Skip to content

Id-devozzjoni Lejn il-Madonna tar-Rużarju f’Birżebbuġa

 

Id-devozzjoni Lejn il-Madonna tar-Rużarju f’Birżebbuġa.
kitba ta’ Conrad D’Amato
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 2000.

 


caption

 

Id-Devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju

F’Malta id-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju hi waħda antika ferm, u rat il-bidu tagħha tul is-seklu 16. F’dan is-seklu fil-parroċċi kollha li kienu jeżistu dak iż-żmien kienu twaqqfu l-konfraternitajiet tar-Rużarju. Illum il-ġuranta kważi f’kull parroċċa nsibu l-Fratellanza tar-Rużarju.  F’Birżebbuġa mhux biss teżisti Fratellanza, imma teżisti wkoll devozzjoni kbira lejn il-Madonna tar-Rużarju, li l-oriġini tagħha tmur lura għal ħafna u ħafna snin.

 

L-Oriġini tad-Devozzjoni

Ir-raħal ta’ Birżebbuġa, dari kien jaghmel parti mill-parroċċi taż-Żurrieq, taż-Żejtun u ta’ Birmiftuh (Gudja) li fl-1436 kienu diġa’ parroċċi. F’Birmiftuħ fit-23 ta’ Frar ta’ 1588 kienet ġiet imwaqqfa l-Fratellanza tar-Rużarju. Ftit wara ż-Żrieraq u ż-Żwieten għamlu l-istess u huma wkoll waqqfu l-fratellanza taħt it-titlu tar-Rużarju.  F’dan iż-żmien li qed insemmu, Birżebbuġa ma kienet xejn għajr raba’ u xagħri u xi ftit irziezet ‘l hawn u ‘l hemm.  Ftit snin wara mill-Gudja ġew imwaqqfa żewġ parroċċi oħra li kienu Ħal Safi fl-1598 u Ħal Għaxaq fl-1626. Għalhekk id-devozzjoni li kienet teżisti l-Gudja għaddiet f’dawn iż-żewġt irħula. B’hekk naraw li ftit wara li dawn iż-żewġt irħula saru parroċċi, fihom ġew imwaqqfa l-Fratellanzi tar-Rużarju. Iż-żmien beda għaddej ġmielu u diversi nies mill-irħula li diġa’ semmejna, l-aktar mir-Żurrieq, bdew jibnu djar u rziezet f’Birżebbuġa. Għalhekk b’devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju bdew jibnu niċeċ ad unur l-istess Madonna. Illum il-ġurnata f’Birżebbuġa nsibu tliet niċeċ iddedikati lill-Madonna tar-Rużarju.  Dawn insibuhom waħda fi Triq Birżebbuġa li ġġib is-sena 1880, oħra fi Triq Profs Anton Tabone (dari Triq il-Ġdida) u l-oħra fejn il-venda tal-karozzi tal-linja. Sfortunatament rigward l-aħħar żewġ niċeċ ma nafux is-sena meta saru.

Ġara li fl-1897, ir-raħal ta’ Marsaxlokk sar parroċċa bit-titular tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompei.  Għalhekk Birżebbuġa ġiet imdawra b’irħula li fihom kien hemm id-devozzjoni lejn ir-Rużarju.  Dan kollu kompla kabbar id-determinazzjoni li kellhom missirijietna biex f’Birżebbuġa wkoll tiġi mwaqqfa l-Fratellanza tar-Rużarju.

 

Twaqqif tal-Fratellanza

Ir-raħal ta’ Birżebbuġa sar parroċċa fid-9 ta’ Settembru ta’ l-1913, bil-Madonna tad-Duluri bħala l-ewwel Patruna ta’ Birżebbuġa. L-ewwel knisja parrokkjali kienet il-knisja tad-Duluri, li tinsab fi Triq il-Knisja (illum Museum tas-subien). Hekk kif Birżebbuġa saret parroċċa l-kappillan Dun Karm Bugelli għamel rikors il-Kurja biex tiġi mwaqqfa l-Fratellanza tar-Rużarju f’Birżebbuġa.  Fid-29 ta’ Ottubru 1913 (51 ġurnata wara t-twaqqif tal-parroċċa), l-Isqof Pietru Pace ta l-kunsens tiegħu biex tiġi mwaqqfa l-Fratetellanza tar-Rużarju f’Birżebbuġa. Jumejn wara, fil-31 ta’ Ottubru l-Fratellanza ġiet approvata mill-Provinċjal tal-Patrijiet Dumnikani Hyacinthus M. Cormier O.P. Pero’ l-Isqof Pietru Pace ried li qabel tiġi mwaqqfa l-Fratellanza tar-Rużarju, tiġi mwaqqfa l-Fratellanza tas-Sagrament (tat-Titular).  Għalhekk fl-4 ta’ Novembru ta’ l-1913 il-Kappillan Bugelli kiteb rikors il-Kurja biex tiġi mwaqqfa l-Fratellanza tas-Sagrament. Din il-Fratellanza ġiet imwaqqfa fit-28 ta’ Novembru ta’ 1913. Għalhekk issa ma kien hemm xejn iktar xi jtellef biex tiġi mwaqqfa l-Fratellanza tar-Rużarju f’Birżebbuġa. Kien propju fl-4 ta’ Jannar ta’ 1914 meta dakinhar inħareġ id-digriet li permezz tiegħu ġiet imwaqqfa l-Fratellanza tar-Rużarju f’Birżebbuġa. Dan id-digriet (li għadu miżmum b’għożża kbira fil-knisja Parrokkjali) juri li l-kappillan Dun Karm Bugelli ġie maħtur bħala l-ewwel rettur tagħha, filwaqt li bħala xhieda hemm il-firem ta’ Dun Frans Saverio Cutajar u Antonio Zarb. B’hekk wara ħafna snin, id-devoti Riżorjanti raw il-ħolma tagħhom issir realtà meta twaqqfet il-Fratellanza li għaliha kienu ilhom jaħdmu.

Ġara li meta t-titular tal-Parroċċa nbidel mid-Duluri għal San Pietru, id-devozzjoni lejn ir-Rużarju naqset ħafna tant li l-Fratellanza għamlet xi snin wieqfa. Pero` fl-1961 reġgħet bdiet tiffunzjona u f’Birżebbuġa reġgħet xegħlet il-fjamma tad-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju. Fost ir-Retturi li kellha l-Fratellanza, nsibu lil Leli Polidano (Ta’ Borda), u lil Ċikku Schembri (Ta’ Zabettu) li kien sagristan. Illum il-ġurnata r-Rettur preżenti hu l-Perit Michael Schembri. Tajjeb li nsemmu li l-aktar żewġ razez li jibqgħu marbutin ma’ din il-Fratellanza, huma r-razza ta’ Gaxxulli (Salvu u Frenċ Polidano) li kien joqgħodu Bengħajsa, u r-razza tas-Sunnu li kienu joqgħodu l-Brolli. Ta’ min jghid li għal dawn l-aħħar 25 sena, il-membri tal-Fratellanza ħadu ħsieb l-armar tal-Knisja, fosthom insemmu d-damask.

 

L-Istatwa tal-Madonna tar-Rużarju

Fil-knisja parrokkjali, fuq in-naħa tax-xellug tal-bieb maġġur, hemm niċċa fejn fiha għal ħdax-il xahar sħaħ tinżamm il-vara devota tal-Madonna tar-Rużarju.  Din il-vara hi ta’ l-injam u saret fi żmien il-kappillan ħabrieki Dun Ġużepp Minuti. Pero’ sfortunatament dwar din il-vara m’għandna xejn dokumentat fl-arkivju tal-knisja.  L-informazzjoni li għandna ġiet mgħoddija lilna bil-fomm. Din l-istatwa x’aktarx saret fl-1962, mill-iskultur Ferdinando Stuflesser, f’Ortisei li qegħdha fil-provinċja ta’ Bolzano fin-naħa ta’ fuq tal-Italja.  Din il-vara saret fl-istess fabbrika fejn saru il-Via Sagra (1956), l-istatwa titulari ta’ San Pietru (1959) u l-istatwa ta’ San Ġużepp (1961).  Is-somma globali li swiet din il-vara sakemm waslet Malta ma nafux eżatt kemm kienet. Dan għaliex l-irċevuti li jappartjenu lil din l-istatwa huma mitlufa. Pero’ s-somma żgur li kienet ta’ madwar 150 lira, li 70 minnhom ġew imħallsa minn Karmnu Schembri (iz-Zonn) li kien ukoll minn Bengħajsa iżda maż-żmien niżel joqgħod Birżebuġa eżattament fi Triq iż-Żebra. Din l-istatwa tirrapreżenta lill-Madonna bilwieqfa fuq sħaba, u fl-id tax-xellug qed iżżomm il-Bambin b’idejh miftuħa, filwaqt li fl-id tal-lemin qed iżżomm kuruna li tissimbolizza t-talba tar-Rużarju. Jekk wieħed jifli sew il-libsa qed iżżomm kuruna li tissimbolizza t-talba tar-Rużarju. Jekk wieħed jifli sew il-libsa tal-Madonna, jsib li għad hemm xi daqqiet żgħar tal-furmatur ta’ meta nħadmet. Id-diademi li hemm ma’ l-irjus tal-Madonna u l-Bambin, inħadmu b’xejn minn Gorġ Cordina u l-materjal tħallas b’wegħda minn Giovanna Farrugia.  Dawn swew is-somma ta’ 30 lira u żżanżnu f’Ottubru ta’ l-1990.

Il-Pedestall li hemm taħt il-Madonna ma nafux meta sar, u min ħadmu. Dan il-pedestall dari kien il-pedestall ta’ Santa Marija tal-Gudja. Ta’ min jgħid li qabel il-Gudja, dan il-pedestall kien Bormla. Fl-1932 dan il-pedestall wasal Birżebbuġa biex jintrama taħt l-istatwa tad-Duluri. Fl-1947 dan il-pedestall beda jintuża wkoll għall-vara ta’ San Pietru (l-antika). (Hekk kif waslet il-vara tal-Madonna tar-Rużarju, dan il-pedestall). Ma nafux eżatt meta saru u min ħadimhom, imma aktarx li saru qrib is-sena 1880, skond id-data li hemm miktuba taħt il-bradella.

 

Il-Festa tal-Madonna tar-Rużarju

Sa mill-ewwel snin tat-twaqqif tal-Fratellanza, il-festa li kienet issir kienet festa żgħira.  Pero’ meta waslet il-vara, u allura meta reġghet twaqqfet il-Fratellanza, din il-festa ħadet xejra oħra. Illum il-ġurnata, kull l-ewwel Ħadd ta’ Ottubru, fil-knisja ta’ Birżebbuġa tiġi ċċelebrata l-festa sekondarja tal-Madonna tar-Rużarju. Din il-festa tiġi organizzata mill-Fratellanza tar-Rużarju.  F’din il-festa jinġieb qassis barrani, issir quddiesa kantata filgħaxija u wara ssir purċissjoni “Aux Flambeaux” bl-istatwa devota tal-Madonna tar-Rużarju, akkumpanjata mill-Fratellanzi u minn għadd ta’ devoti li ta’ kull sena jimxu warajha. Imbagħad il-vara tagħmel ix-xahar ta’ Ottubru kollu (ix-xahar tar-Rużarju), armata fin-navi tal-knisja.

Fit-8 ta’ Mejju, issir il-festa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompei, li tiġi organizzata wkoll mill-Fratellanza. Fil-11.30 ta’ filghodu issir quddiesa u f’nofsinhar tingħad is-Supplika tal-Madonna. Ta’ min jgħid li lejn l-aħħar tas-snin tmenin, kien hemm xi nies li riedu jwaqqfu l-festa tat-8 ta’ Mejju bil-ħsieb li jxejnu d-devozzjoni lejn ir-Rużajru f’raħalna.  Dan il-ħsieb li kellhom spiċċa fix-xejn, meta għall-quddiesa tat-8 ta’ Mejju ta’ dik is-sena, n-nies attendew iktar bi ħġarhom.

 

Opri Artistiċi

Din il-Fratellanza tipposjedi diversi opri artistiċi li saru kollha minn benefatturi tagħha.  Barra l-istatwa, nistgħu ngħidu li l-ikbar opra hu l-artal tar-Rużarju. Dan hu ta’ l-irħam u sar fl-1938 u ġie mħallas minn Emanuel Said u l-familja tieghu. Dan jinsab fil-kappellun tan-naħa tax-xellug. L-inkwadru ferm sabiħ li nsibu fuq l-artal, jirrapreżenta lill-Madonna ta’ Pompei u tpitter minn E. Coccoli minn Brescia fl-Italja. Fuq dan l-artal insibu żewġ inkwadri oħra, li qegħdin wieħed kull naħa ta’ l-inkwatru l-kbir. Dawn jippreżentaw lil San Ġużepp u l-Anġlu Kustodju. Ma nafux id-data ta’ meta ġew impittra dawn l-inkwadri, imma nafu li qabel il-gwerra kienu diġà hawn. Il-paviment ta’ l-irħam li hemm quddiem l-artal sar fl-1955. Dan qam 300 lira u tħallas minn Salvu u Ġanna Mifsud, skond l-irħama li hemm mal-bażi tal-pilastru tal-lemin tal-kappellun. L-ostensorju li fih tinżamm ir-Relikwa tal-Madonna hu tal-fidda. Dan kien inġieb flimkien ma’ xi affarijiet oħra mill-kappella ta’ San Ġużepp li tinsab f’San Ġorġ. Il-ventartal li jintrama fil-festa sar minn Ġużeppi Farrugia u r-rakkmu tiegħu ġie mehud minn bandalora antika tal-“Figlie di Maria”, u żżanżan fil-festa ta’ l-1988.

It-terħa ta’ l-artal ġiet meħjuta minn Alfred Roberts u r-rakkmu tad-deheb sar minn Rosaria Portelli fuq disinn tal-kanonku Dun Ġużepp Portelli miż-Żurrieq.  Din iżżanżnet fl-1989 u swiet 500 lira u tħallset minn Ċikku Schembri (ex-sagristan). L-istandard il-prim hu ta’ kulur abjad safrani. Dan sar fl-1962 u ġabar għalih Salvu Polidano (Ta’ Gaxxuli) minn Bengħajsa. Id-domna tar-Rettur hi tal-fidda. Din kienet swiet 100 lira u kienet tħallset ukoll minn Ċikku Schembri.  II-Girandola li tintrama tul ix-xahar ta’ Ottubru fuq l-artal maġġur, kienet tintuża fl-ewwel ġimgħa tax-xahar, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex, qabel ma din il-Bażilika saret Bażilika. Din waslet Birżebbuġa f’Novembru ta’ 1964 flimkien ma’ żewġ tużelli (wieħed tal-festa titulari u l-ieħor għal kuljum), u ma’ ġirandola oħra li tintrama fil-festa ta’ Corpus.

Imbagħad insibu s-salib tal-Fratellanza li x-xogħol fl-injam sar b’xejn minn Ġużeppi Cordina u żżanżan fl-1989. Il-bank tal-furċini sar minn Joe Mamo u skultura ta’ Joe Caruana. Dan sar fl-1994 u tħallas mill-benefatturi tal-Fratellanza. Fl-1995 sar il-bank tal-Fratelli li sewa’ s-somma ta’ 500 lira. Dan ġie mħallas ukoll minn xi benefatturi tal-Fratellanza.

Fl-1974 Nikola Balzan (s-Sinċier) kien għamel mant b’wegħda lill-Madonna ta’ Lourdes. Fl-1989 kien sar ftehim bejn Nikola Balzan u l-Fratellanza, biex dan il-mant jingħata lill-Madonna tar-Rużarju, u l-Fratellanza tagħmel mant ġdid għall-Madonna ta’ Lourdes.  F’Ottubru ta’ 1990, il-mant ġie armat għall-ewwel darba fin-nava ma’ l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju.  Ta’ min jgħid li bħalissa qed tinħadem bradella ġdida fuq disinn tal-Perit Michael Schembri. Din qed tinħadem minn Ġużeppi Farrugia u skultura ta’ Rene Mizzi. Ix-xogħol hu fi stat avvanzat, imma għad iridu jsiru 12-il statwa għal ġo n-niċeċ tagħha. Din il-bradella qed tiġi mħallsa minn benefattur kbir tal-Fratellanza.

 

Għeluq

Illum il-ġurnata nistghu ngħidu li d-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju fir-raħal tagħna, tinsab fl-aqwa tagħha. Xhieda ta’ dan huma l-grazzji riċenti, li l-Madonna qalgħet lil kull min talabha u għamel wiegħda magħha. Dawn l-opri kollha li għandna kemm semmejna, ġew imħallsa mid-devoti Riżorjanti, li jixtiequ jaraw il-vera devozzjoni lejn il-Madonna Sultana tar-Rużarju toktor dejjem iktar fil-parroċċa ta’ Birżebbuġa.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: