Skip to content

Triq San’Andrea f’Birżebbuġa fil-Festa fl-Imgħoddi

 

‘Triq San Andrea: Ritratt mill-Imgħoddi’
minn Michael Schembri
Ippubblikat fuq ‘Birżebbuġa: Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2006.

 

 

Sa l-1978, ftit kienu t-toroq li jintramaw għall-festa.  Għax kien fis-sena 1979, l-ewwel u l-unika festa fi żmien Dun Karm Frendo, li ħafna toroq tħajru u għamlu l-pavaljuni, għalkemm sfortunatament, bosta minn dawn it-toroq ma tantx damu jintramaw.

Ir-ritratt juri Triq Sant’Andrea, imżejna għall-festa ta’ San Pietru tal-1978, meta kienet tintrama bit-tieni sett ta’ pavaljuni tagħha.  Mis-sena ta’ wara, dawn il-pavaljuni bdew jinbidlu għal dawk li hemm illum u li fihom disinn maqtugħ fid-drapp u bil-pittura ta’ Ġużeppi Darmanin, l-istess bħal dawk li bdew isiru għat-toroq li bdew jiżżejnu għall-ewwel darba.

Qabel is-sett li hemm fir-ritratt, kien hemm sett ieħor bil-pittura u li kien jeħel taħt l-istess anġli.  Dak iż-żmien, ħafna mix-xogħol tal-ħjata tal-pavaljuni kien isir minn Karmnu Grima (magħruf bħala ‘ħamiemu’), filwaqt li l-pittura kienet issir minn Mikiel Farrugia.  Wara s-sett tal-pavaljuni tal-pittura, sar is-sett ta’ l-erba’ pavaljuni l-ħomor il-kbar u mbagħad, fi żmien Joe Abdilla, inbidlu dawk it-tlieta ż-żgħar ta’ taħt l-anġli.

Fis-snin ta’ wara l-1978. il-pavaljuni l-ħomor ittieħdu għal xi żmien f’toroq oħra, filwaqt li s-sopraporti, jew l-anġli ittieħdu u ntramaw għat-telgħa ta’ l-Azzjoni Kattolika, jiġifieri dik il-parti minn Triq Birżebbuġa fin-naħa tal-Bajja s-Sabiħa.

Punti interessanti minn dan ir-ritratt: qed naraw l-ewwel triq li saritilha il-liedna tal-plastik.  Dak iż-żmien il-liedna kienet tkun tal-karti tat-tajr u kienet trid tinbidel kollha kull sentejn.  Hawnhekk saret mill-plastik tat-tazzi tax-xemgħa – għalhekk ħamra.  Naraw ukoll kuruni jew ċrieki bil-ward li kienu jagħmluhom biex jikkumplimentaw il-liedna.  Ġieli kienu jżidu wkoll ward – tal-karti tat-tajr, ma’ l-istess liedna.  Aktar tard l-idea tal-ward spiċċat u minflok bdejna naraw jew kuruni tal-liedna mingħajr ward jew il-liedna tinħadem b’partijiet bil-kuluri.

Ma jidhrux fir-ritratt, għax kienu diġà nqatgħu milli jintramaw, il-qsari li wkoll kienu jiddendlu maġenb il-festuni, kif ukoll il-kuruni kbar f’nofs u f’salib it-toroq.  Kienu jsiru wkoll pavaljuni maħduma b’disinnji tal-fjuri.  Dawn kienu jieħdu ħsiebhom il-familji ta’ Pietru Pawl (jew aħjar Pawlu) Mizzi u ta’ Ġużeppi Micallef (ir-Rabti).  Ġużeppi kien jieħu ħsieb ukoll li fit-tieqa tiegħu jarma altar.

Dwar armar bil-fjuri, dak iż-żmien jidhirli li kien isir hekk ukoll mal-gallerija ta’ l-Azzjoni Kattolika (u wkoll għal xi karrijiet, l-aktar fil-Karnival).  Ħasra li mhux żgur hawn ritratti tagħhom.

Triq Sant’Andrea kienet magħrufa wkoll għaliex:

  • il-parti l-kbira tal-membri tal-kumitat tal-festa kienu jkunu minn din it-triq,
  • miż-żewġ gruppi ta’ reffiegħa wieħed kien ikun kollu minn din it-triq, l-ieħor kien il-grupp ta’ Bengħisa,
  • kienu jintefgħu ammont kbir ta’ karti u jinħarqu suffarelli u gassijiet waqt il-marċ.  Mal-karti l-attrazzjoni kienu r-rollijiet tal-printers, u ma kienx jonqos li bi żball jinżel ukoll xi mqass.

Semmejna lil Pawlu Mizzi (li qed jidher fir-ritratt man-naħa tax-xellug) – ismu jidher fl-ewwel listi li baqa’ fil-kotba tal-kumitati u f’reġistri oħra.  Għal bosta snin kien ir-rettur tal-Fratellanza tas-Sagrament.  (Fil-ħarġa tal-Fuljett Parrokkjali ta’ Settembru / Ottubru 1988, deher ritratt tal-Fratellanza tas-Sagrament waqt it-translazzjoni tal-festa ta’ l-istess sena.  Pawlu Mizzi jidher f’nofs il-fratelli, liebes id-domna.)  Pawlu kien għin ħafna fix-xogħlijiet li saru fil-knisja.  Ma kienx biss membru fil-kumitat sabiex jissuġġerixxi x’għandu jsir.  Naf li kien minn ta’ quddiem pereżempju biex irranġaw l-art tal-knisja meta nksiet bil-konkos, jew meta saru l-ewwel trinek biex saret l-ewwel sistema ta’ l-elettriku – grazzi għalih meta llum inkunu ser ngħaddu xi dawl ġdid u nfittxu li nużaw l-istess trinek għax niffrankaw il-ħmieġ u t-tbatija.  Kien hu wkoll li għal bosta snin ta pariri siewja biex nirranġaw kif nistgħu l-knisja tagħna.

Naf li hu kien iħobb dejjem jagħmel il-kuraġġ bħal meta ridna nlibbsu l-bieb maġġur u l-gallerija ta’ ġewwa jew biex nibdlu d-damask u s-sepulkru.  Kien jieħu pjaċir jara l-Knisja tavvanza u ma kienx bħal xi wħud li meta ssir xi ħaġa ġdida jġibu l-iskużi kollha biex l-affarijiet isiru mill-aqwa meta jafu li dan ma jkunx finanzjarjament possibbli.  Fuq kollox Pawlu kien minn ta’ quddiem ukoll biex wara xi festa, kien jiġi jżarma u jerfa kollox f’postu.

Nirringrazzjaw lil Pawlu ta’ l-eżempji sbieħ li ħallielna u wkoll tal-ħidma tiegħu li għalkemm bosta minna ma nafux biha, qed ingawdu minna llum.

 
No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: