Skip to content

300 Sena ilu nbniet Il-Kappella ta’ Sant’Anġlu ta’ Ħal Far

 

300 Sena ilu Nbniet Il-Kappella ta’ Sant’Anġlu ta’ Ħal Far.
kitba u riċerka ta’ Michael Balzia.
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2002.

 

 

 

Din il-kappella benefiċċjali kienet tinsab fir-raħal antik ta’ Ħal Far quddiem Wied Żnuber fin-nofsinhar ta’ Malta u twaqqgħet bil-ħidma ta’ l-għadu fl-aħħar Gwerra Dinjija. Wara l-art tagħha ttieħdet sabiex jiġi estiż l-ajrudrom.

Inbniet minn Nobbli Vincenzo Viani mill-Belt Valletta fis-sena 1702, skond id-data li kienet iġġib fuq il-bieb prinċipali tagħha u dejjem skond rikors flimkien ma’ kuntratt l-ewwel wieħed milqugħ mill-Isqof David Cocco Palmeri fit-2 ta’ Jannar, 1702 u l-ieħor għand in-nutar Giovanni Francesco D’Albrazzo fl-10 ta’ Jannar. Magħha kellha anness benefiċċju ta’ ħames skudi fis-sena meħudin mill-beni ta’ l-art imsejħa ‘ta’ docchiena’ li kienet tinsab f’Birżebbuġa. Minn dan il-benefiċċju, Viani ried li jitħallas ir-rettur, jinxtegħel lampier tar-ram fis-Sibtijiet u lejliet il-Festi Kmandati kif ukoll fil-festi tal-qaddisin li kienu jidhru fil-kwadru titulari. Il-festa tagħħa kienet issir nhar il-5 ta’ Mejju bl-Ewwel Għasar u Quddiesa Kantata. Il-lampier kien jinxtegħel ukoll f’Lejlet u nhar il-festa.

Viani għamel il-kappella ġdida tiegħu ġuspatronali, tintiret mill-ewwel tifel tal-linja dixxendenti ta’ ibnu l-kbir, Isidore. Dan kien ikkonfermat fl-Atti Nutarili ta’ Paolo Vittorio Giammalva fit-28 ta’ Mejju, 1775, meta kien iffondat l-‘Primo Genitura’ mit-tfal ta’ Isidore, il-Baruni ta’ Tabria, Gio Batta Viani, Angelica, Maddalena u Olimpia.

Il-format ta’ din il-kappella huwa l-istess wieħed li nsibu f’dawk il-kappelli kampanjoli mibnija f’dawn iż-żminijiet. Sant’Anġlu ta’ Ħal Far kellha żewġ bibien, fuq dak prinċipali wieħed seta’ jara l-arma ġentilizja tal-Gran Mastru Perellos u dik ta’ l-Isqof Cocco Palmeri (dan kien iħares lejn in-nofsinhar). Fuq ieħor żgħir li kien jagħti għall-artijiet ta’ l-istess familja kien hemm l-arma tal-familja Viani.

L-istruttura ġenerali tal-kappella kienet rettangolari bis-saqaf troll iserraħ fuq ħames arkati. Il-qanpiena waħdanija tal-bronż b’żewġ ilsna kienet tinstab taħt ħnejja tal-ġebel fil-faċċata. Hija kellha altar wieħed tal-ġebel.

Il-kwadru titulari fi gwarniċ tal-ġebel kien jinsab taħt skultura f’forma ta’ ħamiema tirrapreżenta l-Ispirtu s-Santu. Fuq in-naħa ta’ fuq tal-pittura kien hemm impittra l-Kunċizzjoni, fin-nofs Sant’Anġlu Martri (Karmelitan – 1220W.K.), fil-waqt li fin-naħa t’isfel San Sidor, Isqof u Konfessur u San Vinċenz Ferreri, Konfessur.  Għal xi żmien f’din il-pittura kien hemm ukoll ix-xbieha tal-fundatur, ħaġa li l-isqof aċċetta li ssir minhabba l-eta’ tiegħu, u li kellha titħassar għal kollox mal-mewt tiegħu.

Fuq kull naħa ta’ l-altar kien hemm żewġ bibien b’pittura ovali fuq kull wieħed. Il-kwadru tax-xellug kien bl-immaġni ta’ Santa Teodora u dak tal-lemin b’Santa Marija Maddalena. Għall-ħabta tas-sena 1758 żdiedu wkoll xi relikwiji ta’ qaddisin bis-siġill ta’ l-Isqof Alpheran de Bussan.  Is-sagristija kienet tinstab wara l-altar. Fiha kien hemm bankun tal-ġewż, armarju, salib u kwadru ta’ Sant’Anna.

Din il-kappella ġiet imbierka u miftuħa għall-pubbliku fil-11 t’Ottubru, 1702 minn Dun Ġakbu Dudingh, kommendatur tal-Kommenda ta’ Aix-la-Chapelle u wara isqof ta’ Lausanne. L-ewwel rettur tagħha kien Don Angelus Viani, iben il-fundatur u Maddalena Pensa. Dan twieled f’Alicata, fi Sqallija fit-2 ta’ Lulju, 1670 u kien kappillan Konventwali tal-Lingwa Taljana fi ħdan l-Ordni. Warajh laħaq Don Josef Olivier, qassis belti li ħa l-ħatra tiegħu nhar l-10 t’Ottubru, 1715.  L-aħħar rettur kien il-poeta, Dun Frans Camilleri.

Fondazzjoni oħra saret għand in-nutar Giov. Francesco d’Albrazzo fid-29 ta’ Jannar, 1704. Fiha jissemma għall-ewwel darba t-titlu ta’ abbazzija.  Don Angelo Viani, allura rettur tal-kappella kellu l-fakulta’ li jqaddes Quddiesa letta fil-jiem tal-festa, u Quddiesa oħra fl-aħħar Tnejn ta’ kull xahar, jekk din kienet tinzerta festa, din kienet titqaddes l-għada. L-art magħrufa bħala Ta’ Franchin’ f’Bir Lanġasa, f’Bubaqra (10 grani) flimkien ma’ dik ‘Ta’ Docchiena’ kienu jagħmlu tajjeb għal din il-fondazzjoni. Din kienet ikkonfermata b’digriet li ħareġ mill-Kurja nhar is-17 t’April, 1704.

 

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: