Skip to content

Dun Mikiel Spiteri: It-Tielet Kappillan tal-Parroċċa ta’ Birżebbuġa

 

Dun Mikiel Spiteri: It-Tielet Kappillan tal-Parroċċa ta’ Birżebbuġa
kitba u riċerka ta’ Rev. Jos. Bonello
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2004.


caption

 

  1. Direttur tad-Domus “Sagra Familja” taż-Żejtun

  2. Kappillan ta’ Ħal Kirkop u ta’ Birżebbuġa

  3. Arċipriet tal-Parroċċa taż-Żejtun

  4. Monsinjur tal-Katidral

 

Kien bis-saħħa u t-tħabrik ta’ Mons. Dun Spir Penza, Kanonku ta’ Bormla, li Birżebbuġa saret Parroċċa fid-9 ta’ Settembru, 1913. Dun Spir, villeġjant, kien iqatta’ iktar żmien Birżebbuġa milli Bormla, u billi kien jara li n-nies ta’ Birżebbuġa kienu neqsin mill-kura pastorali, waħħal f’moħħu li jibni knisja. Mar għand l-Isqof Pace fejn wiegħdu li malli jlesti l-knisja kien fis ilaħħaqha Parroċċa. U hekk il-knisja tad-Duluri saret Parroċċa li baqgħet isservi sas-17 ta’ Ġunju, 1937, sakemm inbniet il-knisja ġdida ta’ San Pietru.

L-ewwel Kappillan kien il-Bormliż Dun Karm Bugelli. It-tieni Kappillan kien Dun Anġ Fenech li ħabrek ħafna biex tinbena l-knisja ġdida skond il-pjanta tal-Perit Godwin Galizia fuq stil sekulo-normann. Dun Fenech spiċċa minn Kappillan meta laħaq Monsinjur tal-Katidral. It-tielet Kappillan kien iż-Żejtuni Dun Mikiel Spiteri li kien Kappillan f’Ħal Kirkop. Il-ħatra ta’ Dun Mikiel ġiebet ferħ kbir f’Birżebbuġa, tant kien mistenni li l-poplu bħala rigal tah karozza, ħaġa li fejn naf jiena, qatt ma saret bħala mkien.

 

Min kien?

Dun Mikiel twieled iż-Żejtun fit-30 ta’ Settembru, 1912. Kien iben waħdieni ta’ Ġużeppi Spiteri u Gejtana Carabott.  Sa minn meta kien abbati kellu x-xewqa li jsir qassis, għalhekk daħal is-Seminarju u ġie ordnat saċerdot flimkien ma’ 32 ġuvni ieħor fil-25 ta’ Lulju, 1937.

Dun Mikiel beda x-xogħol pastorali tiegħu fiż-Żejtun, fejn kien jgħaddi siegħat sħaħ iqarar. Kellu mħabba speċjali lejn il-morda u l-anzjani li ta’ spiss kien jagħmlilhom żjajjar biex ikellimhom, iqararhom u jqarbinhom.  Kien Direttur tad-Domus “Sagra Familja”, fejn kien ta’ għajnuna kbira għall-membri żgħażagħ bil-pariri u bid-direzzjoni spiritwali. Kien predikatur magħruf u ta’ spiss kien imur jippriedka f’diversi parroċċi.

Fil-gwerra sikwit kien imur iqaddes lis-suldati Ngliżi u Maltin fil-Fortizzi ta’ Delimara, St. Peter’s, San Nikola u oħrajn.  Ta’ spiss kien jassisti lil dawk li jintlaqtu mill-bombi. Dan ix-xogħol baqa’ sejjer sa ma’ l-Arċisqof Gonzi għażlu bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħal Kirkop.

 

Kappillan ta Ħal Kirkop

Il-pussess ta’ Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħal Kirkop sar fit-22 ta’ Frar, 1943 mill-Isqof Galea.  Minħabba li Ħal Kirkop huwa qrib ħafna l-Ajruport ta’ Ħal Luqa, fil-gwerra dan ir-raħal kien fil-qalba ta’ l-attakki mill-bombi tal-Ġermaniżi u t-Taljani, tant li ħafna djar inqerdu u għadd kbir ta’ postijiet kellhom ħsarat kbar. Id-Dar Parrokkjali, il-M.U.S.E.U.M. u ż-żewġ każini tal-banda iġġarrfu għal kollox.

Minkejja dan iż-żmien diffiċli ta’ wara l-gwerra, Dun Mikiel intefa’ għax-xogħol, irranġa l-ħsarat fil-knisja u bena Dar Parrokkjali sura ta’ nies. Ikkontrolla u organizza mill-aħjar li seta’ ż-żewġ festi ta’ San Leonardo u San Ġużepp, b’hekk ġibed is-simpatija u r-rispett minn kulħadd b’umilta’ u bis-sempliċita’ tiegħu, kif ukoll bil-mod kif kien tant qrib il-poplu. Din il-ħidma pastorali baqgħet sejra sakemm l-Arċisqof fl-1952 ħatru Kappillan tal-Parroċċa ta’ Birżebbuġa. F’Ħal Kirkop dam 9 snin.

 

Kappillan ta Birżebbuġa

Wara s-suċċess li għamel f’Ħal Kirkop, Dun Mikiel ġie maħtur Kappillan ta’ Birżebbuġa. Ħa l-pussess fil-15 ta’ Ġunju, 1952. Dakinhar f’Birżebbuġa saret festa kbira, daqqet il-Banda Beland taż-Żejtun, u ħafna nies miż-Żejtun u Ħal Kirkop ġew għal din iċ-ċerimonja. Tant ferħu bih in-nies ta’ Birżebbuġa li lil Dun Mikiel, bħala rigal, tawh karozza. Jiena kont preżenti għall-pussess ta’ Dun Mikiel, u nista’ ngħid li tassew l-entużjażmu tal-poplu kien enormi.

Mill-ewwel Dun Mikiel beda x-xogħol bl-akbar serjetà: kien hemm il-bini tal-knisja Parrokkjali x’jitkompla u quddiem il-knisja kien għadu mħarbat kollu. L-ewwel, Dun Mikiel talab lill-Ġvern biex jagħmel dan iz-zuntier.  Ħa ħsieb biex ikompli l-bini tal-knisja, u jgħammarha u jsebbaħha b’dak kollu li kien meħtieġ bħala d-Dar ta’ Alla. Kien iħobb ħafna l-ordni u kien jinsisti ħafna biex il-funzjonijiet isiru bl-ikbar serjetà.

Iżda sfortunatament, Dun Mikiel dam Kappillan ta’ Birżebbuġa sentejn biss għaliex l-Arċisqof Gonzi ħatru Arċipriet taż-Żejtun flok Dun Emm. Brincat (li għal żmien twil għex f’Birżebbuġa) li kien sar Monsinjur tal-Katidral. In-nies ta’ Birżebbuġa ddispjaċihom li Dun Mikiel telaq hekk malajr minn fosthom, tant li xi wħud ipprotestaw, marru l-Kurja u riedu l-karozza lura biex ikunu jistgħu jagħtuha lill-Kappillan li jiġi wara Dun Mikiel. Huwa żgur li fis-sentejn li għamel Birżebbuġa kien popolari ħafna għall-eżempju tiegħu, u għax-xogħol li wettaq għall-ġid tal-poplu, l-iktar dawk li kellhom bżonn tal-faraġ.

 

Arċipriet fiż-Żejtun

Billi Dun Mikiel kien magħruf sewwa fiż-Żejtun, il-ħatra tiegħu bħala Arċipriet intlaqgħet b’ferħ kbir għax Dun Mikiel, billi kien Żejtuni, ta’ spiss kien imur iż-Żejtun, u kemm-il darba kien ikun mistieden biex jieħu sehem fil-Festa ta’ Santa Katarina u xi funzjonijiet oħra.

Hu ħa l-pussess ta’ Arċipriet taż-Żejtun nhar it-22 ta’ Awwissu, 1954. Ix-xhieda kienu Dun Ġużepp Żerafa, qassis Għawdxi li kien il-Viċi Parroku, u Dun Ġwann Palmier, il-prokuratur tal-knisja.  Dakinhar saret festa, daqqew iż-żewġ baned taż-Żejtun, u l-knisja kienet ippakkjata bin-nies. Iċ-ċerimonja mexxiha l-Isqof Galea.

Hekk kif sar Arċipriet intefa’ b’ruħu u b’ġismu għas-servizz tal-poplu: beda x-xogħol bl-ikbar impenn. Bis-saħħa tiegħu, il-ġnien li kien ħdejn l-Oratorju, proprjeta’ tal-Fratellanza tas-SS. Sagrament, ġie mogħti lill-parroċċa, u b’hekk Dun Mikiel tella’ dan il-kumpless kollu ta’ ħdejn il-knisja parrokkjali, fejn bena l-mużew għall-opri ta’ l-arti, is-Sala Parrokkjali “Alexandra” u dawk is-swali kollha li tant huma neċessarji għall-ħidma pastorali tal-parroċċa. Mhux dan biss, iżda rranġa wkoll iż-żewġ sagristiji u għamel dawn in-niċeċ għall-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, u għall-vari l-oħra tal-parroċċa. Kien isiefer lejn l-Amerika għand il-ħabib tiegħu Żejtuni s-Sur Pardo biex iġib flus għal dak li kien qiegħed jibni. U hekk irnexxielu jagħmel dik l-opra tant neċessarja għaż-żminijiet tal-lum. Beda jorganizza iktar il-Festa ta’ Santa Katarina u ta spinta wkoll għall-Festa tal-Madonna tad-Duttrina.

Iżda, jibqa’ l-fatt, li dan iż-żmien ma tantx kien żmien sabiħ, għax il-kwistjoni Politiko-Reliġjuża kienet fl-aqwa tagħha, imma bl-ikbar prudenza l-Arċipriet Spiteri qatt ma kisirha ma’ ħadd, qagħad attent li jżomm il-paċi u l-kwiet, sakemm l-Arċisqof Gonzi ħatru Monsinjur tal-Katidral.

 

Monsinjur tal-Katidral

Il-pussess ta’ Monsinjur tal-Katidral ħadu fit-13 ta’ Jannar, 1966, meta l-Katidral kien mimli biż-Żwieten, xhieda ta’ l-imħabba tagħhom lejn l-Arċipriet Spiteri. Għalkemm laħaq Monsinjur xorta waħda baqa’ joqgħod iż-Żejtun; fejn kien iqaddes il-quddiesa ta’ l-ewwel kuljum, li dak iż-żmien kienet fil-ħamsa ta’ filgħodu, u wkoll kien jgħaddi siegħat sħaħ iqarar. Billi kien predikatur magħruf, ta’ spiss kien ikun mistieden f’parroċċi oħra.

Dun Mikiel miet fil-25 ta’ Frar, 1970.  Indifen fiċ-Ċimiterju ta’ S. Rokku fil-parroċċa taż-Żejtun. Il-folla kbira li nġabret biex issellimlu waqt il-funeral kienet prova ta’ kemm dan Dun Mikiel kien maħbub u apprezzat minn kulħadd.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: