Skip to content

Qassisin li kienu jqaddsu fil-kappella tal-Kunċizzjoni f’Bengħisa

 

Qassisin li kienu jqaddsu fil-kappella tal-Kunċizzjoni f’Bengħisa
kitba u riċerka ta’ Arthur Grima
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2004.

 


caption

 

Minn kemm ilha mibnija mill-ġdid il-kappella tal-Kunċizzjoni f’Bengħisa kien hemm xejn inqas minn għaxar retturi li kienu jqaddsu f’din il-kappella. Dan, barra dawk il-qassisin li minn żmien għall-ieħor kienu u għadhom jiġu jqaddsu fiha, bħal meta jkun organizzat xi rtir jew quddiesa ta’ tieġ, xi anniversarju taż-żwieġ, kif ukoll meta xi ġenituri jkunu jixtiequ jippreżentaw it-trabi tagħhom.  Drawwa li wkoll bdiet minn xi ftit tas-snin ilu hi li kull meta jinħatar Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ Birżebbuġa, dan ikun mistieden li jagħmel il-festa tal-Kunċizzjoni. Issir ukoll meta xi saċerdot ġdid mill-parroċċa jieħu l-quddiesa. Niġu issa sabiex insemmu dawk il-qassisin kollha li servew bħala retturi tal-kappella matul is-snin.

Dun Ġakbu Gauci kien l-ewwel qassis ta’ din il-Kappella, pero’, mhux ta’ dik li nsibu llum u dan kien qabel l-1861. Dun Ġakbu kien miż-Żurrieq u hawn ta’ min ifakkar li sa l-1913, is-sena meta Birżebbuġa saret Parroċċa, dawn l-inħawi kienu jagħmlu parti mill-Parroċċa taż-Żurrieq. Fil-fatt, tul iż-żmien, kienu bosta mir-retturi ta’ din il-kappella li kienu jiġu mill-Parroċċa taż-Żurrieq, kif sejrin naraw aktar ‘il quddiem.

It-tieni rettur tal-Kappella kien Dun Ġużepp Gauci li kien jiġi n-neputi ta’ Dun Ġakbu (tat-Tamburett). Dun Ġużepp kien waqqa’ l-ewwel Kappella u reġa’ bniha mill-ġdid sabiex ikabbarha xi ftit aktar u dan kien bejn l-1861-1862.

It-tielet rettur kien ukoll miż-Żurrieq u dan kien Dun Franġisk Magri. Dun Franġisk kien baqa’ magħruf bħala tal-ħmara, għaliex huwa kien jiġi miż-Żurrieq sabiex iqaddes bil-ħmara.  Huwa kellu dar ftit ‘l isfel mill-kappella fejn ħafna drabi kien jgħaddi l-lejl mis-Sibt għall-Ħadd, u mbagħad, wara l-quddiesa, kien jerħilha lura bil-ħmara lejn iż-Żurrieq.

Ir-raba’ rettur kien Dun Pawl Saydon li kien ukoll ġej miż-Żurrieq. Dun Pawl kien jiġi z-ziju tal-Profs Pietru Pawl Saydon, li iżjed tard, huwa wkoll kellu jkun rettur ta’ din il-kappella. Hawn nixtieq insemmi fatt interessanti, li rrakkuntawli xi nies anzjani minn dawn l-inħawi, ta’ meta din il-Kappella kienet ser tingħalaq. Fil-fatt, kien diġa’ maħsub li fil-Kappella kien ser jibda jiġi merfugħ it-tiben. Biss, fuq insistenza tan-nies tal-post, l-aktar ta’ ċertu Feliċ Schembri, li kien jieħu ħsieb il-Kappella, dan il-ħsieb ma rnexxiex.

Niġu lura għar-retturi tal-Kappella u nsemmu issa l-ħames wieħed. Dan kien il-Profs Pietru Pawl Saydon. Huwa kien ġie xi snin qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u kien dam sa ma bdiet il-gwerra.  Fis-snin tal-gwerra u ftit wara, kien hemm rettur ieħor, Patri Raymond Formosa. Patri Raymond kien ta’ l-Ordni Dumnikana. Huwa kien fl-RMA bir-rank ta’ Fizzjal u kien stazzjonat fil-fortizza hekk imsejħa “ta’ l-Għolja” fl-inħawi ta’ Bengħisa. Barra li kien iservi lis-suldati ta’ dawn l-inħawi, kien ukoll jieħu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali tan-nies tal-post. Fiż-żmien li Patri Raymond kien rettur, għall-festa tal-Kunċizzjoni, kien jistieden lil xi patrijiet mill-kunvent ta’ San Duminku tal-Belt Valletta.  Magħhom, dawn il-patrijiet kienu jġibu xi tfal mill-parroċċa sabiex ikantaw waqt il-quddiesa tal-festa.

 

 

Minħabba l-ispazju limitat fil-Kappella, huma kienu jitilgħu jkantaw fl-għorfa li hemm fuq is-sagristija, waqt li l-kant kien jinstema’ ħiereġ minn tieqa ovali li mill-għorfa tagħti għall-Kappella.  Għal xi żmien ieħor, kien hemm saċerdot ieħor, li kien iqaddes fil-Kappella, li kien ukoll fis-servizz, biss ma kienx Malti iżda ta’ nazzjonalità Ingliża. Dan il-Patri kien fir-reġiment tàd-Devon li f’dawk iż-żminijiet kien stazzjonat fil-fortizza ta’ l-Għolja u l-inħawi tal-madwar. Fatt interessanti li jissemma dwar dan il-Patri huwa li meta kien iqaddes fil-Kappella kien ikun irid li l-bieb tal-Kappella jinżamm magħluq.

Hekk kif spiċċat il-gwerra u kienu għaddew xi snin, kien reġa’ ġie lura l-Profs Pietru Pawl Saydon. Hawn ta’ min isemmi l-mod ta’ kif kienet issir il-Festa tal-Kunċizzjoni fi żmienu. Kienu jsiru tlett ijiem ta’ Tridu bir-Rużarju, il-priedka, litanija tal-Qaddisin, il-kurunella, antifona u fl-aħħar il-Barka Sagramentali. It-Tridijiet kienu jsiru minn qassis wieħed, imbagħad għall-jum il-Festa, kien jiġi qassis ieħor li kien iqaddes ma’ xi żewġ saċerdoti oħra.  Nhar il-Festa, fis-sebgħa ta’ filgħodu, kienet issir quddiesa letta u wara, fid-disgħa, kienet tibda l-quddiesa cantata tal-festa.  Għal bosta snin, il-mużika kienet tkun f’idejn Dun Mikiel D’Amato miż-Żurrieq li kien jaqla’ xi mużiċisti u kantanti għall-okkażjoni.  Kien hemm xi żmien meta l-parti mużikali kienet fdata lin-nies minn Birżebbuġa u, fost l-oħrajn, kien hemm ċertu Oscar Borġ li kellu vuċi mill-aqwa.  Fi tmiem il-quddiesa; Mikiel Schembri, li f’dawk iż-żminijiet kien jieħu ħsieb il-Kappella, kien jipprepara festin żgħir fl-hekk imsejjaħ ‘Il-Palazz tas-Sur Ċikk’ li kienet dar kbira ftit ‘l isfel mill-Kappella.

Mill-Kappella lura għar-retturi.  Meta spiċċa l-Profs Saydon, għal xi ftit taż-żmien, kien hemm Dun Rikard Attard (il-Kanonku) u wara, għamel xi ftit taż-żmien ukoll il-Profs Dun Anton Tabone (il-Profs).

Niġu issa għaż-żmien tal-lum. Ir-rettur preżenti huwa Dun Ġużepp Berry. Ilu f’din il-kariga għalxejn anqas minn 35 sena. Tul dawn is-snin, fil-Kappella saru bosta xogħolijiet fosthom ir-restawr li sar fl-1988 kif ukoll bosta opri oħra.

Dan kollu sar grazzi għall-benefatturi ta’ din il-Kappella li bl-għajnuna tagħhom qiegħed jiġi msebbaħ it-Tempju ta’ Alla taħt il-ħarsien ta’ Ommna Marija Immakulata.

 

Nota Editorjali:

L-awtur ta’ dan l-artiklu, is-Sur Arthur Grima, ingħata “Ġieħ Birżebbuġa 2003” mill-Kunsill Lokali Birżebbuġa.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: