Skip to content

Il-Kampnar tal-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa

 

 

‘Il-Kampnar tal-Knisja Parrokkjali’
Minn Conrad D’Amato
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 2001.

 

Din is-sena hija sena importanti ħafna għall-knisja parrokkjali tagħna.  Dan għaliex proprju din is-sena qed infakkru żewġ avvenimenti li għandhom x’jaqsmu direttament mal-bini tagħha.  L-ewwel avveniment seħħ 75 sena ilu, meta fid-29 ta’ Awissu tal-1926, l-Isqof Dom Mauro Caruana qiegħed b’mod solenni l-ewwel ġebla tal-knisja.  It-tieni aweniment seħħ proprju 50 sena ilu meta ġiet imqiegħda l-aħħar ġebla ta’ din il-knisja li tinsab fil-parti tal-kampnar, liema ġrajja seħħet fl-1951.  Għalhekk xieraq li għal din is-sena nagħtu ftit tagħrif dwar dan il-kampnar li din is-sena qed jiċċelebra l-50 sena anniversarju minn meta nbena u ġie komplut.

 

Jekk wieħed jistudja l-mod ta’ kif inbniet il-knisja jsib li wara li bnew il-pedamenti kollha, bdew jibnu l-ħitan tal-knisja kollha fl-istess livell.  Pero’ meta waslu fl-għoli ta’ madwar sular u nofs, irrealizzaw li jkun aħjar li l-ewwel ilestu l-parti ta’ wara (il-kor) u jibqgħu mixjin bil-bini ‘l quddiem lejn il-faċċata.  Għalhekk naraw li l-ewwel ma tlesta kien il-kor, imbagħad il-kapelluni u fl-aħħar in-navi u l-kursija.  Naturalment mal-bini tal-kursija nbniet parti mill-faċċata, u wara li fl-1947 sar is-saqaf il-kbir tal-korsija, il-faċċata prinċipali setgħet tiġi kompluta.  B’hekk kull ma kien jonqos sabiex il-knisja tkun lesta kien il-kampnar.

 

Mela wara kważi 15-il sena ġew sabiex ikomplu l-kampnar sabu li l-ewwel filati kellhom bżonn jinqalgħu minħabba li kienu xorbu ħafna ilma tax-xita.  Ta’ nteress hu, li jekk wieħed jifli l-parti t’isfel tal-kampnar, jinnota l-parti l-antika sa fejn tasal u l-ġebel li kienu ħattew għax kien tmermer, u l-parti l-ġdida li tinsab ingaljata ġo l-antika.  Dan jidher minħabba li l-ġebel tal-parti l-ġdida hu iktar ħamrani minn tal-parti l-antika.  Barra minn hekk meta ġew sabiex ikompluh, ħassew il-ħtieġa li l-ħilan tiegħu jiħxienu minn ġewwa sabiex ikun aktar b’saħħtu.

 

Xi anzjani jgħidu li meta l-Kappillan, Dun Anġ Fenech, ġie sabiex ikompli l-bini tiegħu, ma tantx kienet faċli għalih isib il-bennejja.  Dan għaliex kulħadd kien jaqta’ qalbu mill-għoli tiegħu.  Għalkemm jissemmew diversi bennejja kemm minn Malta u anke minn Għawdex, pero’ jidher li x-xogħol kien inbeda minn Karmnu Zerafa (Ta’ Patalajtu) minn Birżebbuġa, u wara tkompla minn ċertu Carmelo Sapiano.  Il-pjanta tiegħu saret mill-Inġinier Ċivili Godwin H. Galizia, pero’ kienu sarulu xi tibdiel żgħar minn kif kien oriġinarjament pjantat.  Bħal kumplament tal-knisja, dan il-kampnar hu mibni fuq stil “Sikolu Normann” jew kif inhu magħruf aħjar bħala r-Romanesk.  Jiddomina ħafna l-għoli tiegħu li jilħaq it-13 il sular. Il-garigor tiegħu fih 120 tarġa, li jwassluk sa fejn hemm il-qniepen.  Ta’ nteress hu jekk inħarsu lejn il-mod ta’ kif kienu jtellgħu l-ġebel f’dak l-għoli.  Għal din il-biċċa xogħol kienu ħadmu parank li kien ikun miġbud minn isfel permezz ta’ bimha.  Permezz ta’ dan il-parank ġie mtella’ l-ġebel, il-blajjet u dawk il-vażi l-kbar li fih il-kampnar.  Minn dan kollu nistgħu naraw kemm f’ħamsin sena x-xogħol tal-bini sar iktar faċli permezz ta’ l-inġenji moderni li jeżistu ‘llum.  Ix-xogħol fuq il-bini ta’ dan il-kampnar ġie fi tmiemu fl-1951, wara li kienet tpoġġiet l-aħħar ġebla li tikkonsisti f’boċċa kbira fil-parti ta’ fuq tiegħu.  Tajjeb li ngħidu li s-sena l-oħra, waqt li kien qed isir xogħol ta’ restawr fil-piramida ta’ fuq tal-kampnar, din il-boċċa inbidlet ma’ oħra minħabba li kienet ġarbet xi ħsarat naturali.  L-aħħar pagament li l-Kappillan Fenech kien għamel sar fid-9 ta’ Frar tal-1952, meta dak inhar il-bennej Carmelo Sapiano kien irċieva s-somma ta’ mitejn u sittin lira.

Fl-1969 il-ħabrieki Kappillan, Dun Gużepp Minuti, żanżan sett mill-isbaħ tal-ħames qniepen li nsibu f’dan il-kampnar.  Dan is-sett inħadem fl-Olanda mid-ditta MESSRS. PETIT & FRITSEN, u huwa l-uniku sett ta’ qniepen li din id-ditta ħadmet għal Malta.  B’kollox dawn il-qniepen swew is-somma ta’ madwar Lm6300.  Fid-19 ta’ Lulju tal-1969 ġew ikkonsagrati mill-Arċisqof M. Gonzi fuq iz-zuntier tal-knisja.  L-ismijiet tagħhom huma San Pietru, Marija Adolorata, San Ġużepp, San Pawl u Santa Katerina, nibdew mill-kbira rispettivament.  Ngħidu li sabiex iddaħħlu l-qniepen fil-kampnar kellu jitneħħa pilastru ta’ bejn żewġ twieqi li hemm fil-faċċata ta’ wara tal-kampnar.  Dawn il-qniepen huma magħrufin għall-ħoss sabiħ li għandhom.  L-arloġġ li nsibu ma’ dan il-kampnar sar fl-1970, u sa ftit żmien ilu kien idoqq kull kwarta.

 

L-għoli tiegħu, l-istil Romanesk li bih hu mibni, u l-lavur eleganti li jżejnuh, żgur u mhux forsi jagħmlu dan il-kampnar, ġawhra ta’ l-arkitettura Rumana f’pajjiżna.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: