Skip to content

Il-Kanonku Dun Karm Buġelli: L-Ewwel Kappillan ta’ Birżebbuġa 1913-1921

 

Il-Kanonku Dun Karm Buġelli:  L-Ewwel Kappillan ta’ Birżebbuġa 1913-1921′
kitba ta’ Conrad D’Amato f’isem l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa.
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 2000.

 


Il-kanonku Dun Karm Bugelli, l-ewwel Kappillan ta’ Birżebbuġa

 

Introduzzjoni

Kull min hu midħla fl-istorja ta’ Birżebbuġa, żgur li sema’ b’dan il-qassis.  Dun Karm Bugelli kellu jintrabat ma’ wħud mill-isbaħ paġni fl-istorja tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa, li tagħha hu kien l-ewwel Kappillan għal seba’ snin u nofs sħaħ.  Għalkemm ma damx Kappillan xi għexieren ta’ snin, pero’ nistgħu ngħidu li kien Kappillan li wettaq ġid kbir fost il-parruċċani ta’ dak iż-żmien, li kienu għadhom ftit mijiet.

 

Il-Qagħda Soċjali f’Birżebbuġa

Sa mill-bidu tas-seklu 20, Birżebbuġa kienet tagħmel parti mill-parroċċi taż-Żurrieq, Ħal Għaxaq, Gudja u Marsaxlokk. Fdan iż-żmien il-popolazzjoni f’din iz-zona kienet ta’ ftit inqas minn elf ruħ. Dawn kienu mxerrdin fil-ftit djar li kien hemm fil-Bajja s-Sabiħa, fil-Bajja ta’ San Ġorġ u fl-irziezet mxerrdin f’Ħal Far, f’Kalafrana u f Bengħajsa. F’dak iż-żmien il-biċċa l-kbira tal-poplu kien illitterat u njorant. Il-faqar li kien jeżisti kien xi ħaġa li jimpresjonak. Eżempju ftit kienu n-nies li kellhom żarbun, u min kellu kien ikun jew xi nobbli jew xi villeġjatur sinjur. Il-biċċa l-kbira tal-familji kienu joqogħdu fl-irziezet b’iktar spazju għall-annimali milli għalihom. Il-kura medika dak iż-żmien kienet għadha lura, għalhekk ħafna trabi kienu jmutu ftit wara li jitwieldu. L-eletriku ma kienx jeżisti f’dawn l-inħawi, u min ma kellux bir, kellu jmur jimla l-ilma minn xi għajn.  Id-dranaġġ ma kienx jeżisti lanqas. Minn dan kollu li semmejt, wieħed jista’ jimmaġina kif kienet il-ħajja soċjali f’Birżebbuġa madwar mitt sena ilu. Pero’ wara t-tieni gwerra dinjija, kibret sew il-ġenerazzjoni żgħażugħa li kienet tħobb il-kultura u l-isports.  Għalhekk ftit wara l-gwerra bdew jitwaqqfu diversi għaqdiet sportivi u soċjali. Dan kollu għen biex Birżebbuġa ma tibqax marbuta mal-ħajja antika ta’ ħafna miżerja u faqar li kienu jirrenjaw f raħalna żmien ilu.

 

Saċerdot ta’ Ruħ Tajba

Dun Karm Bugelli twieled f Bormla nhar l-20 ta’ Lulju ta’ l-1866. Il-ġenituri tiegħu kienu Salvatore Bugelli u Petronilla Cutajar.  Ġie ordnat saċerdot fl-1889 fl-età ta’ 24 sena. Mill-ewwel beda ħidma saċerdotali fost il-morda u l-foqra li kien hemm f Bormla.  Fl-1894 Dun Karm sar kappillan ta’ l-Imqabba. Fl-4 ta’ Diċembru ta’ l-1895 sar Kanonku tal-Kolleġjata ta’ Bormla. Ta’ min jgħid ukoll li fl-1898 kien membru fil-Kunsill tal-Gvern. Fl-1904 Dun Karm sar Kappillan ta’ San Ġiljan. Wara, Dun Karm għamel missjoni ta’ sentejn fil-gżira ta’ Korfu’ fost l-emigranti Maltin li kienu jgħixu hemm.  Hemmhekk hu bena skola, knisja u dar tas-sorijiet Franġiskani li għadha teżisti sal-lum.

 

Jinħatar Kappillan ta’ Birżebbuġa

Ir-raħal ta’ Birżebbuġa sar parroċċa fid-9 ta’ Settembru ta’ l-1913, bit-titular tal-Madonna tad-Duluri. Fis-16 ta’ Settembru ta’ l-istess sena, l-Isqof Pietru Pace f’ittra pastorali xandar it-twaqqif tal-parroċċa. L-għada 17 ta’ Settembru l-Isqof Pietru Pace ħatar lil Dun Karm Bugelli bħala l-ewwel Kappillan ta’ Birżebbuġa. Il-pussess sar erbat ijiem wara, fil-21 ta’ Settembru ta’ l-1913, fil-knisja antika tad-Duluri, li dak iż-żmien kienet il-patruna titulari ta’ Birżebbuġa. Dun Karm kien jgħallem id-duttrina lit-tfal tar-raħal fil-knisja l-antika. Kien ipoġġi lit-tfal fuq żewġ bankijiet, wieħed naħa u l-ieħor oħra. U kien joqgħod jimxi f’nofshom jgħallem id-duttrina. Dak iż-żmien kienet issir quddiesa waħda filgħodu, u fil-għaxija kien jingħad ir-rużarju u wara tingħata l-Barka Sagramentali. Dun Karm baqa’ magħruf għat-talba li kien jgħid f’ġieh Sant’Antnin: “Xi tlettax – il-grazzja kellu Sant’Antnin / Li f idejh kellu l-Bambin” U kien jgħid tlettax-il-darba Pater Noster u Ave Marija. Ta’ min jgħid li l-istatwa ta’ Sant’Antnin li hemm fil-knisja ta’ San Pietru, dari kienet fil-knisja l-antika tad-Duluri. Dun Karm dam seba snin u nofs Kappillan ta’ Birżebbuġa u rriżenja biex jikkontesta l-elezzjoni biex jiddefendi l-fqir u l-batut. Huwa temm ħidmietu bħala Kappillan ta’ Birżebbuġa nhar it-18 ta’ Marzu ta’ l-1921. Wara Birżebbuġa għamlet tliet snin mingħajr Kappillan, sakemm fit-3 ta’ Frar ta’ l-1924 kien sar il-pussess tal-Kappillan Dun Anġlu Fenech li kien sar it-tieni Kappillan ta’ Birżebbuġa.

 

Il-Ħajja Politika tiegħu

L-isem ta’ dan il-kanonku ma jibqax imsemmi biss fl-istorja tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa, imma jibqa’ msemmi wkoll fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan għaliex Dun Karm , bħal ħafna nies oħra kien bniedem politikant. Iż-żmien li qed insemmu kien żmien meta ħafna saċerdoti kienu joħorġu għall-politika. Dun Karm ikkontesta l-elezzjoni ta’ l-1921 mal-partit hekk imsemmi l-Unione Politica Maltese (UPM) tal-Monsinjur Panzavecchia u ġie elett. Ftit snin wara, hu mar mal-partit Laburista fejn ġie elett fl-elezzjoni tal-1924. Wara ħafna inkwiet kellu jitlaq il-partit Laburista għax ma riedx joqgħod għad-dixxiplina tal-partit. Fl-elezzjoni ta’ l-1927 huwa kkontesta ma’ partit ieħor, imma din id-darba ma ġiex elett. B’hekk kienet intemmet il-ħajja politika tiegħu.

 

Għeluq

Il-Kanonku Dun Karm Bugelli miet fl-Isptar Ġentrali tal-Furjana fit-22 ta’ Mejju ta’ l-1936 fl-età ta’ 70 sena, u jinsab midfun fiċ-Ċimiterju ta’ l-Addolorata f’Raħal Ġdid. Dun Karm għalkemm dam biss seba’ snin u nofs Kappillan, pero’ nistgħu ngħidu li għex fl-iktar żmien iebes li kellha l-parroċċa tagħna. Kien hu li ħareġ bil-ħsieb li tinbena knisja akbar. Hsieb li mbagħad komplih il-Kappillan ta’ warajh, Dun Anġ Fenech, li fi żmienu nbniet il-knisja ta’ San Pietru. Isem il-Kanonku Dun Karm żgur li se jibqa’ miktub b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-parroċċa tagħna, mhux għax sempliċiment kien l-ewwel kappillan, imma għax b’għaqal kbir għaraf imexxi u jagħti direzzjoni lil din il-parroċċa fl-ewwel żminijiet tagħha.

 

No comments yet

Leave a comment

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni.wordpress.com/

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.