Għeluq

Ma għandna l-ebda tifkira ta’ Dun Spir Penza.  Is-soltu tagħna! Imma t-tifkiriet tiegħu huma d-Domus ‘Sagra Familja’ ta’ Bormla u l-knisja antika tad-Duluri f’Birżebbuġa li kienet l-ewwel knisja parrokkjali ta’ dak il-post, u li llum hija ċ-ċentru tal-M.U.S.E.U.M. għas-subien ta’ din il-parroċċa.  Nittama li xi triq f’Bormla jew f’Birżebbuġa tissemma għal dan is-saċerdot li tant ħadem għall-ġid tal-poplu fost dawk li huma fqar u fil-bżonn.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: