Skip to content

Dun Karm Frendo: Fl-okkażjoni tal-25 sena mill-mewt tiegħu

 

Dun Karm Frendo: Fl-okkażjoni tal-25 sena mill-mewt tiegħu.
kitba u riċerka ta’ Michael Balzia
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2005.


caption

Twelid u Tfulija

Fil-25 ta’ Mejju, 1941, fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, Georgio Frendo ingħaqad fiż-żwieġ ma’ Antonia, mwielda Cassar. Minn dan iż-żwieġ fis-02.15 ta’ filgħodu ta’ l-10 ta’ Settembru, 1942, fil-fond numru 82, Misraħ San Franġisk, Ħal Qormi, twieled Carmel (ismijet oħra kienu Joseph, Gerard, Helenius u Andrew). Kien l-ikbar fost it-tliet ulied tal-familja Frendo. L-oħrajn Francis u Ġiorġina.

Tgħammed fit-13 ta’ Settembru fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ minn Dun Ġerald Frendo li kien jiġi ħu missieru. Il-parrini tal-magħmudija kienu Carmelo u Conċetta nee Azzopardi, in-nanniet tiegħu min-naħa ta’ missieru. Irċieva l-Ewwel Tqarbina fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ nhar is-27 ta’ Lulju, 1947, fejn nhar l-14 ta’ Jannar, 1951, irċieva l-Griżma ta’ l-Isqof mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Mikiel Gonzi, O.B.E. Il-parrinu kien Dun Ġerald Frendo, iktar tard kappillan tal-Gudja, u arċipriet tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Qormi fejn meta spiċċa mill-ħidma pastorali nħatar monsinjur.

Attenda l-iskola tas-Sorijiet Agostinjani fi Triq il-Kbira (St Monica School), Ħal Qormi, l-iskola primarja ta’ San Ġorġ fi Pjazza Federico Maempel u iktar tard fis-Seminarju Minuri, il-Furjana. Bħal missieru Ġorġ, sa minn età tenera ta’ 4 snin, kien fratell fil-fratellanza tar-Rużarju ta’ Ħal Qormi. Baqa’ f’din il-fratellanza sa ftit xhur qabel ma daħal fis-Seminarju Maġġuri sabiex jibda kors li wasslu għas-saċerdozju fil-bidu t’Ottubru 1961. Ħuh Frans jiftakar lil Carmel jilgħab bl-affarijiet tal-Knisja. Kellu speċi ta’ kaxxa li fiha kellu altar b’santa tal-Madonna tal-Karmnu.

Karmenu ħa t-tonsura (l-ewwel ordni sagri) fis-16 ta’ Diċembru, 1966 fil-Kappella tal-Palazz ta’ l-Arċisqof, il-Belt Valletta, sabiex l-għada, 17 tax-xahar, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Paola, ingħata l-Ostjarjat u l-Lettorat. Fit-23 ta’ Diċembru, 1967, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Carmelo ngħata l-ministeri ta’ l-Eżorċistat u Akkolitat. Fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar, nhar it-3 ta’ Awissu, 1968, ingħata s-Suddjakonat, fil-waqt li d-Djakonat ingħatalu fil-21 ta’ Diċembru, 1968 fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta.

Qassis, Viċi-Parroku u Kappillan

Karmenu laħaq qassis fit-22 ta’ Marzu, 1969 mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta. Miegħu ħadu l-Quddiesa 23 saċerdot ieħor: 7 djoċesani, 4 membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl u 8 patrijiet oħrà.  Fost dawn kien hemm Dun Ġużepp Farrugia li iktar tard laħaq kappillan ta’ Birżebbuġa. Fil-parroċċa tagħna,  Dun Karm kien iċċelebra l-għaxar anniversarju ta’ l-ordinazzjoni (fis-sena 1979).

L-għada l-Ħadd, qaddes privatament fil-Kappella ta’ San Franġisk, Ħal Qormi, mgħejjun minn Dun Feliċ Tabone. Il-“Prima Messa” saret fis-27 ta’ Lulju, 1969 fil-parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal-Qormi. Il-Paneġirku sar minn Mons. Lawrenz Spiteri filwaqt li l-parrinijiet kienu l-Kanonku Dun Ġużepp Żammit (kuġinuh) u Monsinjur Giuseppe Lupi, prefett ta’ l-Istudji fis-Seminarju Maġġuri.  Fil-11-il sena ta’ ħidma saċerdotali, Dun Karm Frendo ħadem fi tliet parroċċi. Mis-sena 1969 sas-sena 1974, Dun Karm kien viċi-parroku tal-Parroċċa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun. Il-Kappillan kien Dun Ġużepp Mifsud Bonnici u din kienet għadha kif twaqqfet sena qabel (1968). Fl-1970, għamel il-festa ta’ din il-parroċċa żagħżugħa. Sena wara, għamel il-festa ta’ San Ġorġ f’belt twelidu, festa li kienet iċċelebrata fid-19 ta’ Settembru minħabba l-Elezzjonijiet Ġenerali ta’ dik is-sena.  Tliet snin wara, f’Ħal Qormi, tilef lil missieru fl-età ta’ 71 sena.

Fit-13 ta’ Mejju, 1974, Dun Karm kien innominat Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santa Marija ta’ Ħad-Dingli.  Huwa ħa l-pussess nhar id-19 ta’ Mejju mingħand Mons. Lawrenz Spiteri, duttur fit-Teoloġija u Kanonku tal-Katidral li kien qiegħed jidher minflok l-Isqof Emmanuele Galea peress li dan ta’ l-aħħar kien indispost. Ix-xhieda tal-pussess kienu Dun Ġerald Frendo, iktar tard monsinjur u Dun Joannes B. (Dun Ġwann) Abela mill-istess raħal.  L-omelija ta’ l-okkażjoni saret minn Dun Louis Camilleri, ukoll mill-istess raħal. F’Ħad-Dingli, Dun Karm ħadem bis-sħiħ fost iż-żgħażagħ, familji u tfal. Lilu jafu t-twaqqif tagħhom iċ-Ċentru taż-żgħażagħ, il-klabb tan-nisa, il-grupp tal-Familji, iċ-Ċentru tat-Tfajliet żgħar, u visti tal-Familji u gruppi ta’ talb. Huwa kompla wkoll ix-xogħol tal-Knisja. Kompla d-dekorazzjoni tal-koppla, il-bankijiet u l-invjar tas-saqaf u tal-Knisja.  Inbniet ukoll apramorta tal-knisja u saret ukoll istallazzjoni ġdida ta’ l-elettriku tal-Knisja u taċ-ċimiterju. filwaqt li għas-sena ċentinarja (300 sena) ġiet indurata l-vara ta’ l-Assunta. Kabbar ukoll il-festa ta’ barra b’diversi pavaljuni ġodda fit-toroq.

 

Kappillan ta Birżebbuġa, Dekan tat-Tielet Distrett, Kappillan tal-Fabbriki.

F’Birżebbuġa, il-Kappillan Frendo għamel l-antiporti laterali tal-Knisja Parrokkjali kif ukoll fi żmienu beda jiġi ċċelebrat il-marċ ta’ filgħodu u waqqaf diversi kummissjonijiet fil-Kunsill Parrokkjali. Huwa ħadem sabiex il-fuljett parrokkjali ”Birżebbuġa” ikun iktar regolari u fil-festa żdiedu diversi pavaljuni ġodda fit-toroq.  Dun Karm li trabba fl-Azzjoni Kattolika (Dun Ġammari Bonnici kien iz-ziju t’ommu) kellu mħabba kbira għall-Knisja ta’ Malta u kien Dekan tat-tielet Distrett Pastorali, membru tas-Senat Presbiterali u memrbu tal-Kumitat tàl-“Christus Rex”. Kien ukoll kappillan tal-Fabbriki.

Fil-5 ta’ Lulju, 1979, mietet ġewwa Birżebbuġa, ommu Antonia, fl-età ta’ 73 sena.

Dun Karm miet f’Birżebbuġa, fid-dar Parrokkjali, fl-età ta’ 37 sena fit-8 ta’ filgħodu nhar it-13 ta’ Ġunju, 1980 (festa liturġika tal-Qalb ta’ Ġesu). Il-funeral sar l-għada s-Sibt, 14 ta’ Ġunju fil-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa, kkonċelebrat mill-Vigarju Ġenerali Monsinjur Carmelo Xuereb, li għamel ukoll l-omelija, mill-Viċi-Kappillan li wara laħaq warajh, Dun Pawl Buttiġieġ u diversi qassisin oħra.  Ġie midfun fiċ-Ċimiterju Kristu Rxoxt tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi fil-qabar numru 6, sezzjoni A. Fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, sar ir-rit funebri fejn il-kadavru tbierek qabel ma ttieħed fuq l-ispallejn għad-difna.  L-aħħar kelma ta’ Dun Karm (kien magħruf bħala ċ-“Chief” mal-popolin għat-tislima popolari li biha kien jilqa’ lil dak li jkun) lill-poplu ta’ Birżebbuġa għall-festa kienet: “Nixtieq lil kull wieħed minnkom verament festa sabiħa nisranija fejn nifirħu u l-ferħ tagħna ma jispiċċax u ħadd ma jeħodulna, għax mibni mhux fuq is-sentiment biss imma fuq ir-realtà ta’ ħajja nisranija. Nitlob lil San Pietru, Patrun tagħna, ikabbar il-qdusija tagħkom”

Dun Karm u l-Ewkaristija

Ninsabu fis-sena ta’ l-Ewkaristija u tajjeb li hawn wieħed jirrakkonta xi episodji sabiex juri kemm Dun Karm kien iħobb lil dan il-Misteru.  Dun Karm kien iħobb ifittex post fejn jitlob quddiem Ġesu Ewkaristija, anki f’kappella ta’ kunvent tas-Sorijiet. Mela darba għall-Adorazzjoni ta’ Ġesu Ewkaristija, in-nies naqsu li jattendu, xi ħadd qallu biex ma jibqax jagħmilha. Iżda Dun Karm wieġbu, “Ukoll jekk inkun waħdi, nibqa’ nagħmilha!”. Meta ġew sabiex itellgħu l-arbli tal-bandieri fuq il-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa, il-Kappillan Frendo ra kif għamel sabiex dawn jitwaħħlu għall-festa ta’ Corpus.

Bix-xieraq li għal dan is-saċerdot ħabrieki ssemmew żewġ toroq kemm f’Ħad-Dingli kif ukoll f’Birżebbuġa.  L-ewwel waħda ssemmiet fl-1990 u l-oħra s-sena ta’ wara.

 

Kif Niftakar lil Dun Karm Jien

Ma’ Dun Karm kont iltqajt fis-sagristija tal-parroċċa xi jiem qabel it-translazzjoni tal-festa tas-sena 1978.  Erġajt iltqajt miegħu fit-translazzjoni meta kont għadni abbati. L-għada, jum il-festa, 6 ta’ Awissu (dakinhar kien ħalliena l-Papa Pawlu VI) kont spiċċajt minn abbati. Xi jiem wara kont wassaltu sal-kappella ta’ Kalafrana u kien qalli li l-unika rabta ma’ Birżebbuġa kienet li meta kien żgħir kien jiġi jgħum ma’ xi membru tal-familja hawnhekk. F’dak iż-żmien, jien ma kontx naħdem, iżda membru attiv fl-Azzjoni Kattolika Ġuvintur.  Wara li kien ħa l-pussess, kont immur kull nhar ta’ Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa, ngħodd il-flus li jkunu nġabru s-Sibt u l-Ħadd ta’ qabel, fl-ewwel xhur, sakemm mietet, ma’ ommu Antonia.  U jekk xi jiem minnhom ma kontx nitfaċċa arah iċempel lil ommi u jistaqsi għalija. Darba, qrib il-festa ta’ San Pietru, staqsieni jekk inħobbx lil San Pietru, “U żgur li nħobbu” weġibtu. U pront weġibni, “Mela mur għin lit-Te (Joe Abdilla) sabiex jgħaddi l-wire tal-pavaljuni tal-festa”. Ħaġa biss ma kontx qbilt ma’ Dun Karm.  Inħoss li għandi ngħidha għaliex għada xewka f’qalbi kull meta tasal il-festa. Aħfirli “chief”. Għall-festa tas-sena 1979, Dun Karm kien waqqaf li jiġi jħabbat bħala “maestro di cappella” għat-tridijiet, lejliet u nhar il-festa lil Frankie Diacono. Mal-mużika tal-Quddiesa u l-Għosrien kien hemm l-antifona u l-innu bil-Latin miktuba minn missieru Carlo Diacono li ma baqgħux, sfortunatament, jinstemgħu iktar u jista’ jkun li tlifnihom darba għal dejjem. Forsi xi darba nerġgħu nisimgħu imqar l-antifona.  Min jaf?

Niftakar lil Dun Karm kważi kuljum kien joħroġ jagħmel l-appostolat, kemm jekk ikunu ħaddiema tal-fabbriki sew jekk ikunu xufiera tal-linja.  Il-funeral li sarlu kien xhieda ta’ dan.  Nirringrazzja lill-Bambin li għal ftit taż-żmien iltqajt ma’ din il-persuna hekk ta’ eżempju qaddis.

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: