Skip to content

Il-Kanonku Carmelo Bugelli (1866-1936)

 

Il-Kanonku Carmelo Bugelli (1866-1936)
kitba u riċerka tal-Kan. Jos. Bonello.
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2003.

 


Il-Kanonku Bugelli kien l-ewwel Kappillan ta’ Birżebbuġa.

 

  • Deputat diversi drabi fil-Parlament Malti,

  • Missjunarju f’Korfu,

  • Kappillan ta’ l-Imqabba; San Ġiljan u Birżebbuġa,

  • Kanonku fil-Kolleġġjata ta’ Bormla.

 

Dun Karm Bugelli twieled f’Bormla fl-20 ta’ Lulju, 1866. Il-ġenituri tiegħu kienu Salvatore Bugelli u Petronilla Cutajar. Sa minn ċkunitu wera tjubija singulari u sejħa għas-saċerdozju, għalhekk mar jistudja fis-seminarju li kien hemm fl-Imdina u sar saċerdot meta kellu 24 sena. Dun Karm beda l-ħajja tiegħu saċerdotali fil-Parroċċa ta’ Bormla fejn kien jieħu ħsieb it-tfal u ż-żgħażagħ. Kien imfittex ħafna għall-Qrar u magħruf bħala predikatur tajjeb. Kien ukoll ta’ għajnuna kbira għall-fqar u l-morda.

 

Kappillan ta’ l-Imqabba u ta’ San Ġiljan

L-Isqof ta’ Malta, meta għaraf il-kwalitajiet sbieħ ta’ Dun Karm Bugelli, ħatru Kappillan tal-Parroċċa ta’ l-Imqabba fejn għamel ħafna xogħol pastorali u kien maħbub ħafna mill-Imqabbin. Dam l-Imqabba sakemm laħaq Kanonku fil-kolleġġjata ta’ Bormla meta kellu 29 sena. Ħa l-pussess bħala Kanonku fl-4 ta’ Diċembru 1895. Iżda huwa rriżenja minn Kanonku fit-12 ta’ Frar, 1904 għaliex ġie maħtur Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġiljan, fejn ħa l-pussess fis-17 ta’ dak ix-xahar stess.  Fost il-Maltin ta’ Korfu f’dak iż-żmien f’Malta kien hawn ħafna li kienu bla xogħol, għalhekk ħafna marru biex jaħdmu fil-gżira ta’ Korfu fil-Greċja. Meta beda jinħass il-bżonn li dawn il-Maltin ikollhom saċerdot biex jieħu ħsiebhom, Dun Karm Bugelli telaq minn Kappillan ta’ San Ġiljan u offra ruħu biex imur f’Korfu bħala missjunarju fost il-Maltin ta’ hemm. Sakemm dam f’Korfu, huwa kien ta’ għajnuna kbira għall-Maltin fejn irnexxielu jibni skola, knisja u dar għas-sorijiet Franġiskani li għadha teżisti sal-lum.

 

Kappillan tal-Parroċċa ta’ Birżebbuġa

Wara din il-ħidma missjunarja, Bugelli reġa’ lura f’Malta, meta l-Isqof ta’ Malta ħatru bħala l-ewwel kappillan tal-Parroċċa ġdida ta’ Birżebbuġa, fejn flimkien ma’ saċerdot Bormliż ieħor, il-magħruf Monsinjur Spiridione Penza, ħadmu kemm felħu biex Birżebbuġa tkun Parroċċa ħajja. Kellu 47 sena u ħa l-pussess fil-21 ta’ Settembru 1913.  Sakemm dam Kappillan, huwa stinka ferm biex tinbena knisja ġdida.

 

Jidħol fil-Politika

Il-Kanonku Bugelli tħajjar jidħol fil-politika biex ikattar il-ħidma tiegħu fid-difiża tal-fqir u l-batut. F’dak iż-żmien, il-qassisin kienu jieħdu sehem sewwa fil-politika tal-pajjiż.  F’Malta kellna lill-Monsinjur Panzavecchia, lill-Monsinjur Ferris, lill-Monsinjur Dandria, lill-Monsinjur Gonzi u oħrajn. L-Awstrija, f’dak iż-żmien, kellha lill-Monsinjur Seipel bħala Prim Ministru.  Dan il-qalbieni saċerdot Bugelli ntefa għall-ewwel darba fil-kamp politiku meta kienet għadha sseħħ il-Kostituzzjoni ta’ l-1887, l-aħjar kostituzzjoni li kellha Malta fis-seklu l-ieħor.  Huwa kkontesta l-elezzjoni ta’ l-1898 taħt il-bandiera Nazzjonalista ta’ Dr. Fortunato Mizzi u ġie maħtur Kunsillier ta’ l-ewwel distrett. Fis-sena 1921 reġa’ ppreżenta ruħu bħala kandidat tal-Partit ta’ Monsinjur Panzavecchia u ġie elett ukoll deputat tar-Raba` Distrett.

 

Deputat Laburista

Għar-raġunijiet tiegħu, il-Kanonku Bugelli ma baqax Panzavecchian, imma sar Laburista u bħala Laburista reġa’ daħal fil-Kamra tad-Deputati, wara l-Elezzjoni li saret fl-1924.  F’Meeting li kien sar fis-Suq il-Qadim ta’ Bormla ntlaqa’ bit-tisfir u ssuttawh.  Iżda xorta waħda ħareġ rebbieħ għax ġie elett deputat Laburista mir-raba` distrett.  F’dak iż-żmien; il-Partit Laburista kien iħaddan fih benefatturi kbar tal-ħaddiema fosthom Monsinjur Mikiel Gonzi, is-Sur Fonz Maria Galea u s-Sur Mikiel Caruana.

 

Inqala’ L-inkwiet

Il-Kanonku Bugelli kien attiv ħafna fil-Partit iżda malajr inqala’ l-inkwiet.  Bugelli flimkien ma’ żewġ laburisti oħra ma ridux joqogħdu għad-direttivi tal-partit li ordnalhom jivvotaw kontra l-Gvern. Dehrilhom li ma kellhomx joqogħdu għad-dixxiplina tal-Partit.  “Għandna dritt nivvutaw skond il-kuxejnza”; qal il-Kanonku Bugelli u għajjar li l-partit kien infiltrat mill-Bolxevisti. Meta saret il-votazzjoni fil-Parlament, il-Kanonku Bugelli vvota mal-Gvern kontra d-direttivi tal-Partit tiegħu.

Din il-kwestjoni kienet qajmet fil-pajjiż diskussjoni kbira u hekk il-Kanonku Bugelli spiċċa mill-Partit Laburista.  Fl-elezzjoni li saret fl-1927, Bugelli ttanta jerġa’ jidħol fil-Kamra bħala Deputat Nazzjonalista imma ma rnexxilux.  Baqa’ barra b’740 vot.  Wara, qajl, qajl sparixxa deluż mill-ħajja Politika.

 

 

 

 

Ħidma Pastorali

Meta ra li l-politika ma kenitx għal snienu, Bugelli qatta’ l-aħħar snin ta’ ħajtu f’aktar xogħol pastorali. Kien jiddedika sigħat sħaħ għas-smigħ tal-qrar u f’ħafna żjarat lill-morda. Filgħaxija kont issibu kuljum fil-Parroċċa ta’ Bormla quddiem Ġesu Sagramentat.  Kien benefattur kbar tal-Freres (Christian Brothers) għax tħabat ferm biex jiġu f’Malta, u kien huwa li sabilhom id-Dar li kellhom fi Strada Buongiorno (illum Matty Grima Street) fejn kellhom l-ewwel Kulleġġ tagħhom. Kien Kappillan tas-Sorijiet ta’ Santa Margerita u kien jieħu ħsieb it-tfal u l-ommijiet li ta’ spiss kien jagħmlilhom konferenzi.  Kellu mħabba kbira lejn tal-M.U.S.E.U.M. u kull nhar ta’ Ħadd kien jieħu t-tfal fil-knisja ta’ San Ġwann t’Għuxa fejn kien jgħallimhom id-duttrina.

Miet fl-Isptar Ċentrali tal-Furjana nhar it-22 ta’ Mejju 1936. Il-funeral tiegħu sar fil-Kolleġġjata ta’ Bormla u ġie midfun fiċ-Ċimiterju ta’ l-Addolorata fit-23 ta’ Mejju 1936.

 

 

 

Referenzi:

  • Arkivju tal-Knisja

  • Uffiċju Parrokkjali ~ Bormla

  • Rajt Malta Tinbidel ~ Herbert Ganado

  • Storja tal-Partit Laburista 1920-1924

  • Leħen is-Sewwa Jannar 1972

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: