Skip to content

Il-Bini tal-Knisja Parrokkjali l-Ġdida (1926 -1951)

 

Il-Bini tal-Knisja Parrokkjali l-Ġdida (1926 -1951)
kitba u riċerka ta’ Conrad D’Amato
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2001.

 


caption

 

Introduzzjoni

Il-bini tal-knisja Parrokkjali u x-xogħol artistiku konness magħha, għandhom importanza kbira fin-nisġa tal-ħajja tal-poplu. Dan għaliex huma xhieda qawwija tal-ħajja soċjo-reliġjużata’ pajjiżna. Meta nqisu ċ-ċokon ta’ gżiritna, nirrealizzaw kemm Malta hi waħda mill-aktar pajjiżi rikki fid-dinja, f’dik li hi arti u arkitettura li nsibu fil-knejjes tagħna. Uħud minn dawn il-knejjes joħduna mijiet ta’ snin lura, sa minn meta oriġinaw, żviluppaw u ħadu s-sura li għandhom illum. Pero’, sfortunatament tul il-medda tas-snin, ħafna dokumenti antiki dwar dawn il-knejjes ġew mitlufa, bil-konsegwenza li llum ninsabu mċaħħdin minn ħafna fatti storiċi li żgur ma jgħaddux minn moħħna.

F’Birżebbuġa l-istorja tal-knisja parrokkjali preżenti, toħodna lura għall-ewwel kwart tas-sekul 20.  Sfortunatament jeżistu diversi fatti li m’humiex magħrufa minħabba xi dokumenti li jinsabu mitlufa. Pero’ dan l-aħħar qed isiru diversi riċerki għal dokumenti mitlufa, li jistghu jitfgħu dawl ġdid fuq diversi ġrajjiet li seħħew tassew.  Daqqa t’għajn lejn il-faċċata ta’ dan it-tempju, iġiegħlek tieqaf ftit u taħseb fuq il-kapaċita’ ta’ min fassalha, min bniha u min ta sehemu sabiex proġett kbir bħal dan seta’ jitwettaq. Propju din is-sena jaħbat għeluq il-75 sena mit-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tagħha, kif ukoll il-50 sena minn meta ġiet kompluta. Għalhekk xieraq li nagħtu ftit tagħrif dwar l-istorja li tul is-seklu għoxrin sawret il-knisja li għandna llum.

 

Il-knisja tad-Duluri u t-twaqqif tal-Parroċċa.

Fil-bidu tas-seklu għoxrin, r-raħal marittimu ta’ Birżebbuġa kien jifforma parti minn erba’ parroċċi: Gudja, Żurrieq, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk. Bis-saħħa ta’ Mons. Spiru Penza, li kien Bormliż villeġjant f’Birżebbuġa, l-Isqof Pietro Pace waqqaf lil Birżebbuġa parroċċa, nhar id-9 ta’ Settembru tal-1913. Dakinhar l-Isqof ħareġ id-digriet mill-palazz Arċiveskovili, li permezz tiegħu ħall lil dan ir-raħal mill-parroċċi l-oħra, u għolla lill-knisja ċkejkna tad-Duluri għad-dinjità ta’ parroċċa indipendenti.    Sabiex jikkonferma t-twaqqif tal-parroċċa l-ġdida, l-Isqof Pietro Pace ħareġ ittra pastorali nhar is-16 ta’ Settembru u li nqrat fil-knejjes kollha tad-djoċesi Maltija. F’din l-ittra nsibu d-drittijiet kif ukoll id-dmirijiet tal-parroċċa l-ġdida, kif ukoll insibu l-konfini tal-parroċċa skond kif inhuma fil-pjanta mħażża minn Antonio Emilio Calleja.  Barra minn hekk insibu li kienu twaqqfu żewġ benefiċċji sabiex jgħinu fl-ispejjeż tal-parroċċa, wieħed magħruf bħala tal-“Burix” li kien jirrendi s-somma ta’ £18-13s-8d fis-sena u l-ieħor ta’ 300 lira Taljana, li kienu mposti fil-prebenda tad-dinjità tal-Kantur tal-Katidral.  Il-kappella tad-Duluri kienet inbniet bis-saħħa ta’ Mons. Penza stess u nfetħet fl-14 ta’ Awissu tal-1907. Oriġinarjament din il-kappella kienet remissa tas-Sur Paolo Attard Montalto mill-Isla.  Fl-1 ta’ Ottubru 1907 kien sar konvenju quddiem in-nutar Francesco Camilleri, fejn Mons. Penza kien intrabat li jħallas £4 u 10 soldi fis-sena bħala ċens. Pero’ ġara, li din il-kappella kienet żgħira wisq, u għalhekk fl-1 ta’ Settembru tal-1909 kien sar konvenju ieħor quddiem in-nutar Francesco Giorgio Schembri, sabiex jiġu okkupati żewg remissi oħra maġenb il-kappella.  Imbagħad Mons. Penza ried li jagħti lil din il-kappella dehra ta’ knisja billi jibnilha faċċata li tkun tixirqilha. II-faċċata li naraw illum inbniet fuq pjanta ta’ Salvu Sacco minn Bormla u x-xogħol fuqha beda fil-11 ta’ Ottubru tal-1909 u ġie fi tmiemu f’Jannar tas-sena ta’ wara. Il-bennejja kienu Giuseppe Vassallo u Francesco Cassar minn Ħal Luqa, u nbniet bi flus it-tabib Tommaso Demajo Pisani.  Fi żmien qasir din il-kappella għamlet progress kbir. Hekk insibu li f’Awissu tal-1909 tbierket qanpiena li kienet miġbura mill-Imħallef Zaccaria Roncali, u fis-17 ta’ Awissu tal-1910 inġiebet il-vara titulari tad-Duluri li kienet ġiet irregalata mill-Kanonku Dun Achille Refalo. Fl-14 ta’ Ottubru tal-1912 kien sar kuntratt ieħor, fejn fih it-tliet remissi oriġinali (li minnhom ma kien fadal kważi xejn) inxtraw għas-somma globali ta’ £332. Din il-kappella ġiet imbierka mill-Isqof Pietru Pace. L-ewwel kappillan tagħha kien il-Kanonku Bormliż Dun Karm Bugelli. Wara li rritorna minn missjoni ta’ sentejn fil-Gżira ta’ Korfu, l-Isqof Pace nhar il-31 ta’ Ottubru tal-1910, ħatru ekonomu tal-kappella. Hekk kif Birżebbuġa saret parroċċa huwa ġie maħtur bħala l-ewwel kappillan tagħha, u l-pussess tiegħu kien sar fil-21 ta’ Settembru tal-1913. Il-Festa titulari tad-Duluri kienet tiġi ċċelebrata Ħadd fuq il-15 ta’ Settembru. Barra minn hekk f’din il-knisja kienet tiġi ċċelebrata b’devozzjoni kbira l-festa tal-Qalb ta’ Gesu.

 

Żminijiet iebsa għall-Parroċċa.

Ġara li fit-3 ta’ Awwissu tal-1914 faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, u Malta kienet art importanti ħafna għall-Alleati. Għalhekk il-Bajja ta’ Kalafrana kienet intagħżlet sabiex fiha jinbena t-Torpedo Depot għall-bażi Ingliża. Fl-istess sena, il-kumpanija ‘Shell’ ħadet biċċa art kbira fl-inħawi magħrufa bħala “tan-nagħaġ” fejn bdiet tibni impjant kbir għall-ħażna taż-żejt. Barra minn hekk f’Ħal Far beda jinbena l-ajrudrom li kien l-ewwel wieħed f’pajjiżna. Dan kollu ġiegħel lil ħafna nies jiġu joqgħodu hawn sabiex ikunu qrib il-post tax-xogħol tagħhom, peress li t-trasport ma kienx bħal tal-lum. Għalhekk aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, il-popolazzjoni kienet dejjem tikber u l-kappella tad-Duluri kienet dejjem tiċkien. Pero’ ġara li lejn l-aħħar tal-1916 din il-kappella kienet waqgħet fi djun kbar, tant li l-kappillan Bugelli kien talab li din il-kappella tingħalaq, sabiex il-propjetà tagħha tingħata lill-kredituri, u s-sedja parrokkjali tigi trasferita għall-kappella tas-Sagra Familja li tinsab fi Triq iż-Żurrieq.

 

 

Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, bdiet tinħass il-ħtieġa li tinbena knisja akbar sabiex tkun tista’ taqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-poplu li dejjem kien qed jikber. Għalhekk naraw li fl-10 ta’ Settembru tal-1917 il-kappillan Bugelli kien kiteb rikors sabiex tinbena knisja akbar u aktar arkitettonika. Dan ir-rikors kien intlaqa’ mill-Isqof Dom Mauro Caruana nhar it-12 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena. Minnufih il-kappillan beda jiġbor il-flus bit-tama li xi darba jagħti bidu għall-bini ta’ knisja akbar. Pero’ peress li f’dak iż-żmien kien hawn ħafna faqar u l-popolazzjoni ma kienetx kbira daqs tal-lum, il-ġbir kien żgħir ħafna, tant li l-kappillan kien neħħa kull tama li xi darba jara din il-knisja tinbena. Fit-18 ta’ Marzu tal-1921 il-kappillan Bugelli irrizenja minn kappillan sabiex ikun jista’ jikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali mal-partit hekk imsejjaħ “Unione Popolare Maltese” tal-Monsinjur Panzavecchia.  Peress li l-benefiċċju parrokkjali kien żgħir wisq, dan ma ħajjar lill-ebda kappillan sabiex jiġi jamministra lil din il-parroċċa li kienet għadha fil-fjur tagħha.  Għalhekk kien ġie Dun Ġużepp Delia mis-Siġġiewi bħala Vigarju Kurat sakemm jinħatar kappillan ġdid.   Wara li ħareġ dan, kien intalab sabiex jitwaqqaf benefiċċju ieħor imsejjaħ “tal-Ħanżira”, li kien jirrendi s-somma ta’ £26 fis-sena, sabiex forsi jħajjar lil xi qassis biex jersaq għall-konkors ta’ kappillan li kellu salarju ta’ żewg xelini kuljum. Pero’ xorta waħda baqa’ ma sar xejn u għalhekk Birżebbuġa għamlet kważi tliet snin mingħajr kappillan.  Imma l-Malti jgħid “Min jistenna jithenna” u hekk ħareġ għax il-providenza ta’ Alla bagħtet lil Dun Anġlu Fenech li bil-ħeġġa li kellu nbniet il-knisja li għandna illum.  Dun Anġ twieled Ħal Lija fil-25 ta’ Marzu tal-1882 u rċieva s-sagrament ta’ l-Ordni Sagri fl-1905.  Fit-3 ta’ Frar tal-1924 hu ħa l-mandat bħala t-tieni kappillan ta’ Birżebbuġa mingħand il-Vigarju Ġenerali l-Isqof Angelo Portelli.  Intant, dan il-kappillan ta’ 42 sena daħħalha f’rasu li jrid jibni knisja, u ma kienx kuntent qabel ra lesta.

 

Il-bidu tal-bini tal-knisja l-ġdida

L-Isqof Dom Mauro Caruana, meta ra l-iżvilupp li kien qed iseħħ f’Birżebbuġa, wera x-xewqa li l-knisja li kellha tinbena tkun waħda kbira. Wara ħafna stħarriġ, ġiet magħżula biċċa art fil-Brolli bħala l-aktar post ċentrali, fejn meta jintemm il-pjan regolatorju li kien hemm maħsub, din il-knisja tiġi f’nofs dawk it-toroq li kienu għad iridu jinfetħu. Għalhekk sabiex ma jinħelix żmien kien ġie mqabbad l-Inġinier Ċivili Godwin Herbert Galizia sabiex jistma biċċa art li kienet benefiċċju bl-isem “Sant Angelo di Hal Far” magħrufa bħala “Tad-Dukkiena”. Din kienet biċċa art tal-knisja li l-benefiċċju tagħha kien imur għall-kappella ta’ Sant’Anġlu li dari kien hemm f’Ħal Far, li kienet propjetà tan-Nobbli Vincenzo Pace Testaferrata. Sal-lum għadek issib triq li tgħaddi minn wara l-knisja bl-isem Triq Sant’Anġlu.  Għalhekk kienet saret il-pjanta fuq stil “Sikolu Normann” (Romanesk), liema pjanta saret mill-Perit Godwin H. Galizia.  Għalkemm dan l-istil kien wieħed rari f’pajjiżna, jidher li kien intogħob mill-ewwel, hekk naraw li meta l-Isqof Caruana ra l-pjanta, tant għoġbitu li biex jagħmel kuraġġ lill-kappillan dan tah £30 minn butu. Kien il-Ħadd 14 ta’ Marzu tal-1926, meta dakinhar il-kappillan Fenech flimkien ma’ xi nies oħra, daħal ġo għalqa u hemm waħħal salib li kien jindika li f’dak il-post kienet ser tinbena l-knisja.

 

Dakinhar beda t-tħaffir sabiex jinbnew il-pedamenti taħt is-superviżjoni tal-Perit Giuseppe Terreni li ħa hsieb il-kostruzzjoni ta’ l-ewwel fażi tal-knisja. Din il-ġurnata tat bidu għal 25 sena storja li tulhom inbniet il-knisja.

 

 

 Mid-Duluri Għal San Pietru.

Naħseb li ħadd, inkluż il-kappillan ma għaddilu minn moħħu li l-knisja l-ġdida ma kienetx ser tkun iddedikata lill-Madonna tad-Duluri bħal knisja l-antika. Pero’ kienet ix-xewqa ta’ l-Isqof Caruana li l-knisja tkun iddedikata lil San Pietru. Għalhekk naraw li f’waħda mil-laqgħat li l-Isqof kellu mal-kappillan dan qallu: “Kappillan, jiena nixtieq li l-knisja l-ġdida tkun iddedikata lil San Pietru Appostlu, għax inħoss disunur għall-Ġżira ta’ Pawlu li ma jkollhiex parroċċa ddedikata għal San Pietru li kien sieħbu l-Prinċep ta’ l-Appostli u l-Ewwel Kap viżibbli tal-Knisja.” Din kienet ir-raġuni għaliex ried li l-knisja l-ġdida tkun iddedikata lil San Pietru, titlu uniku fi gżiritna.  Pero’ sfortunatament il-ħsieb ta’ l-Isqof ma kienx intlaqa’ tajjeb minn kulħadd, tant li kienet inqalgħet xi ftit tal-polemika, għaliex kien hemm xi nies li ħaduha bi kbira li l-Madonna tad-Duluri ma kienetx ser tibqa’ l-Patruna ta’ Birżebbuġa.

 

It-Tqegħid ta’ l-ewwel ġebla.

Kien il-Ħadd 29 ta’ Awissu tal-1926, meta dakinhar giet imqiegħda bl-aktar mod sollenni l-ewwel ġebla tat-tieni knisja parrokkjali. Fil-5:30 ta’ filgħaxija l-Isqof Dom Mauro Caruana O.S.B, flimkien maċ-ċerimonjier tiegħu Monsinjur Antonio Bonnici, waslu Birżebbuġa u ġew milqugħin mill-kappillan Dun Anġ Fenech.  Magħhom waslu Monsinjur Dekan Giuseppe De Piro u Monsinjur Ġann Battist Buhagiar.  Dawk in-nies li kienu kontra li l-knisja tkun iddedikata lil San Pietru kienu telgħu fuq għolja fejn illum hemm il-kunvent tas-sorijiet u qagħdu jħarsu lejn iċ-ċelebrazzjoni minn hemm. Imbagħad l-Isqof libes l-ilbies Pontifikali u bierek il-pedamenti kollha tal-knisja. Wara sar talb skond ir-ritwal Ruman u l-Kant tal-Litanija tal-Qaddisin.  Imbagħad, il-Perit Giuseppe Terreni newwillu kazzola bit-tajn, u wara li qiegħed pergamena bi skrizzjoni bil-Latin u medalji u xi flus, l-Isqof sammar il-ħebla f’postha. 

 

 

Jibda x-xogħol.

Hekk kif ġiet imqiegħda l-ewwel ġebla, beda x-xogħol tal-bini tal-knisja. Għalkemm kienu jafu li quddiemhom kellhom biċċa xogħol twila u iebsa, pero’ dan ma qatax qalb il-kappillan Fenech li kien intefa’ jaħdem b’ruħu u b’ġismu sabiex jara din il-ħolma isseħħ. L-ewwel ma beda jinbena kien il-Kor, ftit passi ‘l bogħod minn fejn kienu poġġew l-ewwel ġebla. Jidher li fl-ewwel żminijiet huma bdew jibnu l-ħitan kollha tad-dawra tal-knisja fl-istess livell. Pero’ meta waslu fl-għoli ta’ madwar sular u nofs irrealizzaw li jkun aħjar li l-ewwel ilestu l-parti ta’ wara u jibqgħu mexjin bil-bini ‘l quddiem lejn il-faċċata. Għalhekk naraw li l-ewwel ma tlestiet kienet id-dar parrokkjali li tinsab wara l-knisja. Hekk kif tlestiet id-dar, tkompla l-bini fuq il-kor sakemm issaqqfet l-arzella l-kbira.  Imbagħad tkompla x-xogħol fuq il-kappelluni tal-ġnub.

 

 

 Ġbir ta’ flus.

Naħseb l-akbar ugiegħ ta’ ras li kellu l-kappillan, kien il-mod ta’ kif jara kif se jagħmel sabiex jiġbor il-flus għall-bini ta’ din il-knisja. Il-kappillan kien jagħmel ġabriet hu stess mingħand diversi individwi, sabiex jgħinu fl-ispejjeż. Barra minn hekk, xi rġiel li kienu jgħinu lill-kappillan, kienu jagħmlu ġabriet huma wkoll.  Fil-knisja ta’ spiss kienu jsiru ġabriet waqt il-quddies l-aktar fil-festi. Ta’ interess hu li l-ġabriet li kienu jsiru fix-xhur tas-Sajf kienu wisq ikbar minn dawk Xitwin.  Insibu li dak iż-żmien kienu tpoġġew diversi kaxxi għad-donazzjonijiet f’diversi ħwienet li kien hawn.  L-aktar tnejn li nsibu referenzi għalihom, kienu l-kaxxa li kien hemm fil-Lukanda ta’ Dowdall li dari kien hemm fil-Qajjenza, u l-kaxxa li kien hemm fil-forn tal-ħobż li jinsab fi Triq id-Duluri, li dak iż-żmien kien f’idejn ċertu Carmelo Schembri. Id-donazzjonijiet mingħand l-individwi qatt ma naqsu, l-aktar mingħand il-professjonisti li kienu jkunu hawn fis-Sajf. Il-kappillan kien jagħmel diversi lotteriji li kienu jsejħulhom “tas-sold xelin” u anke fieri. Kien jissellef il-bitħa tad-dar tal-familja Randon li kienet tinsab quddiem il-knisja, eżatt fejn illum hemm il-Każin tal-Banda San Pietru, sabiex fiha jkun jista’ jorganizza dawn il-fieri. Ġrajja xi ftit umoristika li jirrakkuntaw diversi anzjani mir-raħal hi, li darba l-kappillan Fenech kien għamel lotterija u l-premju kien kamra tas-sodda. Wara ħafna żmien il-kappillan iddeċieda li jtella’ din il-lotterija. Pero’ min rebaħ ħa ferħa bla temma, għax il-kamra tas-sodda ma kienetx kamra tas-sodda ta’ vera, imma kamra tas-sodda tal-pupi.  Tistgħu taħsbu x’għamlet dik il-mara meta l-kappillan uriha l-premju tagħha. Bis-saħħa ta’ din il-ġrajja umoristika għall-aħħar, il-kappillan bena parti mill-presbiterju. Darba f’xahar il-kappillan kien jagħmel quddiesa għall-bżonnijiet ta’ dawn il-benefatturi kollha, li bis-saħħa tagħhom illum qed ingawdu din il-knisja.

 

Periti, Benejja u Skulturi.

Bħalma diga’ għidna, l-perit li għamel il-pjanta tal-knisja kien l-Inġinier Ċivili Godwin Herbert Galizia li tagħha kien tħallas is-somma ta’ £30.  Pero’ x-xogħol tal-kostruzzjoni ma kienx f’idejn dan il-perit. L-ewwel fażi tal-knisja tmexxiet taħt is-superviżjoni tal-Perit Giuseppe Terreni. Għal dan ix-xogħol huwa tħallas is-somma ta’ £100 li kien ircievihom f’pagamenti żgħar kultant żmien.  Perit ieħor li ħadem f’din il-knisja kien il-Perit Ugo Mallia. Dan il-Perit ħa ħsieb il-kostruzzjoni tal-kolonni taż-żonqor, u li tagħhom nhar il-5 ta’ Ottubru tal-1934, hu kien tħallas s-somma ta’ £2-l0s. L-aħħar Perit li ħadem f’din il-knisja kien il-Perit Profs. Giuseppe Colombo. Dan ta’ l-aħħar ħadem fis-saqaf il-kbir u fil-faċċata. B’kollox ta’ dan ix-xogħol kien thallas s-somma ta’ £60.

Meta niġu sabiex nitkellmu fuq il-kuntratturi, insibu li prinċipalment dawn kienu tlieta. L-ewwel bennej kien l-imgħallem Indri Vassallo (taż-Żlejku) minn Ħal Luqa. Ftit wara daħal kuntrattur ieħor jaħdem miegħu, li kien Ġużeppi Galea (tas-Sanità) li kien joqgħod Bengħisa. Ġara’ li kien inqala’ xi diżgwid bejn dawn iż-żewg kuntratturi u l-kappillan, dwar l-istil tal-knisja. Dan wassal sabiex dawn iż-żewg kuntratturi ma baqgħux jibnu fil-knisja. Għalhekk kien kompla x-xogħol l-imgħallem Karmenu Żerafa (ta’ Patalajtu) minn Birżebbuġa, li dan kompla l-bini tal-knisja kważi kollha. Il-parti ta’ fuq tal-kampnar inbniet mill-imgħallem Carmelo Sapiano. Għall-bidu l-ġebel kien jinqata’ minn maġenb il-knisja stess, u minn barriera li tinsab f’Tal-Papa. Pero’ mbagħad il-ġebel beda jinġieb minn barriera maghrufa bħala “Tad-Dawl” li tinsab fil-limiti ta’ l-Imqabba.  Nistgħu ngħidu li minn din il-barriera nbniet kważi l-knisja kollha.

F’din il-knisja ħadmu diversi skulturi. L-iskultur Vincenzo Baldacchino kien għamel xi xogħol ta’ skultura fuq l-artal tar-Rużarju. L-iskultur Marco Montebello kien ħadem r-rużuni kollha tas-soqfa u xi xogħol ieħor ta’ gwarniċi. Ta’ min jgħid li dan l-iskultur jiġi missier l-iskultur Tarcisio Montebello li bħalissa qiegħed jagħmel xogħol ta’ skultura fuq il-kaptelli tal-kolonni. L-iskultur Giovanni Bonnici kien ħadem it-tliet kapitelli antiki tal-kolonni li saru fl-1935. Dawn it-tlieta kienu swew is-somma ta’ £16 dak iż-żmien !!  L-iskulturi Luigi Formosa u C.Curmi kienu għamlu xi xogħol fuq l-artali tar-Rużarju u tal-Kurċifiss.  Skulturi oħra li ħadmu f’din il-knisja kienu C.Cefai u A. Agius.

 

It-Tberik ta’ l-Ewwel Parti tal-knisja.

Sal-1937 kien hemm lesti l-kor, il-kappelluni (fejn hemm in-niċeċ ta’ Sant’Antnin u ta’ Fatima), u l-presbiterju (fuq l-artal maġġur). Għalhekk bil-permess ta’ l-Isqof, il-ħnejja l-kbira li tifred il-presbiterju minn mal-korsija ġiet imbarrata bil-ġebel u bl-injam sabiex dik il-parti li kienet lesta setgħet tintuża għas-servizzi reliġjuzi, (peress li din il-parti biss, kienet ikbar mill-kappella tad-Duluri). Għalhekk nhar id-29 ta’ Mejju tal-1937 ġiet imbierka l-ewwel parti tal-knisja minn Mons. Emmanuele Galea. Huwa dar dawra mal-knisja minn ġewwa u minn barra u berikha bil-ħaxixa tal-isopo. Wara, flimkien maċ-ċerimonjier Djoċesan tiegħu Mons. Giuseppe Camilleri, qaddes l-ewwel quddiesa kantata fiha. Imbagħad nhar Corpus Domini ta’ l-istess sena, jiġifieri nhar il-Ħamis 16 ta’ Gunju, saret Translazzjoni mill-knisja l-qadima għall-knisja l-ġdida, fejn fiha ġie trasportat is-Sagrament Imqaddes.

 

Pass ‘l Quddiem lejn it-Tmiem.

Ix-xogħol kompla għaddej bla waqfien, bil-ħsieb li jsaqqfu l-korsija ħalli b’hekk il-knisja tkun tista’ tintuża kollha. Tlestew il-ħnejjiet tan-navi kollha, li qegħdin iserrħu fuq kolonni taż-żonqor. (Dan iż-żonqor kien inġieb minn barriera li tinsab fil-limiti tal-Qala Għawdex). Malli tlestew il-ħitan kollha tal-korsija, bdew jinħadmu t-travi tas-saqaf.  Hekk kif tlesta x-xogħol fuq dawn it-travi, kien ser jibda x-xogħol sabiex dawn it-travi jitpoġġew f’posthom.

Pero’ ġara li nhar il-11 ta’ Ġunju tal-1940, għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu, fuq Ħal Far u Kalafrana seħħ l-ewwel attakk mill-ajru fuq Malta tat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-gwerra kienet tfixkila kbira fil-proċess tal-bini tal-knisja. Birżebbuġa ġiet evakwata min-nies peress li kienet fil-qalba tat-tiġrib. In-nies li kien baqa’ hawn kont tgħoddhom fuq ponot subgħajk. Għalkemm diversi djar madwar il-knisja ġġarfu, pero’ b’xorti tajba l-knisja ma ġarbet l-ebda ħsara. Insibu li bejn Ġunju tal-1941 u Settembru tal-1944 x-xogħol fuq il-bini tal-knisja kien waqaf kompletament.  Hekk kif intemmet il-gwerra, tkompla x-xogħol.  Il-ħnejja ta’ bejn il-presbiterju u l-korsija, infetħet mill-ġebel u l-injam li kien jinbarra, sabiex il-knisja setgħet tintuża kollha.  Pero` peress li s-saqaf il-kbir tal-korsija kien għadu ma sarx, it-travi li kienu fl-art kienu jintużaw bħala bankijiet fejn ipoġġu bilqiegħda.

 

 

 

F’Diċembru tal-1945 it-travi sabu posthom, u minnufih beda x-xogħol sabiex isir is-saqaf.  Dan is-saqaf inħadem minn Salvatore Falzon taħt is-superviżjoni tal-Perit Profs. Giuseppe Colombo.  Malli tlesta s-saqaf, tkompla x-xogħol li kien fadal fuq il-frontispizju u torrijiet li ġie fi tmiemu fl-1948, sabiex b’hekk il-faċċata ġiet kompluta. Imbagħad beda x-xogħol fuq il-kampnar, xogħol perikoluż għall-aħħar, li ġab fi tmiem il-bini ta’ din il-knisja fl-1951.  Il-kappillan Fenech issa kien kiber fl-eta’, u għalhekk nhar is-7 ta’ April tal-1952 hu temm 28 sena ta’ ħidma f’din il-parroċċa. Dun Anġ kien l-aktar kappillan li dam jamministra lil din il-parroċċa, u tul iż-żmien li dam kappillan hu ħadem sabiex tinbena l-knisja mill-bidu sa l-aħħar. Kien kuntent li l-ħolma li kellu (li jilħaq jara l-knisja lesta) kien raha ssir realtà. Wara Dun Anġ, laħaq Monsinjur tal-Katidral ta’ l-Imdina. Huwa miet fit-13 ta’ Jannar tal-1964 fl-għomor ta’ 82 sena u l-fdalijiet tiegħu jinsabu midfunin fil-Katidral ta’ l-Imdina.

 

Xewqat Mitmuma.

Hekk xewqa kbira li kellhom il-Birżebbuġin twettqet, xewqa li kienet ilha s-snin li nibtet, xewqa li twettqet bis-sagrifiċċji u biċ-ċaħda ta’ missirijietna. Għalkemm diversi nies ma kellhomx ix-xorti jarawha lesta, pero’ żgur li kien ta’ għaxqa għalihom li taw sehemhom sabiex din ix-xewqa li kellhom missirijietna tinqata’. Għalhekk aħna l-Birżebbuġin kollha, speċjalment iż-żgħazagħ għandna napprezzaw it-tbatija, is-sagrifiċċji u anke ċ-ċahda li batew missirijietna sabiex bnew din il-knisja, u li huma kienu l-inqas nies li gawdewha.  Dan ir-rakkont, irrakkonta fil-qosor ħafna, l-istorja li sawwret il-knisja li għandna, liema storja għadha ġurnata tal-lum. Xhieda ta’ dan hi l-iskultura li bħalissa qed issir. J’Alla dan ix-xogħol li nbeda madwar sena ilu jitkompla, sabiex ix-xewqa li kellhom missirijietna sseħħ għal kollox, billi dan it-tempju jkun komplut bl-iskultura li għad trid issebbħu.

Il-faċċata tal-knisja tagħna, milquta mir-raġġi mdehba tax-xemx fietla fiż-żernieq, hi xena li tabilħaqq issaħħar. Pero’ għalina din ix-xena tal-knisja, għandha tkun id-dawl li jinfed ġod-dlam.  Kull darba li minn fejn inkunu nilmħu l-quċċata tal-kampnar jinfed is-smewwiet, jew nisimgħu l-ħoss sabiħ tal-qniepen, għandna niftakru li hemm fuq hemm min tassew iħobbna u li dejjem lest li jilqana fi ħdanu, b’imħabba ta’ Missier.

 

Referenzi

Bibljoteka Nazzjonali Valletta – Salvu Spiteri – “Il-Parroċċa ta’ Birżebbuġa bil-knisja l-ġdida tagħha”. (Empire Press 1949)

(A)rkivju (P)arrokjali (B)irżebbuġa – (Anno 1893) – “Ricorsi, Contratti, e altri Documenti”. (Diversi paġni li huma relatati mat-twaqqif tal-parroċċa u l-bini tal-knisja tad-Duluri)

A.P.B. – “La Chiesa Erigenda” – Introito – (1920-1957)

A.P.B. – “La Chiesa Erigenda” – Esiti – (1926-1957)

A.P.B. – Fuljett Parrokkjali “Birżebbuġa” – Diversi snin.

 

Ringrazzjament li dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom permezz ta’ informazzjoni u ritratti antiki dwar il-bini tal-knisja.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: