Skip to content

Id-Devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes ġewwa San Ġorġ f’Birzebbuġa

 
Id-Devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes ġewwa San Ġorġ f’Birzebbuġa.
kitba ta’ Arthur Grima f’isem l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa.
Ippubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’, Għaqda San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, Festa 2002.

caption

 

Għalkemm Birżebbuġa mhux xi raħal antik bħal irħula oħra fil-gżejjer Maltin, xorta waħda wieħed jiltaqa’ ma’ karatteristiċi li jinsabu kważi f’kull raħal. Fost dawn wieħed isib in-niċeċ li normalment issibhom ma’ xi faċċata ta’ dar jew fil-kantuniera.  Minn dawn f’Birżebbuġa għandna wkoll.  Fil-maġġoranza tagħhom dawn in-niċeċ huma ddeddikati lil Madonna b’titoli differenti.

Fost dawn insibu dik iddedikata lil Madonna ta’ Lourdes.  Li għandha partikulari din ix-xbieha tal-Madonna huwa l-fatt li ma tinstabx f’xi niċċa, imma ġewwa għar.  Il-post fejn tinstab huwa qrib il-Bajja ta’ San Ġorġ.  Hekk kif tħalli l-bajja, int u tiela t-Telgħa tal-Geru fuq ix-xellug hemm sqaq li jwasslek sa ħdejn bieb b’rixtellu tal-ħadid.  Fuq il-blata tal-bieb hemm lapida li ġġib id-data ta’ l-1883.  Kif tħares minn dan il-bieb tilmaħ daqsxejn ta’ ġardin, b’passaġġ fin-nofs li jwasslek sa ħdejn għar ċkejken.  Il-bokka ta’ l-għar tinsab magħluqa b’kanċell tal-ħadid.  Meta tħares ‘il ġewwa l-kanċell wieħed jilmaħ ġmiel ta’ statwa tal-ġebel miżbugħa, taħt it-titolu tal-Madonna ta’ Lourdes.

Ġrajja marbuta ma’ din l-istatwa, skond kif jirrakkontaw ix-xjuħ tagħna, tgħid li darba minnhom l-istatwa tal-Madonna kienet ittieħdet minn hemm.  Wara xi jiem, b’mod misterjuż, din l-istatwa sabet ruħha mill-ġdid ġewwa l-għar.  Skond kif ħasbuha n-nies ta’ dak iż-żmien, qalu li l-Madonna żgur li tinstab kuntenta f’dak il-post.  L-istorja ta’ dan il-għar tmur lura sas-sena 1883 meta l-Isqof Mons. Carmelo Scicluna ta 40 jum ta’ indulġenzi, nhar it-2 ta’ April, lil min jirreċita Ave Maria quddiem din ix-xbieha jew ikun miexi fil-viċinanza ta’ l-għar.  Dan kollu huwa miktub fuq lapida li hemm fuq il-blata tal-bieb ta’ barra in-naħa ta’ barra ta’ l-isqaq.  Lapida oħra, din id-darba tinstab eżatt fuq il-għar, tgħid li Mons. Mikiel Gonzi, Arċisqof ta’ Malta, ta 200 jum ta’ indulġenzi.  Din l-iskrizzjoni ġġib id-data ta’ 23 ta’ April 1958.

 

Min kien dawk li kienu jieħdu ħsieb dan il-post ?

L-ewwel persuna li x’aktarx kien minn tal-bidu li beda jieħu ħsieb dan il-post kien ċertu Gejtu Sacco mill-Gudja.  Dan Gejtu kien miżżewweġ lil Sunta mill-Gudja wkoll.  Wara ż-żwieġ dawn ġew joqogħdu Birżebbuġa lejn San Ġorġ.  Ir-raġuni li dan beda jindokra x-xbieha tal-Madonna kien il-fatt li kellu daqsxejn ta’ dwejra b’xi kmamar żgħar f’dawk l-inħawi ta’ l-għar, li fihom kien irabbi xi annimali waqt li kien iżomm xi għodod tar-raba fihom.  Kien fis-snin tal-gwerra li Gejtu u martu Sunta bit-tfal b’kollox kienu marru joqogħdu fihom.  Dan ġara wara li kienet waqatilhom id-dar bil-bombi.  Waħda minn uliedhom, Kakin, għada toqgħod f’Birżebbuġa sal-lum.  Min għandu ċertu età mhux ħażin żgur li jiftakar lil mart Gejtu, Sunta, tterraq fit-toroq ta’ Birżebbuġa, riekba fuq karettun miġbud minn ħmara.  Mhux ta’ b’xejn li l-laqam tagħha baqa’ dak ta’ “Sunta tal-ħmara”.

 

Lura lejn Gejtu – li kien ħaddiem it-Tarzna u iżjed tard fl-Isptar tax-Xjuħ (l-Imgieret) – wara l-ġurnata tax-xogħol kien jerħilha biex joqgħod inaddaf il-post, isaqqi s-siġar taż-żebbuġ, li bil-ġmiel tagħhom kienu jsebħu l-post.  Kien ftit tas-snin ilu li dawn is-siġar inqerdu għal kollox meta kien hemm tnixxija ta’ pitrolju mill-installazjoni ta’ l-Enemalta li tinsab fil-qrib! Għal Gejtu ma kienetx tgħaddi ġurnata waħda li ma kienx jixgħel biż-żejt jew iktar tard bix-xema x-xbieha tal-Madonna.  Meta miet Gejtu, ix-xogħol waqa’ fuq martu Sunta li, bl-istess devozzjoni, baqgħet tagħmel ix-xogħol ta’ żewġha.  Mhux hekk biss imma saħansitra din Sunta kienet baqgħet magħrufa għal mod tajjeb ta’ kif kienet kapaċi ddomm il-kuruni tar-Rużarju miż-żerriegħa tal-ħarrub.  Sunta kellha tifel jismu Ġużeppi, li dejjem kien jgħin lill-ommu.  Meta mietet Sunta, Ġużeppi baqa’ waħdu jieħu ħsieb dan il-post.  Għalkemm kien joqgħod il-Gudja, Ġużeppi kien jinżel ta’ spiss biex jixgħel ix-xema quddiem ix-xbieha tal-Madonna.

 

Il-Għar

Nagħtu ħarsa issa ġewwa l-għar.  Barra l-istatwa tal-Madonna, hemm statwa żgħira ta’ Santa Bernardina, li jingħad li Gejtu stess ħadimha fuq waħda minn uliedu.  Barra dan, mas-saqaf ta’ l-għar hemm imdendlin erba’ lampieri żgħar, li wkoll x’aktarx inħadmu minn Gejtu.  Xi ħaġa interessanti li hemm ġewwa l-għar hija biċċa minn stola bajda li kien libes l-Arċisqof Gonzi meta mar ibierek ix-xbieha tal-Madonna fl-1958.  Barra dan kemm maġenb l-għar kif ukoll fuq barra tal-bieb ta’ l-isqaq, hemm żewġ kaxxi tal-ħadid imdaħħla fil-ħajt fejn fihom kienu jitfgħu l-flus għax-xema.  Għall-pellegrini li jmorru jinvistaw il-Madonna, quddiem l-għar hemm tlett ġinokjaturi.  Il-post fejn qiegħed il-ġardin għandu għamla ta’ barriera li x’aktarx dan jindika li xi bini fil-qrib inqata’ l-ġebel għalih minn dan il-post.  Mal-ħajt fil-blat hemm żewġ bokok ta’ xelter ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.  Dawn iwassluk għall-kamra waħda komuni.  Dan kien tħaffer minn Gejtu Sacco nnifsu flimkien ma’ uliedu.  Dawn kienu ħaffruh wara li ma baqgħux imorru jistkennu flimkien man-nies ta’ l-inħawi ta’ San Ġorġ f’Għar il-Friefet, li kien ir-refuġju mill-attakki tal-bombi ta’ l-għadu.

 

Id-Devozzjoni

M’għandniex xi ngħidu li l-akbar devozzjoni li għandha din ix-xbieha huma d-dehriet tal-Madonna ta’ Lourdes, jiġifieri fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April u Lulju.  F’dawn ix-xhur b’mod silenzjuż, għadek tilmaħ lil tant devoti jerħula lejn dan il-post biex jinvistaw lill-Madonna, waqt li f’riġlejn il-għar jirreċitaw ħames posti rużarju.  Interessanti l-fatt li lejn dan il-post hemm devozzjoni partikulari, li tmur lura fis-snin, fejn nies minn raħal viċin dak ta’ Marsaxlokk jiġu bil-mixi, biex f’riġlejn il-Madonna jitolbu għal bżonnijiet tagħhom.  Minn żmien għal żmien jiġu stampati santi b’ritratti tal-Madonna ġewwa l-għar kif ukoll il-kurunella u d-dati tad-dehriet.

Lura għal Ġużeppi Sacco, bin Gejtu, dan illum il-ġurnata mdaħħal sewwa fiż-żmien u ma għadux jiġi mill-Gudja bħal qabel biex jieħu ħsieb il-post. Illum il-ġurnata, b’mod providenzjali, qiegħed jieħu ħsieb dan il-post Tony Minuti, wild dan ir-raħal.  Dan Tony daħal għal dan ix-xogħol – b’mod volontarju – wara li għal xi żmien kien jiġi jgħin lil Ġużeppi Sacco.  Kull min iżur il-post bħalissa malajr jinduna kemm hija għal qalb Tony din ix-xbieha tal-Madonna.  U jekk tinzerta tmur fix-xhur ta’ April jew Mejju, bil-ġmiel ta’ fjuri li jkun hemm, tistħajlek qiegħed fil-ġenna.  Fuq tabella ċkejkna qalb dawk il-fjuri hemm miktub, “Ġnien il-Paċi”, isem li Tony xtaq jagħti lil dan il-post.

Illum il-ġurnata ma jonqosx li, hekk kif għamlu ta’ qablu, Tony għadu jixgħel ix-xema quddiem din ix-xbieha waqt li jindokra dan il-post mill-aħjar li jista’.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: