Skip to content

Saċerdoti Bormliżi f’Birżebbuġa

Saċerdoti Bormliżi f’Birżebbuġa
Kitba ta’ Joe Balzan
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa 1990, Festa 1996.

 

m

caption

 

Donnu li fl-antik nies ta’ diversi bliet kellhom il-pajjiż favorit tagħhom għall-villeġatura. Insemmi bħala eżempju n-nies ta’ l-lsla li kienu fil-maġġoranza tagħhom ifittxu Wied il-Għajn, tant li bi spejjeż tal-kapitlu ta’ l-lsla ġiet imtellgħa kappella. Birżebbuġa kellu n-nies ta’ Bormla jiffrekwentawh bħala villeġatura. U minħabba f’hekk is-saċerdot Bormliż, il-Monsinjur Dun Spiridione Penza kien li ħaseb biex titwaqqaf kappella għall-kumdita’ ta’ dawn li kienu jinżlu villeġatura. Permezz ta’ kuntratt li huwa għamel fl-1907 quddiem in-Nutar Francesco Camilleri xtara r-remissa ta’ ċertu Attard Montalto mill-lsla u fl-1909 xtara żewġ remissi oħra fil-qrib biex iktar jista’ jkabbar. Dawn ġew mixtrija għas-somma ta £332. Din il-kappella Mons. Penza tant irranġaha li anke saret faċċata ġdida fuq pjanta tal-Perit Bormliż Salvu Sacco. Kienet iddedikata lil Marija Addolorata u kellha sservi bħala l-ewwel parroċċa. Dwar Monsinjur Penza, wieħed jgħid li dan kien bniedem attiv ħafna tant li f’Bormla fetaħ dar bl-isem ‘Domus Sagra Familja’. Fiha kien jiġbor tfajliet iltiema biex jitgħallmu edukazzjoni kemm reliġjuża u affarijiet oħra bħal ħjata, tisjir, rakmu eċċ. Kienu jattendu mal-250 ruħ f’dar id-‘Domus’. Ta’ dan ix-xogħol fejjiedi li kien jagħmel huwa kien inħatar Monsinjur Kamrier Sigriet tal-Papa.

Saċerdot Bormliż ieħor li baqa’ msemmi mhux f’Birżebbuġa jew f’Bormla imma li ħalla isem għall-attivita’ tiegħu kien il-Kanonku Dun Karm Bugelli. Twieled f’Bormla fl-20 ta’ Lulju 1866 u sar saċerdot meta kellu 24 sena. Beda l-ħidma saċerdotali tiegħu qalb il-fqar u l-morda f’Bormla.  Wara nsibuh kapillan tal-lmqabba fl-eta’ ta’ 29 sena. Fl-4 ta’ Diċembru 1995 sar Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Bormla u fl-1904 insibuh kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġiljan. Wara dan għamel żmien jaħdem bħala missjunarju fost il-Maltin emigranti ta’ Korfu fejn irnexxielu jibni skola, knisja u dar għas-sorijiet Franġiskani li għadha teżisti sal-lum.

Kien l-ewwel kapillan tal-parroċċa ġdida fl-1913 fejn flimkien ma’ Monsinjur Dun Spir Penza, ħadem biex titwaqqaf din il-parocċa. ll-pussess sar nhar il-21 ta’ Settembru 1917 mill-lsqof Mauro Caruana taħt il-permessi meħtieġa biex jibda l-bini għall-knisja akbar. Fl-1921 huwa rriżenja biex joħrog għall-politika biex ikattar il-ħidma tiegħu fid-difiża tal-fqir u l-batut. Kien żmien meta diversi saċerdoti kienu joħorġu għall-politika. Ikkontesta l-elezzjoni tal-1921 bħala kandidat tal-partit ta’ Monsinjur Panzavecchia u ġie elett. Wara li rriżenja mar mal-Partit Laburista u nsibuh bħala deputat fl-1924. Darba waqt meeting fis-suq il-qadim ta’ Bormla ġie milqugħ bit-tisfir u ssuttar imma xorta ġie elett. Wara nkwiet kbir wasslu biex jitlaq il-Partit Laburista għax ma riedx joqgħod għad-dixxiplina tal-partit, u ma ġiex elett aktar, meta ħareġ ma’ partit ieħor. B’hekk spiċċa mill-ħajja politika. Kien bniedem influenti ħafna, ħadem ħafna biex l-edukazzjoni f Malta tieħu spinta ‘l quddiem, tant li kien strumentali blex il-Freres iwaqqfu l-ewwel kulleġġ f’Malta. Miet fl-isptar Ċentrali fil-Furjana nhar it-22 ta’ Mejju 1936 u midfun fiċ-ċimeterju ta’ Marija Addolorata f’Raħal Ġdid.

Kappillan Bormliż ieħor li wassal biex ikollna parroċċa mżejna kif narawha llum hu bla dubju l-Monsinjur Dun Ġużepp Minuti. Dan ġie ordnat saċerdot fl-1940. Fl-1949 ħa l-pussess bħala Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Bormla.  Fl-1950 beda l-karriera tiegħu bħala Kappillan fil-parroċċa ta’ Marija Annunzjata f Ħal Balzan. Dam iservi f’din il-parroċċa sal-1954 meta ġie mibgħut bħala Kappillan fil-parroċċa ta’ Birżebbuġa. ll-ħidma tiegħu f’din il-parroċċa kienet waħda attiva li damet sal-1978 meta f’din is-sena Dun Ġużepp Minuti nħatar Kanonku tal-Kattidral.

Monsinjur Ġużeppi Minuti wettaq ħidma kbira f’Birżebbuġa. Huwa wiret knisja mibnija ġdida li kienet ilha tinbena 25 sena u issa ried li jaħseb biex jagħmel l-affarijiet ta’ ġewwa ħalli din tkun tista’ tidher isbaħ u kompluta. B’risq il-ħidma tiegħu saru dawn l-opri fil-parroċċa:- ll-qniepen Olandiżi (Petit and Fritsen) fl-1969, il-paviment tal-irħam, il-fonti tal-magħmudija (rigal tad-ditta Shell); l-artal maġġur fl-1955, il-Via Sagra u tliet statwi tal-injam dik ta’ SanĠużepp u tar-Rużarju (1960) u naturalment il-vara titulari preżenti ta’ San Pietru (1959).  Dawn l-istatwi imħadmu kollha f’Bolzano. Hemm diversi opri oħra li impossibli wieħed isemmihom kollha imma żgur ta’ min isemmi t-tabernaklu li sar fl-1962 għand id-ditta F. Cassar & Sons f’Bormla li hu xogħol maħdum fil-fidda verament artistiku, u x-xiri tat-tużell li kien ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex.

Żgur li nhar il-festa wieħed meta jara dan kollu jgħid kemm kienet siewja l-ħidma ta’ dan Monsinjur Ġużeppi Minuti.

Dun Antonio Albanese minn Bormla u ex-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ Bormla (1879 -1885) fl-20 ta’ Frar 1864 twebbel biex jibni kappella jew oratorju f’Birżebbuġa, issa li n-nies żdiedu u barra minn hekk hemm il-bogħod sew għall-parroċċa tal-Gudja (erba’ mili u nofs). Sab għajnuna, kemm tal-perit Doublet li għamel il-pjanti u anke offra l-art għal dan l-iskop, kif ukoll tal-kapillan tal-Gudja li offra parti mid-dħul tiegħu għall-bini ta’ din il-kappella. Poġġa l-ewwel ġebla fid-29 ta’ Ġunju 1865 huwa stess (Dun Antonio Albanese) u wara din il-kappella ġiet iddedikata lis-Sagra Familja.

Kien hemm ħidma pastorali oħra minn tliet saċerdoti oħra Bormliżi; dawn kienu Dun Rikard Attard li qabel ma sar saċerdot djoċesan kien iħaddan l-Ordni Dumnikan bl-isem ta’ Patri Anġeliku u kien hemm ukoll Dun Manwel Bonnici li kien ex-Patri Tereżjan u kien hemm ukoll Dun Evan Caruana li ħadem bħala viċi-parrokku mill-1986 sa l-1991 fejn wara nsibuh kappillan tal-Gudja. Ta’ l-aħħar wettaq ħidma pastorali kbira qalb iż-żgħażagħ.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: