Skip to content

Id-Devozzjoni lejn Sant’Antnin f’Birzebbuġa

 

Id-Devozzjoni lejn Sant’Antnin f’Birzebbuġa.
kitba ta’ Conrad D’amato f’isem l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa.
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 2002.

 


Din l-istatwa ġiet irregalata lill-Isqof Pace mill-Patrijiet Minuri Franġiskani Konventwali fl-1902.  Ħadd ma jaf bl-eżatt kif din l-istatwa spiċċat Birżebbuġa, x’aktarx rigal tal-istess Isqof meta għolla l-Birżebbuġa bħala Parroċċa.

 

Introduzzjoni

Fil-knisja parrokkjali tagħna, fil-Kappella tar-Rużarju. hemm niċċa żgħira fejn fiha tinżamm l-istatwa ta’ Sant’Antnin.  Propju din is-sena jaħbat il-100 sena minn meta saret l-istatwa.  Għalhekk xieraq li għal din is-sena nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq din l-istatwa u naraw l-istorja daqsxejn misterjuża li ssawret tul is-snin.

 

L-Istatwa

Kif diġà għidt dwar din l-istatwa jeżisti misteru li jiena u sħabi għadna ma sibniex tarfu pero’ persważ li bir-riċerka li qed nagħmlu żgur li xi darba jew oħra ser naslu għal konklużjoni. Din l-istatwa hi magħmula mill-kartapesta.  Mhux magħruf eżatt min ħadimha u kif spiċċat Birżebbuġa. Pero’ mal-bażi ta’ din l-istatwa hemm iskrizzjoni li meta taqliba għal Malti tgħid hekk: “Fl-okkażjoni tal-Ġublew Episkopali ta’ l-Eċċ. Tiegħu Rev.ma Mons. Pietro Pace D.D., Arċisqof ta’ Rodi, Isqof ta’ Malta, il-patrijiet Minuri Franġiskani Konventwali, b’qima jagħtu 19 ta’ April 1902” Fi ftit kliem xi tfisser din l-iskrizzjoni? Jidher li meta l-Isqof Pietru Pace għalaq 25 sena isqof, il-Patrijiet Franġiskani kienu rregalawlu din l-istatwa. Imma hawn wieħed jistaqsi, kif spiċċat f’Birżebbuġa? Hawn jidħol il-misteru li fuqu tkellimna. Jista’ jkun li meta nhar id-9 ta’ Settembru tal-1913, l-Isqof Pietru Pace (li tant kien iħobb lil Birżebbuġa) għolla lil dan ir-raħal għad-dinjità ta’ parroċċa, kien propju hu li rregala din l-istatwa lill-parroċċa li kien għadu kemm waqqaf.  Pero’ dwar dan m’hemm xejn ikkonfermat, din hi biss il-fehma tiegħi. Skond Ġużeppi Grima – anzjan mir-raħal li llum mejjet – din l-istatwa kienet fil-knisja l-antika fejn kellha devozzjoni kbira min-nies ta’ dak iż-żmien.

 

L-Istatwa fid-Dettal

Meta wieħed iħares lejn din ix-xbieha jista’ jirrealizza d-devozzjoni li teżiżti bejn Sant’Antnin u l-Bambin. L-istatwa turi lil Sant’Antnin liebes ta’ patri bil-wieqfa, f idu x-xellugija qed iżomm il-Bibbja u bil-qegħda fuq il-Bibbja hemm il-Bambin li qiegħed b’idejh miftuħin qisu qed jilgħab ma’ Sant’Antnin. Mad-driegħ tal-lemin tal-qaddis naraw il-ġiljuwa li oriġinarjament kienet tal-kartapesta, pero din kienet tneħħiet sabiex setgħet issir tal-fidda. Id-diadema ta’ ma’ ras Sant’Antnin hi tal-fidda.

Fil-bidu tas-snin sebgħin din l-istatwa kienet ġiet restawrata u miżbugħa mill-ġdid.  L-ispejjeż kollha kienu tħallsu minn Fredu Schembri (Tad-Dobbu). Il-pedestal li wieħed jara taħtha hu sempliċi u nħadem minn Turu Grima fl-1997. Fl-1925 l-Isqof Mauro Caruana kien ta mitt jum indulġenza għal kull min b’devozzjoni jgħid Missierna, Sliema u Glorja quddiem din ix-xbieha. Ta’ min jgħid li fl-1 ta’ Lulju 1999, xi ħadd kien kisser in-niċċa u seraq sitt ċrieket tad-deheb, uħud minnhom antiki li kollha kienu ingħataw bħala wegħdiet tul is-snin.

 

Il-Festa

Il-festa ta’ dan il-qaddis tiġi ċċelebrata fit-13 ta’ Ġunju. Dari l-festa kienet issir b’iktar devozzjoni mill-lum. Il-quddies ta’ nhar il-festa kienet tkun fdata f idejn il-Kanonku Dun Rikard Attard. Bħala wegħda kienu jagħmlu qlub żgħar tal-fidda u kienu jpoġġuhom madwar l-istatwa meta din tkun ġon-niċċa. Illum minn dawn il-qlub fadal tlieta li huma tifkira ħajja ta’ dawk iż-żminijiet meta l-poplu in ġenerali kien aktar devot u reliġjuż. Ta’ min jgħid li fl-antik il-flus li kienu jinġabru matul is-sena kienu jingħataw lill-foqra tar-raħal. Fl-antik l-istatwa kienet tiġi armata fuq l-artal tar-Rużarju. Illum il-ġurnata din qed tintrama fil-kursija mal-pilastru maġġur. Ta’ min jgħid li fil-festa tal-1979 kien miet il-Kappillan żgħażugh Dun Karm Frendo. Dik is-sena l-festa kienet ġiet imħassra u ma saritx.

 

Konklużjoni

B’hekk fuq fuq tajna ħarsa lejn l-istorja li ssawret tul is-snin ma’ din l-istatwa.  Għalkemm ħafna fatti dwarha għadhom sal-lum mistura, pero’ mill-ftit li nafu nistgħu naraw kemm tul is-snin din l-istatwa dejjem ġiet miżmuma mill-aħjar, xhieda ta’ dan hi l-kundizzjoni ferm tajba li tinsab fiha llum.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: