Skip to content

Mro. Carmelo Pace: Il-Kompożitur tal-Innu Popolari Lil San Pietru

 

‘Mro. Carmelo Pace: Il-Kompożitur tal-Innu Popolari Lil San Pietru
kitba ta’ Joe Julian Farrugia
Ippubblikat fuq ‘Minn Qalb L-Iljuni’, Festa 2004.

 

stampa

caption

 

Meta nitkellmu dwar l-opra, ħafna drabi nirreferu għall-kompożizzjonijiet barranin, l-aktar Taljani u x’uħud Franċiżi, Spanjoli, Russi, Awstrijaċi jew Ġermaniżi. Iżda opri b’kompożizzjoni u libretti Maltin għandna wkoll. U dawn ma jagħmlux għajb lil dawk barranin. Is-Surmast Carmelo Pace kiteb erba’ opri minbarra ħafna u ħafna mużika klassika oħra. Ix-xogħlijiet tiegħu huma magħrufa f’ħafna pajjiżi fejn għadhom jindaqqu sa llum. Anzi, nazzarda ngħid illi kieku Pace kien ġej minn xi pajjiż li semmejt aktar ‘il fuq ikun magħruf ħafna aktar.

Carmelo   Pace   twieled   fil-Belt Valletta nhar is-17 ta’ Awissu 1906.  Huwa kien l-akbar wild fost tlieta ta’ Anthony u Maria Carmela mwielda Ciappara, oħt is-Surmast Vincenzo Ciappara li kien joqgħod fl-istess appartament mal-familja Pace fi Triq Merkanti.

Carmelo ħa l-edukazzjoni tiegħu b’mod privat u fil-kulleġġ ta’ Santu Wistin fil-Belt. Il-ħajra li jitgħallem il-mużika bdiet minn kmieni. Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija meta f’Malta kien hawn ħafna nies tas-servizzi stazzjonati, kien jieħu pjaċir jisma’ l-baned reġimentali jdoqqu marċi militari u funebri. Zijuh Vincenzo kien beda jgħallmu l-mużika fid-dar stess, u fil-kulleġġ, kien ingħażel biex imexxi l-kor ta’ l-istudenti.

Meta zijuh Vincenzo induna bil-progress kbir li kien qed jagħmel Carmelo fil-mużika, huwa introduċih mal-Professur Carlo Fiamingo li beda jgħallmu l-vjolin. Aktar tard kien tħarreġ ukoll fl-armonija, kontrapunt, kompożizzjoni u orkestrazzjoni taħt Thomas Mayne.

Ommu, Marija Carmela, kienet ħafna drabi tibagħtu b’xi qadja għand missieru li kien jahdem fiċ-ċinema Commerce fi Strada Rjali. F’dik is-sala kien hemm kwartett li kien idoqq matul il-wiri ta’ films silent. U Carmelo ma damx ma beda jdoqq hemm. Zijuh Vincenzo kien jibagħtu wkoll għand il-kopjisti għal xi partituri ta’ kompożituri bħal Carlo Diacono u Paolino Vassallo. B’dak il-mod, Carmelo kien sar familjari wkoll ma’ dik it-tip ta’ mużika.

Fl-1931, Carmelo kiseb id-diploma ta’ għalliem tal-mużika mir-Royal School of Music ta’  Londra u beda jagħti l-lezzjonijiet.  Iżda kif feġġet it-Tieni Gwerra Dinjija, it-tagħlim ma setax jibqa’ għaddej, u Carmelo sar shelter supervisor fejn kien jieħu ħsieb madwar 600 refuġjat li ma kellhomx saqaf fuq rashom.

Wara kien daħal skrivan ma’ l-Air-Force fejn xogħlu kien li jsib il-codes tal-moviment ta’ l-ajruplani.  Huwa kien stazzjonat f’uffiċċju 1-Belt fejn 1-attakk kienu jkunu kontinwi.  Darba daqq air raid u Carmelo webbes rasu u dam ma ħareġ mill-bini.  Meta ddeċieda li joħroġ u jmur ifittex kenn, ġiet bomba quddiem il-bini ta’ 1-uffiċċju u ħelisha biss bi żbrixx.

Il-gwerra, iżda, ma qatgħetx qalb Carmelo li jkompli fil-mużika.  Huwa kien waqqaf orkestra żgħira u kien jagħmel kunċerti għar-refuġjati.  Kien ukoll imur jgħallem wara l-ħin tax-xogħol f’Command School of Education li kien hemm fi Triq l-Ifran.

Dak iż-żmien, il-familja Pace kienet iċċaqalqet minn Triq Merkanti għal Triq Zekka.  Iżda din l-aħħar dar kienet waqgħet bil-bombi.  Għalhekk huma marru joqogħdu f’Tigne u aktar tard fi Triq San Duminku f’Tas-Sliema fejn Carmelo għex u ħadem għal aktar minn 50 sena.

Il-kompożizzjonijiet ta’ Pace bdew minn meta kellu għoxrin sena, meta kiteb partitura għall-pjanu, vjolin u vjolinċell. Fl-1931, ħoloq fantasija għall-banda ta’ mużika tradizzjonali Maltija bl-isem ta’ Maltesina.  Din kienet mod oriġinali kif Carmelo adatta 1-għana Malti għal strumenti aktar kontemporanji.

Din il-Maltesina kienet indaqqet għall-ewwel darba mill-banda Skoċċiża tal-Highland Fusiliers f’Misraħ il-Palazz il-Belt.

Mill-pinna ta’ Pace nsibu wkoll oratorji, kantati, innijiet sagri lil ħafna qaddisin patruni madwar Malta u Għawdex, żewġ balletti, mużika tal-baned, tliet kunċerti għall-pjanu u ħafna xogħol klassiku ieħor.

Il-poema sinfonika Jubilamus kienet intgħażlet biex tindaqq mill-Orkestra Sinfonika ta’ Kyoto fil-Ġappun fl-Expo 70.  Minbarra fil-Ġappun, xogħlijiet tas-Surmast Carmelo Pace indaqqu wkoll f’pajjiżi bħall-Ingilterra, Wales, ir-Russja, in-Norveġja, Svezja, Franza, 1-Italja, il-Ġermanja, il-Polonja, l-Eġittu, l-Indja, l-Arġentina u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

Huma erba’ l-opri li jġibu l-firma ta’ Carmelo Pace u huma kollha dwar ġrajjiet lokali.  Dawn huma Caterina Desguanez li kiteb fl-1965 b’librett ta’ Ivo Muscat Azzopardi. Din titratta ġrajja ta’ skjav Tork li jaqleb għar-reliġjon Nisranija u jsir iħobb lil bint sidu. Opra oħra hija I Martiri li nkitbet fl-1967 b’librett ta’ Vincenzo Maria Pellegrini fuq l-istorja tal-qawmien li kien sar kontra l-Franċiżi fi tmiem is-seklu tmintax. Fl-1973, Carmelo kien kiteb Angelica b’librett ta’ l-istess Pellegrini u li tirrakkonta l-leġġenda ta’ l-għarusa tal-Mosta. Ipogeana hija r-raba’ opra ta’ Pace u nkitbet fl-1976. Din ukoll għandha librett ta’ Pellegrini u hija dwar konflitt bejn il-qassis il-kbir Barbani u Maħbuba fi żmien Malta preistorika meta ħafna tfajliet sbieħ kienu jkunu sagrifikati lill-allat. Carmelo kien qiegħed jikteb opra oħra bil-librett ta’ Ġuże Cardona fuq il-ħajja ta’ San Franġisk ta’ Assisi, iżda din ma tkomplitx minħabba l-mewt ta’ Ġuże.

Fl-1946 kien ippubblika ġabra ta’ xandiriet li kien jagħmel fuq ix-rediffusion dwar l-apprezzament tal-mużika u erba’ snin wara ħareġ ukoll A Handbook of Musical Forms.  Huwa waqqaf l-orkestra u l-kor tal-Malta Cultural Institute u għamel madwar 40 sena jorganizza kunċerti u serati varji ta’ mużika għall-istess entità.

Carmelo rebaħ għal erba’ snin wara xulxin (1955-1958) il-kompetizzjoni għall-kompożizzjoni mnedija mill-kumpanija Redijfusion madwar id-dinja. Rebaħ ukoll kompetizzjonijiet għall-mużika Chamber tal-Performing Right Society ta’ Londra fl-1962 u 1-1972.  Tliet snin wara, Carmelo ġie l-ewwel u t-tieni b’żewġ kompożizzjonijiet ta’ mużika Chamber f’kompetizzjoni mtella’ mit-Teatru Manoel.

Carmelo baqa’ ma żżewwiġx.  Huwa kellu karattru kwiet u umli; raġel paċenzjuż u onest b’qalb tad-deheb u dejjem lest jagħti pariri siewja.  Huwa la kien isuq, la jpejjep u lanqas jixrob.

Bħala passatempi kien iħobb ħafna l-annimali.  Id-dar dejjem kien jieħu ħsieb xi qattus jew tnejn u anke fuq it-televiżjoni kien jippreferi jara xi dokumentarju dwar il-ħajja ta’ l-annimali u n-natura. Kien ukoll dilettant tal-fotografija u għamel żmien jiżviluppa r-ritratti tiegħu stess.

Fl-1964, Carmelo sar Kavallier ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann u sentejn wara kien mogħti l-midalja tad-deheb mis-Soċjetà ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ.  Fl-1971 ingħata midalja oħra mingħand il-Konfederazzjoni ta’ Kunsilli Ċiviċi.  Kien ippremjat bil- Pheonicia Award fl-1986 mill-President Barbara u fl-1992 sar Uffiċjal ta’ l-Ordni Nazzjonali ta’ Mertu mill-President Tabone.

Is-Surmast Carmelo Pace miet nhar 1-20 ta’ Mejju 1993 fl-età ta’ 86 sena.  L-arkivji mużikali tiegħu huma miżmumin fil-Mużew tal-Katidral fl-Imdina, f’kamra msemmija għalih, filwaqt li l-manuskritti ta’ l-opri li kiteb jinsabu fit-Teatru Manoel.

Sa llum għadna ma nsibu ebda triq f’pajjiżna msemmija għal Carmelo Pace, lanqas l-istess triq fejn qatta’ 50 sena minn ħajtu f’Tas-Sliema.  Nittamaw li ma ndumux ma naraw rikonoxximent għall-ħidma ta’ dan il-ġenju ġentlom.

 

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal It-‘Torċa’ bħala parti mir-rubrika ta’ Joe Julian Farrugia ‘Ulied is-Seklu l-Ieħor’.

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

%d bloggers like this: